Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0565/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0565/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent

10.12.2012 - (2012/2911(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Lorenzo Fontana, Mara Bizzotto, Oreste Rossi f'isem il-Grupp EFD

Proċedura : 2012/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0565/2012
Testi mressqa :
B7-0565/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0565/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jespandi l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent

(2012/2911(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża tat-28 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Gvern Iżraeljan ħabbar pjanijiet biex jibni madwar 3 000 unità residenzjali ġdida fix-Xatt tal-Punent, inkluż f’Ġerusalemm tal-Lvant;

B.  billi ż-żona ta’ Ma’ale Adumim kienet waħda miż-żoni denominati mill-President Clinton għal skambji territorjali bejn il-partijiet;

C. billi l-Awtorità Palestinjana ddeċidiet li tfittex rikonoxximent bħala osservatur bla status ta’ membru fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, bi ksur tal-Ftehimiet ta’ Oslo;

D. billi wieħed mill-prinċipji li fuqhom huma msejsa l-Ftehimiet ta’ Oslo kien li n-nuqqas ta’ qbil, inkluż dwar kwestjonijiet ta’ insedjamenti, jiġi solvut permezz ta’ negozjati diretti;

E.  billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni li tipprevedi żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u fis-sigurtà;

1.  Jinsab imħasseb serjament mill-fatt li l-Awtorità Palestinjana rrifjutat li terġa’ tingħaqad fit-taħdidiet diretti mal-Iżrael dwar soluzzjoni finali tat-tilwimiet tagħhom, li se jinkludu l-kwestjoni tal-insedjaturi Iżraeljani, kif ukoll garanziji tas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael;

2.  Jinnota li l-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani se jiġi riżolt biss permezz ta’ negozjati diretti li fihom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kemm tal-Iżraeljani u kemm tal-Palestinjani;

3.  Jenfasizza li Stat Palestinjan ġdid mhux se jeżisti qabel mal-Iżrael jiġi rikonoxxut bħala Stat Lhudi u l-istatus tal-minoritajiet (inklużi l-minoritajiet Lhud li jgħixu fix-Xatt tal-Lvant) jiġi mħares;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-kwestjoni tal-insedjamenti hija waħda li trid tiġi riżolta permezz tan-negozjati u li mhijiex il-kawża oriġinali tal-konflitt, peress li saru attakki kontra l-Iżrael miż-żona li attwalment hija magħrufa bħala x-Xatt tal-Punent 50 sena qabel ma kien jeżisti l-anqas insedjament wieħed fir-reġjun;

5.  Jistieden lill-President Abbas jerġa’ jaqbad it-taħdidiet diretti mal-Iżrael mingħajr dewmien jew prekundizzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom fi sforzi diplomatiċi biex jerġa’ jitkompla d-djalogu bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana bil-mira li tintlaħaq soluzzjoni ta’ paċi li tkun dejjiema u realistika;

6.  Jinnota li l-vot tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li ta l-istatus ta’ osservatur lill-Palestinjani jista’ jdgħajjef l-isforzi maħsuba biex jerġgħu jinbdew in-negozjati bejn iż-żewġ naħat;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal- Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.