MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent
10.12.2012 - (2012/2911(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, Malika Benarab-Attou, Raül Romeva i Rueda, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Bart Staes, François Alfonsi, Keith Taylor, Jean‑Jacob Bicep, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0561/2012
B7‑0561/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Novembru 2012 dwar Gaża,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2012 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-intenzjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon rigward it-3 000 unità ta' insedjament Iżraeljani ġodda awtorizzati f'Ġerusalemm tal-Lvant u fix-Xatt tal-Punent,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/HRC/RES/S-12/1 dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU waqt it-12-il Sessjoni Speċjali tiegħu fis-16 ta’ Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-22 ta' Novembru 2012, b'maġġoranza kbira, l-Asemblea Ġenerali tan-NU appoġġat il-proposta tal-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas li tibdel l-istatus tal-Palestina fin-NU għal dak ta' Stat osservatur mhux membru;
B. billi l-Gvern Iżraeljan ċaħad b'mod unanimu d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, filwaqt li ddeskriva dan l-iżvilupp bħala vjolazzjoni serja tal-ftehimiet li kienu ġew iffirmati mal-Istat ta' Iżrael;
C. billi fil-jum ta' wara l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Gvern Iżraeljan ħabbar l-awtorizzazzjoni ta' 3 000 unità residenzjali f'Ġerusalemm tal-Lvant u fix-Xatt tal-Punent, u ddeċieda li jkompli x-xogħol ta' pjannar u ta' tqassim f'lotts għall-iżvilupp tal-hekk imsejjaħ proġett E1 bejn Ġerusalemm u l-insedjament ta' Ma’ale Adumim;
D. billi, jekk jitwettaq, il-proġett E1 jaqta' lil Ġerusalemm tal-Lvant mill-bqija tax-Xatt tal-Punent u jissepara parzjalment in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tax-Xatt tal-Punent; billi, fi kliem is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, dan "jirrappreżenta daqqa kważi fatali għall-possibilitajiet li għad fadal biex tinstab soluzzjoni b'żewġ stati";
E. billi, apparti dan, il-Gvern Iżraeljan ħabbar li kien se jwaqqaf it-trasferiment tad-dħul mit-taxxi miġbura dan ix-xahar f'isem l-Awtorità Palestinjana, u li minflok kien se juża l-flus biex iħallas madwar nofs id-dejn li akkumulat l-Awtorità mal-Korporazzjoni Iżraeljana tal-Elettriku;
F. billi l-UE naqset milli tadotta pożizzjoni komuni dwar il-vot fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'14-il Stat Membru jivvotaw favur, 12 jastjenu u wieħed jivvota kontra t-talba Palestinjana; billi xi Stati Membri kkonvokaw lill-ambaxxaturi Iżraeljani biex jesprimu tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent;
G. billi n-negozjati bejn iż-żewġ naħat għal ftehim komprensiv tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina ġew sospiżi; billi l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent qed jespandu kostantement, kif intwera wkoll bil-pubblikazzjoni reċenti ta’ sejħiet għal offerti għal aktar minn 1 200 unità residenzjali fl-insedjamenti ta’ Ramot u Pisgat Ze’ev;
H. billi, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu effikaċi ta’ kontroll min-naħa tal-UE, il-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani għadhom qed jaslu fis-suq Ewropew taħt is-sistema ta’ trattament preferenzjali; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew appella għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE - “l-arranġamenti tekniċi” - ma jippermettix li prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;
I. billi t-tmiem tal-espansjoni tal-insedjamenti huwa meqjus min-naħa Palestinjana bħala prekundizzjoni biex it-taħdidiet jissuktaw; billi l-insedjamenti Iżraeljani fit-Territorji Okkupati huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jipperikolaw b’mod irriversibbli s-soluzzjoni ta’ żewġ stati;
J. billi d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri;
K. billi fil-21 ta' Novembru 2012, l-operazzjoni "Pilastru ta' Difiża" tal-Iżrael waslet fi tmiemha konsegwenza ta' ftehim li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Eġittu mal-Ħamas fil-Medda ta' Gaża; billi l-punti ta' qsim lejn il-Medd ta' Gaża u minnha ilhom magħluqin minn Ġunju 2007; billi l-imblokk tal-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv għall-popolazzjoni, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
1. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jibqa' għaddej bl-espansjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent, u b'mod partikolari li jkompli x-xogħol preliminari fuq il-proġett E1 li jfixkel b'mod irriversibbli l-kostituzzjoni futura ta' Stat Palestinjan vijabbli;
2. Jenfasizza li din id-deċiżjoni li ttieħdet wara titjib storiku fl-istatus tal-Palestina tidher li hi att ta' ritaljazzjoni u kastig mhux ġustifikat tal-Palestinjani bħala reazzjoni għall-inizjattiva minn Mahmoud Abbas, li kienet appoġġata minn 138 pajjiż fin-NU;
3. Huwa tal-fehma li l-istatus il-ġdid tal-Palestina fin-NU se jgħin biex jiġi bbilanċjat aħjar ir-rwol tal-partijiet bil-ħsieb li jissoktaw in-negozjati diretti;
4. Itenni l-fehma tiegħu li m’hemmx alternattiva għal ftehim komprensiv negozjat għall-kunflitt, li jwassal għal soluzzjoni b’żewġ stati, bi stat Iżraeljan u Palestinjan jgħixu maġenb xulxin fi fruntieri sikuri rikonoxxuti internazzjonaliment; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-partijiet jagħmlu kull sforz biex joħolqu l-kundizzjonijiet għall-issoktar ta' negozjati sostanzjali diretti;
5. Jistieden lill-Gvern Iżraeljan jissokta t-trasferiment tad-dħul mit-taxxi lill-Awtorità Palestinjana bi qbil mal-ftehimiet iffirmati u biex ma jġibx għall-agħar is-sitwazzjoni umanitarja li diġà hija diffiċli fit-Territorji Okkupati;
6. Jilqa' l-ftehim tal-21 ta' Novembru 2012 li ntalaħaq bil-medjazzjoni tal-Eġittu, li ġab fi tmiemu l-kunflitt riċenti fil-Medda ta' Gaża u fin-Nosinhar tal-Iżrael, u jistieden lill-partijiet jinvolvu ruħhom f'aktar negozjati biex jikkonsolidaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jwittu t-triq għal waqfien permanenti għall-ostilitajiet kollha;
7. Jitlob it-tmiem immedjat tal-imblokk Iżraeljan f’Gaża bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess fil-Medda għall-assistenza umanitarja internazzjonali u li jiġu rispettati d-dinjità u d-dritt ta’ ġejjieni aħjar tal-popolazzjoni Palestinjana li tgħix hemm;
8. Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha għadha prekundizzjoni essenzjali biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani, u jirrimarka għal darba oħra li l-unika mod kif tintlaħaq soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa permezz ta' mezzi paċifiċi u mhux vjolenti;
9. Jibqa' jappella għar-rikonċiljazzjoni Palestinjana, li hija l-mod biex jerġgħu jingħaqdu l-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża, fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li huma parti tal-istess poplu Palestinjan li jgħix fit-Territorju Palestinjan Okkupat;
10. Għal darb’oħra jitlob li l-insedjamenti Iżraejani fix-Xatt tal-Punent jiġu ffriżati sabiex, inter alia, titwitta t-triq biex jissoktaw negozjati kostruttivi u sostanzjali bejn il-partijiet;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz biex jiksbu l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE - “l-arranġamenti tekniċi” - ma jippermettix li prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq tal-UE skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael;
12. Iqis li ta' min jiddispjaċih li għal darb'oħra l-UE naqset milli titkellem b'vuċi waħda fin-NU dwar it-talba leġittima ta' Mahmoud Abbas li l-istatus tal-Palestina jittejjeb, u jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tislet it-tagħlima minn dan in-nuqqas Ewropew riċenti u diżappuntanti biex jinstabu modi kif jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn fil-futur;
13. Jerġa' jafferma li kwalunkwe titjib fir-relazzjonjiet bejn l-UE u l-Iżrael għandu jkun jiddependi ħafna fuq konformità stretta mal-liġi internazzjonali u mal-liġi umanitarja, inkluż it-tneħħija immedjata tal-imblokk fuq il-Medda ta' Gaża, friża totali fuq il-kostruzzjonijiet kollha ta' insedjamenti fix-Xatt tal-Punent, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, u impenji u azzjonijiet reali bl-għan li jintlaħaq ftehim komprensiv ta' paċi u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO);
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0454.