MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni f'Gaża
20.11.2012 - (2012/2883(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Ricardo Cortés Lastra, Emer Costello, Ana Gomes, Richard Howitt, Emilio Menéndez del Valle, María Muñiz De Urquiza, Norbert Neuser, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0522/2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-istrixxa ta' Gaża, partikolarment dawk tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża[1], tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża[2], tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża[3], tat-18 ta' Frar 2009 l-għajnuna umanitarja għall-Istrixxa ta' Gaża[4], tas-17 ta' Ġunju dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża[5] u tad-29 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina[6],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Gaża tad-19 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tas-16 ta' Novembru 2012 dwar l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-vjolenza fl-Iżrael u f'Gaża,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, tal-16 ta' Novembru 2012, dwar il-vjolenza f'Gaża u fl-Iżrael,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-isparar ta' missili mill-Istrixxa ta' Gaża kontra l-Iżrael min-naħa tal-Ħamas u gruppi armati oħrajn, minn naħa, u l-qtil immirat extraġudizzjarju kommess mill-armata Iżraeljana, min-naħa l-oħra, skattaw ċiklu u spirali ġodda ta' vjolenza fin-Nofsinhar tal-Iżrael u fl-Istrixxa ta' Gaża;
B. billi, skont l-awtoritajiet Palestinjani, fl-Istrixxa ta' Gaża mietu 104 persuni, fosthom bosta tfal, u 860 ruħ indarbu minn mindu l-armata Iżraeljana bdiet l-Operazzjoni "Pilastru ta' Difiża" fir-reġjun; billi, skont l-awtoritajiet Iżraeljani, fl-Iżrael mietu tliet persuni u 68 indarbu bħala konsegwenza tal-isparar ta' missili mill-Istrixxa ta' Gaża matul dawn l-aħħar ġimgħat;
C. billi, skont l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), l-attakki mill-ajru Iżraeljani huma mmirati lejn il-mexxejja tal-gruppi militanti, l-infrastrutturi u t-tagħmir ta' sigurtà, iżda dejjem iktar spiss anki kontra l-bini residenzjali fl-Istrixxa ta' Gaża, b'żieda konsiderevoli tal-vittmi ċivili; billi l-missili sparati kontra l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża huma mmirati deliberatament kontra l-popolazzjoni ċivili;
D. billi ċ-ċivili fin-Nofsinhar tal-Iżrael u fl-Istrixxa ta' Gaża qegħdin, għal darb'oħra, jisfaw vittmi u ostaġġi tal-vjolenza minħabba raġunijiet politiċi, u billi din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli;
E. billi invażjoni mill-art tal-Istrixxa ta' Gaża u l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-kriżi attwali xejn ma jagħmlu ħlief iġibu aktar tbatija kemm għall-Palestinjani kif ukoll għall-Iżraeljani;
F. billi l-komunitajiet Palestinjani tal-Istrixxa ta' Gaża, tax-Xatt tal-Punent u ta' Ġerusalemm tal-Lvant huma parti tal-istess poplu Palestinjan li jgħix fit-Territorju Palestinjan okkupat;
G. billi l-punti ta' qsim lejn l-Istrixxa ta' Gaża u minnha ilhom magħluqin minn Ġunju 2007; billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv għall-popolazzjoni, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, billi mill-Istrixxa ta' Gaża għadhom qegħdin jiġu sparati missili kontra l-Iżrael;
H. billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Mejju 2012, il-Kunsill iddikjara li "b'rikonoxximent sħiħ tal-ħtiġijiet leġittimi tal-Iżrael dwar is-sigurtà, l-UE tkompli tappella għall-ftuħ immedjat, sostnut u mingħajr kondizzjonijiet tal-qsim tal-fruntiera għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, merkanzija kummerċjali u persuni lejn u mill-istrixxa ta' Gaża, li s-sitwazzjoni tagħha mhijiex sostenibbli dment li tibqa' politikament separata mix-Xatt tal-Punent" u li "minkejja progress limitat, l-UE tappella lill-gvern ta' Iżrael biex jieħu passi ulterjuri sinifikattivi u estensivi li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Istrixxa ta' Gaża, inkluż billi jippermettu l-kummerċ max-Xatt tal-Punent u l-Iżrael"
I. billi kemm id-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u għal Stat sovran tagħhom kif ukoll id-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi ħdan konfini sikuri huma inkontestabbli; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina, il-Parlament esprima s-sostenn tiegħu u stieden lill-Istati Membri jkunu magħquda fl-indirizzar tat-talba leġittima tal-Palestinjani li jkunu rappreżentati bħala stat fin-Nazzjonijiet Uniti; billi, fl-istess riżoluzzjoni, jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jerġgħu jikkonfermaw l-impenn sod tagħhom favur is-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael;
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-episodji l-ġodda ta' vjolenza fin-Nofsinhar tal-Iżrael u fl-Istrixxa ta' Gaża, u l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji taċ-ċivili maqtula u feruti, fosthom hemm ħafna nisa u tfal;
2. Jappella għal waqfien mill-ġlied u għas-sospensjoni immedjata tal-atti ta' vjolenza kollha li jheddu l-ħajjiet ta' ċivili innoċenti, fosthom l-isparar ta' missili fl-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża min-naħa tal-Ħamas u gruppi armati oħrajn kif ukoll l-qtil immirat, l-attakki mill-ajru u l-bumbardament navali f'dan ir-reġjun mill-armata Iżraeljana;
3. Iwissi, filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Iżrael li jiddefendi lill-popolazzjoni tiegħu kontra l-missili sparati fl-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, kontra invażjoni mill-art fir-reġjun min-naħa tal-armata Iżraeljana, li taf twassal għal intensifikazzjoni ulterjuri notevoli tal-kunflitt u tal-konsegwenzi umanitarji tiegħu, u jistieden lill-Iżrael juri moderazzjoni, jiggarantixxi li r-risposta tiegħu tkun proporzjonata, jaġixxi skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali u jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili Palestinjana fiċ-ċirkostanzi kollha;
4. Isostni l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, tal-Eġittu u tal-atturi internazzjonali l-oħra intiżi li jinnegozjaw waqfien mill-ġlied u jsibu soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali, u jinkoraġġixxihom ikomplu f'din id-direzzjoni; ifaħħar il-ħidma tal-UNWRA u tal-organizzazzjonijiet l-oħrajn li jagħtu servizzi bażiċi lill-popolazzjoni tal-Istrixxa ta' Gaża;
5. Itenni s-sostenn qawwi tiegħu għas-soluzzjoni tal-koeżistenza ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, li tipprevedi li l-Istat tal-Iżrael jgħix maġenb, fil-paċi u s-sigurtà, ma' Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli;
6. Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jibqa' jsostni, f'dan il-kuntest, il-politika tar-reżistenza mhux vjolenti tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas u l-inizjattivi tiegħu meħuda f'dan l-ispirtu, inkluż it-talba tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat osservatur mhux membru;
7. Għadu jappella għar-rikonċiljazzjoni Palestinjana, li tirrappreżenta l-mod biex jerġgħu jingħaqdu l-komunitajiet Palestinjani tal-Istrixxa ta' Gaża, tax-Xatt tal-Punent u ta' Ġerusalemm tal-Lvant, li huma parti tal-istess poplu Palestinjan li jgħix fit-Territorju Palestinjan okkupat;
8. Jerġa' jappella biex jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża; jappella, partikolarment, għall-ftuħ sostenibbli tal-punti ta' qism kollha lejn u barra minn din iż-żona, inkluż il-port ta' Gaża, bil-għan li jitħalla l-fluss kontinwu tal-għajnuna umanitarja, fosthom il-materjali kollha meħtieġa għall-UNWRA u għall-aġenziji tan-NU u internazzjonali l-oħra għall-qadi ta' dmirijiethom, kif ukoll għall-riabilitazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istrixxa ta' Gaża, li hija essenzjali għall-paċi u għas-sigurtà sostenibbli fir-reġjun; jappella, fl-istess ħin, li jiġi evitat il-kontrabandu ta' missili u ta' tagħmir militari ieħor fl-Istrixxa ta' Gaża;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, u lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu.