MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss
19.11.2012 - (2012/2881(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jacky Hénin, Marisa Matias, Miloslav Ransdorf, Patrick Le Hyaric, Lothar Bisky, Jean-Luc Mélenchon, Inês Cristina Zuber f’isem il-grupp GUE/NGL
B7‑0506/2012
riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha (COM(2012)0430),
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi regoli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-Konferenza Plenipotenzjarja tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (UIT) tal-2010 ġie deċiż li ssir Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT) f'Dubaj bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2012, bl-għan li jiġu riveduti r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;
B. billi r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali, li ġew adottati permezz tal-Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telegrafija u t-Telefonija f’Melbourne fl-1988 u li sa issa għadhom qatt ma ġew riveduti, għandhom bżonn ta' reviżjoni sabiex jiġu adattati għar-realtà l-ġdida f'dan is-settur dinamiku u kruċjali;
C. billi s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-UIT bid-dritt tal-vot u billi l-UE hija rrappreżentata mill-Kummissjoni bħala membru tas-settur mingħajr dritt tal-vot;
1. Jenfasizza li t-telekomunikazzjonijiet u l-internet huma u għandhom jibqgħu beni pubbliċi, peress li dan huwa l-uniku mod kif jiġu ggarantiti aċċess universali għalihom u kontroll demokratiku fuqhom;
2. Jirrakkomanda li l-pożizzjoni tal-UE fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT) għandha tkun li kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jrid isir b'mod li jippromwovi kooperazzjoni internazzjonali akbar, filwaqt li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-utenti tat-telekomunikazzjonijiet kollha madwar id-dinja mingħajr diskriminazzjoni u b'hekk jgħin biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u biex tinħoloq soċjetà tal-informazzjoni ffukata fuq in-nies, orjentata lejn l-iżvilupp u inklużiva;
3. Iqis li l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, il-privatezza individwali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari fl-internet, huma essenzjali għall-bini ta' soċjetà moderna ġusta u demokratika; jenfasizza li d-diversità kulturali trid tiġi rrispettata u ppreservata u li l-espressjoni tagħha trid tiġi stimulata, mingħajr ma jiġu imposti twemmin, użanzi jew valuri partikolari;
4. Jiddefendi l-pożizzjoni li t-telekomunikazzjonijiet u l-internet huma beni komuni pubbliċi u li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiggarantixxu aċċess universali għalihom sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru għodod għall-iżvilupp uman u soċjali u jikkontribwixxu għat-tiswir ta' soċjetà inklużiva u nondiskriminatorja għall-benefiċċju ta' kulħadd;
5. Jenfasizza li r-regolazzjoni tat-telekomunuikazzjonijiet u tal-internet trid titħaddem b'mod trasparenti, multilaterali u demokratiku bil-parteċipazzjoni tas-setturi varji, u b'hekk tiġi ppreservata u promossa n-natura tagħha bħala kreazzjoni komuni;
6. Jopponi kwalunkwe privileġġ fil-qasam tal-filtrazzjoni jew tat-traffiku li ma jissodisfax il-kriterji etiċi u tekniċi, kemm jekk dawn il-privileġġi jkunu bbażati fuq fatturi politiċi, kummerċjali, reliġjużi jew kulturali u kemm jekk ikunu bbażati fuq kwalunkwe forma oħra ta' diskriminazzjoni jew trattament preferenzjali, inklużi fatturi ekonomiċi;
7. Jiddefendi bis-sħiħ il-prinċipju tan-newtralità tal-internet u għaldaqstant jappoġġa proposti li jfittxu li jiżguraw li r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali riveduti jibqgħu ta' livell għoli, strateġiċi u newtrali mil-lat tat-teknoloġija, jgħinu biex jinkisbu prezzijiet aktar baxxi u trasparenza akbar rigward l-ipprezzar għat-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali u jirrispettaw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;
8. Iħeġġeġ kollaborazzjoni u koordinament akbar bejn l-UIT u l-organizzazzjonijiet rilevanti involuti fl-iżvilupp ta' netwerks ibbażati fuq l-IP u l-internet tal-futur, permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni, kif ikun xieraq, sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-UIT fil-governanza tal-internet u b'hekk jiġu żgurati l-akbar benefiċċji possibbli għall-komunità globali; huwa tal-fehma li l-istabbiltà, is-sigurtà u l-funzjonalità ġenerali tan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet iridu jiġu ppreservati b'mod attiv permezz tal-adozzjoni ta' miżuri tekniċi li jkunu konsistenti mal-istandards internazzjonali u li jħeġġu l-adozzjoni tal-aħjar prattiki;
9. Jenfasizza li l-internet irid ikun ibbażat fuq standards miftuħin li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, li jħallu lil kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp tiegħu u li jippromwovu l-iżvilupp kontinwu u t-tixrid mifrux tat-teknoloġiji u l-mudelli ġodda għall-aċċess u għall-użu; huwa tal-fehma li l-qafas ġuridiku u regolatorju jrid jippreserva d-dinamika tal-internet bħala spazju għall-kollaborazzjoni;
10. Iqis li kwalunkwe azzjoni li tittieħed kontra attività illegali fuq in-netwerk trid tkun immirata lejn dawk li huma direttament responsabbli għal tali attivitajiet u mhux lejn il-mezz ta' aċċess u trasport, u trid tirrispetta b’mod strettittijiet tad-difiża, filwaqt li dejjem jiġu kkunsidrati l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, il-privatezza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.