MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva
9.1.2013 - (2012/2890(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Krzysztof Lisek, Elena Băsescu, Salvatore Iacolino, Mario Mauro, Marietta Giannakou on behalf of the PPE Group
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0534/2012
B7‑0012/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Ashton tal-24 ta' Novembru 2012 b'rabta mal-posponiment tal-Konferenza ta’ Ħelsinki li tittratta l-istabbiliment ta’ Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta’ qerda massiva,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress ta' kull sitt xhur tal-Kunsill (2012/C 237/01) ta' Awwissu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (2012/I),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġja proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ qerda massiva fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/799/PESK tat-13 ta' Diċembru 2010 li tappoġġja l-proċess ta' bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta' gruppi ta' riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni (konsorzju tal-UE għan-nonproliferazzjoni) b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva,
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' 'Linji ta' azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom', fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kanċellazzjoni tal-konferenza dwar żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta' qerda massiva, prevista fil-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-2010, tista' tħalli impatt negattiv fuq is-sigurtà reġjonali u l-isforzi internazzjonali ta' denuklearizzazzjoni;
B. billi n-negozjati għall-paċi li għaddejjin bħalissa fil-Lvant Nofsani huma kruċjali għall-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, inkluż l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari, u sabiex titkompla l-ħidma lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani;
C. billi r-RGħ/VP Catherine Ashton laqgħet il-ħatra min-naħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta' Jaakko Laajava bħala faċilitatur u tal-Finlandja bħala l-gvern ospitanti għall-Konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta' qerda massiva;
D. billi l-UE tappoġġa t-tħejjijiet li qed isiru bħalissa għall-konferenza, bil-parteċipazzjoni tal-istati kollha tar-reġjun, u fid-dawl ta' riżultat ta' suċċess, fl-isfond tat-taqlib u l-bidla politika li hemm bħalissa fil-Lvant Nofsani;
E. billi l-UE tħeġġeġ lill-istati kollha tar-reġjun ikomplu bl-impenn kostruttiv tagħhom mal-faċilitatur sabiex jieħdu inizjattivi ulterjuri biex jiġu eliminati kompletament l-armi kollha ta' qerda massiva, kemm jekk nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi, mir-reġjun kif ukoll is-sistemi ta' kunsinna tagħhom;
1. Jilqa' t-tħeġġiġ vigoruż sabiex l-UE tkompli tipparteċipa fil-proċess lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' rieda tajba jirrappreżentaw l-ewwel pass sabiex tispiċċa s-sitwazzjoni staġnata attwali; huwa tal-fehma li l-prospett realistiku ta' riżoluzzjoni bil-paċi tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u l-eliminazzjoni tal-armi kollha ta' qerda massiva jista' joħloq l-fiduċja meħtieġa għall-istabbiliment eventwali ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;
2. Jilqa' r-rwol tan-NU fl-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari verifikabbli b'mod reċiproku; jinnota li mhux l-istati kollha tar-reġjun huma firmatarji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari;
3. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu li għaddej dwar żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta' qerda massiva, bil-ħsieb li jiġu esplorati l-qafas wiesa' u l-passi proviżorji li jsaħħu l-paċi u s-sigurtà reġjonali; jenfasizza li l-elementi ewlenin għandhom jinkludu l-konformità mas-salvagwardji komprensivi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (u protokoll addizzjonali), projbizzjoni fuq il-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u fuq l-arrikkiment tal-uranju lil hinn mill-grad normali ta' fjuwil, l-adeżjoni mat-trattati li jipprojbixxu l-armi bijoloġiċi u kimiċi, u l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant; jenfasizza li dawn il-miżuri jsaħħu bi kbir il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
4. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva ġiet posposta, konferenza ppjanata għall-2012 mill-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-2010; jemmen li din il-konferenza għandha tiddiskuti aġenda wiesgħa li tkopri s-sigurtà reġjonali u l-kwistjonijiet kollha b'rabta mal-armi ta' qerda massiva u li għandha topera biss fuq il-bażi ta' kunsens fost il-partijiet reġjonali;
5. Jistieden lill-istati fir-reġjun jindirizzaw il-ħtieġa li ssir laqgħa sabiex jiġu esplorati l-kundizzjonijiet għal konferenza b'suċċess; jistieden lill-partijiet kollha jaqblu dwar l-iskop u l-ambitu tal-konferenza, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi b'rabta mas-sigurtà tal-istati kollha fir-reġjun;
6. Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jagħmlu progress lejn l-istabbiliment fil-Lvant Nofsani ta' żona effikaċi u verifikabbli ħielsa mill-armi ta' qerda massiva, kemm jekk nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi, kif ukoll is-sistemi ta' kunsinna tagħhom;
7. Jistieden lill-istati kollha kkonċernati, fl-istennija tal-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-istabbiliment ta' żona bħal din;
8. Jiddispjaċih li minkejja l-appoġġ internazzjonali estensiv u sensiela ta' riżoluzzjonijiet iffirmati mill-istati kollha fir-reġjun, il-progress prattiku ġie ostakolat minn nuqqasijiet serji ta' ftehim bejn dawn l-istati dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment taż-żona u s-sekwenza tal-passi li jwasslu għaliha;
9. Jistieden lill-VP/RGħ tkompli bil-ħidma mas-sħab tal-UE biex jiġi appoġġjat riżultat li jippermetti lill-istati fir-reġjun jindirizzaw din il-kwistjoni fuq il-bażi ta' rispett u ftehim reċiproku u bir-rikonoxximent tal-isfidi inerenti fl-iżvilupp tas-sigurtà reġjonali u l-kontroll tal-armi;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.