MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva
5.12.2012 - (2012/2890(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Miloslav Ransdorf, Marie-Christine Vergiat, Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0534/2012
B7‑0539/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra bosta riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, eż. Riżoluzzjonijiet 3263 (XXIX) tad-9 ta' Diċembru 1974, 3474 (XXX) tal-11 ta' Diċembru 1975, 31/71 tal-10 ta' Diċembru 1976, 32/82 tat-12 ta' Diċembru 1977, 33/64 tal-14 ta' Diċembru 1978, 34/77 tal-11 ta' Diċembru 1979, 35/147 tat-12 ta' Diċembru 1980, 36/87 A u B tad-9 ta' Diċembru 1981, 37/75 tad-9 ta' Diċembru 1982, 38/64 tal-15 ta' Diċembru 1983, 39/54 tat-12 ta' Diċembru 1984, 40/82 tat-12 ta' Diċembru 1985, 41/48 tat- 3 ta' Diċmebru 1986, 42/28 tat-30 ta' Novembru 1987, 43/65 tas-7 ta' Diċembru 1988, 44/108 tal-15 ta' Diċembru 1989, 45/52 tal-4 ta' Diċembru 1990, 46/30 tas-6 ta' Diċembru 1991, 47/48 tad-9 ta' Diċembru 1992, 48/71 tas-16 ta' Diċembru 1993, 49/71 tal-15 ta' Diċembru 1994, 50/66 tat-12 ta' Diċembru 1995, 51/41 tal-10 ta' Diċembru 1996, 52/34 tad-9 ta' Diċembru 1997, 53/74 tal-4 ta' Diċembru 1998, 54/51 tal-1 ta' Diċembru 1999, 55/30 tal-20 ta' Novembru 2000, 56/21 tad-29 ta' Novembru 2001, 57/55 tat-22 ta' Novembru 2002, 58/34 tat-8 ta' Diċembru 2003, 59/63 tat-3 ta' Diċembru 2004, 60/52 tat-8 ta' Diċembru 2005, 61/56 tas-6 ta' Diċembru 2006, 62/18 tal-5 ta' Diċembru 2007, 63/38 tat-2 ta' Diċembru 2008, 64/26 tat-2 ta' Diċembru 2009, 65/42 tat-8 ta' Diċembru 2010 u 66/25 tat-2 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fir-reġjun tal-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004) u 1673 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (AQM),
– wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, b’mod speċjali d-Dokument Finali –Volum I, Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ segwitu, paragrafi 104 u 116, kif ukoll il-Kapitolu IV dwar il-Lvant Nofsani, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Novembru 2012 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon li jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu li tissejjaħ konferenza taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti li jattendu għaliha l-istati kollha fil-Lvant Nofsani bil-għan li tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi nukleari u armi oħra ta' qerda massiva,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta’ Frar 2004[1], tal-10 ta’ Marzu 2005[2], tas-17 ta’ Novembru 2005[3] u tal-14 ta’ Marzu 2007[4] dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari, u tal-10 ta’ Marzu 2010[5] dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'sitwazzjoni fejn ir-reġjun tal-Lvant Nofsani huwa kkaratterizzat minn kunflitti vjolenti u qed ikompli jinbidel profondament u b'mod rapidu, huwa aktar urġenti minn qatt qabel li l-komunità internazzjonali tintensifika l-isforzi lejn il-paċi, id-diżarm u l-bini tal-fiduċja;
B. billi l-bidu ta' proċess biex tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani ikun pass importanti lejn il-paċi u s-sigurtà u r-riżoluzzjoni tat-tilwim mhux biss ta' dimensjonijiet reġjonali, imma wkoll dinjija;
C. billi riżultat ewlieni tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) tal-2010 kien il-qbil li tissejjaħ konferenza fl-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u armi oħra ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani; billi l-preparamenti għal din il-konferenza qegħdin fi stadju avvanzat; billi l-pajjiżi kollha fir-reġjun ħlief l-Iżrael esprimew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fil-konferenza skedata;
D. billi l-konferenza ġiet posposta fuq inizjattiva tal-Istati Uniti li rreferiet għall-'kundizzjonijiet attwali fil-Lvant Nofsani u l-fatt li l-istati fir-reġjun għadhom ma laħqux ftehim dwar kundizzjonijiet aċċettabbli għal konferenza';
E. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon iddikjara b'mod ċar fl-24 ta' Novembru 2012 li l-konferenza tal-2012 tista' ssir fl-2013;
F. billi t-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari huwa l-pedament tas-sigurtà internazzjonali; billi, minħabba nuqqas ta' progress fil-proċess tad-diżarm nukleari, hemm kriżi dejjiema ta' fiduċja fit-trattat; billi n-nuqqas ta' bidu għad-djalogu dwar żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani se jkompli jiggrava din il-kriżi, bil-periklu ta' konsegwenzi serji għall-Konferenza għar-Reviżjoni tat-TNP tal-2015;
1. Jiddeplora bil-qawwa l-posponiment tal-konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u minn armi oħra ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;
2. Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, il-faċilitatur tan-NU, il-parrini tar-Riżoluzzjoni tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-konferenza tal-2012 issir mhux iktar tard minn April 2013;
3. Jenfasizza l-importanza tal-adeżjoni tal-Iżrael fit-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari; jistieden lill-Iżrael jissottometti l-faċilitajiet nukleari tiegħu kollha għal salvagwardji komprensivi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), kif mitlub mill-Konferenza Ġenerali tal-IAEA fir-Riżoluzzjoni tagħha GC(56)/RES/15 tal-20 ta' Settembru 2012;
4. Jistieden lill-Iżrael biex jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-konferenza u biex jipparteċipa b'mod kostruttiv fil-preparazzjoni u t-tmexxija tagħha; jistieden lill-partijiet kollha biex juru r-rieda politika meħtieġa biex jingħelbu l-ostakli u biex jaħdmu b'mod kostruttiv fuq kompromessi bil-għan li jibda d-djalogu dwar iż-żona ħielsa mill-armi nukleari fl-2013;
5. Jistieden lill-istati kollha fir-reġjun biex jaderixxu u jimplimentaw il-konvenzjonijiet kollha rilevanti tad-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni, biex jissodisfaw in bona fede l-obbligi internazzjonali u l-impenji tagħhom f'dan il-qasam u jikkooperaw mal-IAEA;
6. Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun, sakemm tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi nukleari, biex jonqsu milli jiżviluppaw, jipproduċu, jittestjaw jew jiksbu b'mod ieħor armi nukleari jew li jippermettu l-istazzjonar fit-territorji tagħhom, jew it-territorji taħt il-kontroll tagħhom, ta' armi nukleari jew tagħmir splussiv nukleari;
7. Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jaderixxu mal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom u mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi;
8. Jenfasizza li l-progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani huwa element kruċjali għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jilqa' d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tagħti status imsaħħaħ ta' pajjiż mhux membru lill-Istat Palestinjan; iħeġġeġ lill-UE, bħala membru tal-Kwartett, biex tuża' dan il-momentum u twettaq inizjattivi effettivi bil-ħsieb li tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Palestinjani għal sovranità u żvilupp reali u tal-Iżraeljani għas-sigurtà; jenfasizza l-fatt li soluzzjoni ġenwina għall-kriżi attwali tista' tintlaħaq biss permezz tal-istabbiliment ta' Stat Palestinjan skont il-konfini tal-1967, b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, ħdejn Iżrael;
9. Jistieden lill-istati kollha li għandhom armi nukleari, kemm dawk rikonoxxuti u dawk mhux rikonoxxuti, iżda b'mod partikolari lil Franza, lir-Renju Unit, lill-Istati Uniti u lill-Iżrael, biex jagħtu garanziji ta' sigurtà negattiva lill-Iran u lill-pajjiżi kollha l-oħra tar-reġjun tal-Lvant Nofsani; jenfasizza li tali garanziji jikkostitwixxu element vitali fl-isforz biex tinkiseb kunfidenza u sigurtà fir-reġjun;
10. Ifakkar li d-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni nukleari huma sostantivament interrelatati u jsaħħu lil xulxin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu d-diżarm nukleari prijorità tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni u biex jegħlbu l-waqfien fin-negozjati tad-diżarm nukleari fil-livelli bilaterali u multilaterali;
11. Jitlob għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fl-Ewropa; jistieden lill-gvernijiet ta’ Franza u tar-Renju Unit biex jeħilsu mill-armi nukleari tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti jneħħi mill-Ewropa l-armi nukleari tattiċi kollha u lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex jirtira l-armi nukleari tiegħu mill-parti tal-Punent tat-territorju tiegħu; jitlob għax-xoljiment tal-arranġamenti kollha ta' kondiviżjoni nukleari bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti;
12. Jenfasizza li l-aħjar mod kif tiġi ttrattata l-problema tal-proliferazzjoni huwa l-abbandun tal-enerġija atomika darba għal dejjem, għax l-użu ċivili tagħha huwa mimli b'perikli kbar u l-użu tat-teknoloġija nukleari ċivili għal skopijiet militari ma jista' qatt ikun eskluż b'ċertezza suffiċjenti;
13. Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lis-Sottosegretarju Finlandiż tal-Istat Jaakko Laajava, il-faċilitatur tal-konferenza, u lill-Gvernijiet u l-parlamenti tal-Iżrael, l-Iran u l-istati l-oħra kollha tar-reġjun.