Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0545/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0545/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

5.12.2012 - (2012/2889(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Libor Rouček, Marek Siwiec, Kristian Vigenin, Bogusław Liberadzki, Norbert Neuser, Juan Fernando López Aguilar f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0544/2012

Proċedura : 2012/2889(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0545/2012
Testi mressqa :
B7-0545/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0545/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(2012/2889(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tal-1 ta' Diċembru 2011 li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina[1] u tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-każ ta’ Yulia Tymoshenko[2],

–   wara li kkunsidra l-elezzjonijiet fil-Verkhovna Rada tal-Ukraina, li saru fit-28 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, inkluż il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża adottat fit-22 ta' Novembru 2010 u l-progress li nkiseb s’issa fl-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-PEV dwar il-Ġeorġja ppubblikat fil-15 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Ukraina tal-15 ta’ Mejju 2012, b’mod partikolari ż-żewġ rapporti adottati dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni fid-29 ta’ Ottubru 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu tad-29 ta’ Ottubru 2012 bħala reazzjoni għat-twettiq u r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina, b’mod partikolari dik tat-13 ta’ Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni ta’ osservazzjoni elettorali ad hoc tal-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina, ippreżentat fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tas-6 ta’ Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport imressaq minn Aleksander Kwasniewski u Pat Cox lill-Parlament Ewropew fit-2 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-riżultati tal-ħidma tagħhom bħala osservaturi fil-proċedimenti tal-qorti dwar il-kawżi kontra Yulia Tymoshenko u Yuriy Lutsenko,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f’Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-Samit UE-Ukraina 2011 fi Kyiv irrikonoxxa l-Ukraina bħala pajjiż Ewropew b'identità Ewropea, li taqsam storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-passat tal-Ukraina fid-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-Ukraina għal-libertajiet ċivili u l-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt, bl-inkorporazzjoni ta’ proċessi ġuridiċi ġusti, imparzjali u indipendenti, u l-fokus tagħha fuq ir-riforma interna huma ta’ importanza kbira għal iktar żvilupp ta’ relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;

C. billi l-OSKE/ODIHR ħa nota fis-sejbiet u konklużjonijiet preliminari tiegħu, li dawn l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati min-nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs, ikkawżat primarjament mill-abbuż tar-riżorsi amministrattivi, min-nuqqas ta’ trasparenza tal-kampanja u tal-finanzjament tal-partiti, u min-nuqqas ta' kopertura bbilanċjata mill-midja;

D. billi saru dikjarazzjonijiet li ma jaqblux mid-diversi osservaturi internazzjonali dwar it-twettiq u l-eżitu ta’ dawn l-elezzjonijiet parlamentari; billi l-ex President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), Mevlut Cavusoglu, qajjem dubbji dwar id-dikjarazzjoni li saret minn grupp ta’ kapijiet tal-missjoni PACE/OSKE, u żied li d-dikjarazzjonijiet politiċi kienu ddominaw is-sejbiet attwali waqt l-osservazzjoni;

E.  billi s-samit UE-Ukraina ta’ Diċembru 2011, li kien intiż li jwassal għall-firma tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni, naqas milli jilħaq l-objettiv tiegħu minħabba l-inċertezza tal-UE dwar is-sitwazzjoni politika fl-Ukraina, b’mod partikolar l-arrest u l-proċess tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Yulia Tymoshenko u Yuriy Lutsenko;

F.  billi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle ddikjaraw li l-valutazzjoni finali tal-elezzjonijiet parlamentari reċenti kienu jiddependu mill-iżviluppi ta’ wara l-elezzjoni u enfasizzaw li l-kooperazzjoni bilaterali tibqa’ bbażata fuq ir-rispett għall-valuri komuni;

G. billi l-mibgħut speċjali tal-Parlament Ewropew Aleksander Kwasniewski avża li jista’ jkun li l-Ukraina tiġi iżolata, li jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għar-reġimi mhux demokratiċi;

H. billi l-ex President tal-Polonja, Aleksander Kwasniewski, u l-ex President tal-Parlament Ewropew, Pat Cox, inħatru bħala l-mibgħuta tal-Parlament Ewropew biex jimmonitorjaw l-proċedimenti tal-qorti li kienu jinvolvu l-kap tal-oppożizzjoni Yulia Tymoshenco li kienet il-ħabs;

I.   billi liġi elettorali ġdida li ġiet adottata f'Novembru 2011 minn maġġoranza kostituzzjonali fenomenali fil-Parlament tal-Ukraina, inkluż permezz tal-koalizzjoni li qed tmexxi u l-oppożizzjoni parlamentari, stabbilixxiet sistema elettorali mħallta;

J.   billi, minkejja t-tħassib li tqajjem mill-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali internazzjonali, il-partiti tal-oppożizzjoni kisbu riżultat fenomenali f’dawn l-elezzjonijiet parlamentari; billi l-eżitu ta’ dawn l-elezzjonijiet, partikolarment il-wasla ta’ żewġ partiti ġodda fil-Verkhovna Rada (il-Parlament tal-Ukraina) juri li n-nies tal-Ukraina ma kinux biss konxji tal-għażla kbira ta’ partiti u manifestos, iżda setgħu jilħqu l-konklużjonijiet tagħhom stess, abbażi tal-kredibilità tal-kampanji tal-partiti rispettivi;

K. billi, madankollu, tqajjem tħassib dwar it-tmexxija tal-proċess ta’ wara l-elezzjonijiet, li kien mgħarraq minn irregolaritajiet, dewmien fl-għadd tal-voti u nuqqas ta’ trasparenza fil-kummissjonijiet elettorali;

L.  billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata fil-kollaborazzjoni mal-Ukraina lejn assoċjazzjoni politika u ekonomika; billi azzjoni mħeffa u determinata mill-gvern u l-awtoritajiet statali l-oħrajn rilevanti kollha fl-Ukraina biex jikkonsolidaw il-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż hija meħtieġa biex jiġu żgurati relazzjonijiet imsaħħa bejn l-UE u l-Ukraina;

1.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea tista’ tinkiseb biss abbażi ta’ rieda ċara min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ukraina biex iwettqu u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa, partikolarment dik tas-sistema ġuridika u ġudizzjarja, bl-għan li jkun hemm adeżjoni sħiħa mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt; jitlob għal appoġġ attiv u effettiv għal dan il-proċess ta’ riforma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu;

2.  Jilqa’ l-mod leġittimu u b’ordni li bih twettaq il-proċess ta’ votazzjoni fit-28 ta’ Ottubru 2012, il-jum li fih saru l-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina, li minkejja problemi iżolati, marru lil’hinn mill-aspettattivi tal-biċċa l-kbira tal-kritiki; jenfasizza, madankollu, li l-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali internazzjonali indikat in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs waqt dawn l-elezzjonijiet;

3.  Jinnota li l-kampanja elettorali kienet viżibbli u attiva globalment, partikolarment fiż-żoni urbani, u kienet kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-pajjiż; jilqa’ f’dan ir-rigward il-parteċipazzjoni kbira ta’ votanti madwar l-Ukraina;

4.  Jinnota, b’mod partikolari, li bil-wasla ta’ żewġ partiti ġodda fil-Verkhovna Rada, il-votanti kellhom opportunità reali biex jagħmlu l-għażla tagħhom minn medda wiesgħa ta’ kandidati u partiti u li kellhom il-possibbiltà li jesprimu l-vot tagħhom b'mod liberu dakinhar tal-elezzjoni; jinnota, għalhekk, li r-rebbieħa reali ta’ dawn l-elezzjonijiet parlamentari kienu persuni mill-Ukraina, li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u esprimew b’mod ċar ir-rieda politika tagħhom;

5.  Jinsab imħasseb dwar l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u s-sistema ta' finanzjament tal-kampanja, li kienu taħt il-livell tal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lill-gvern il-ġdid biex ikompli jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti sabiex tiġi pprovduta iktar trasparenza ta’ finanzjament u nfiq, il-kxif totali ta' sorsi u ammonti ta' nfiq tal-kampanja u s-sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' finanzjament tal-kampanja, b'mod partikolari;

6.  Jieħu nota li nkiseb pass pożittiv fil-liġi elettorali l-ġdida rigward l-ambjent tal-midja, inklużi dispożizzjonijiet ġodda għad-dritt tal-votanti għal informazzjoni diversa, oġġettiva u imparzjali u għal kopertura bilanċjata; jiddispjaċih, madankollu, li ammonti kbar ta' flus intefqu fuq il-kopertura tal-midja mill-partiti politiċi ewlenin, filwaqt li l-kopertura tal-kampanja kienet limitata jew ristretta, li għalhekk wassal biex dawn id-dispożizzjonijiet saru inqas rilevanti;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi marbuta mal-għadd u t-tabulazzjoni tal-voti f’għadd ta’ kostitwenzi ta’ mandat uniku; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali biex ma tiddikjarax riżultat għal dawn il-kostitwenzi u l-fatt li l-awtoritajiet tal-Ukraina bdew jieħdu miżuri biex jorganizzaw elezzjonijiet ġodda f’dawn il-kostitwenzi mill-iktar fis possibbli;

8.  Jinnota li filwaqt li l-amministrazzjoni elettorali, immexxija mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, mexxiet l-aspetti tekniċi tal-proċess b’mod professjonali, tqajmu dubbji mill-oppożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u l-proċedura għall-ħatra tal-Kummissjonijiet Elettorali tad-Distrett (DEC) u l-Kummissjonijiet Elettorali Lokali (PEC), u b’mod partikolari dwar ir-rappreżentanza ta’ xi partijiet tekniċi;

9.  Jilqa’ d-deċiżjoni ta’ Verkhovna Rada biex jistabbilixxi kumitat parlamentari ta’ inkjesta biex jinvestiga l-problemi li seħħew waqt dawn l-elezzjonijiet u l-ksur tal-liġi elettorali;

10. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament tal-Ukraina li għadu kif ġie elett biex jibda minnufih bir-reviżjoni tal-liġi elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015; jinsisti li f’din l-okkażjoni se jitqiesu b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-OSKE/ODIHR; jistieden lill-forzi politiċi kollha biex jaħdmu flimkien biex iwettqu t-titjib meħtieġ fil-proċess elettorali fl-Ukraina;

11. Jinnota d-dikjarazzjonijiet tal-President u l-Prim Ministru tal-Ukraina li jikkundannaw il-ksur tal-liġi elettorali; jilqa’ d-dikjarazzjonijiet tagħhom li jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw il-ksur kollu li seħħ waqt il-proċess tal-elezzjoni, biex jingħataw valutazzjoni legali u jittieħdu l-passi xierqa għal reazzjoni legali;

12. Jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex isibu, flimkien mal-mibgħuta tal-Parlament Ewropew Aleksander Kwasniewski u Pat Cox, soluzzjoni raġonevoli u ġusta għall-każ ta’ Tymoshenko; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina biex jirrispetta u jimplimenta d-deċiżjonijiet finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-każ għaddej bħalissa ta’ Yulia Tymoshenko;

13. Jilqa’ l-fatt li Verkhovna Rada elett reċentement huwa impenjat biex l-integrazzjoni Ewropea tal-Ukraina ssir prijorità tal-politika barranija tal-pajjiż;

14. Hu konvint li, wara l-elezzjonijiet parlamentari, l-Ukraina u l-UE se jaħdmu biex jerġgħu jiksbu momentum pożittiv u kostruttiv fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ livell għoli, bil-ħsieb li jkun hemm riżultati pożittivi mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius;

15. Jenfasizza li s-sinifikanza strateġika u ekonomika tal-ftehim ta' assoċjazzjoni u d-DCFTA għall-Ukraina u għall-Unjoni Ewropea u għalhekk jappella li dawn il-ftehimiet jiġu ffirmati mingħajr dewmien żejjed; ifakkar li l-konformità politika, ekonomika u regolatorja mal-UE hija l-qafas politiku l-iktar effettiv fl-avvanz tal-benessri taċ-ċittadini tal-Ukraina;

16. Iħeġġeġ lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina biex ikomplu, jintensifikaw u joħolqu proċess li ma jistax jitreġġa’ lura, għall-modernizzazzjoni u l-konformità mal-istandards tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lir-riformi fir-rigward tad-demokratizzazzjoni tal-istrutturi tal-istat u l-istituzzjonijiet, il-proċedimenti ġudizzjarji u legali u r-riformi tal-ekonomija, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

17. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ bla heda għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Ukraina, skont l-Artikolu 49, iżda jenfasizza li l-Artikolu jirrikjedi li pajjiżi applikanti potenzjali jirrispettaw il-valuri bażiċi tal-Unjoni, inklużi d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

18. Jinnota li bosta minn dawn ir-riformi jistgħu jitwettqu bl-aqwa mod f’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-assoċjazzjoni li diġà ġiet negozjata toffri qafas effettiv għal kooperazzjoni iktar mill-qrib;

19. Jappella bil-qawwa lill-VP/RGħ Catherine Ashton u l-Kummissarju Stefan Fule biex iżidu l-impenn tal-UE mal-Ukraina u biex jibqgħu impenjati fil-ħidma lejn l-użu tal-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Ukraina u l-UE, fost affarijiet oħra permezz tal-iżgurar ta’ progress stabbli fid-djalogu dwar il-liberalizazzjoni tal-viża;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina kif ukoll lill-Assembleji Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.