MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur
9.1.2013 - (2012/2924(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0018/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur tal-1995,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-EUROLAT tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur,
– wara li kkunsidra l-Communiqué Konġunt tal-14-il Laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Brażil, ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-qagħda attwali tan-negozjati kummerċjali mal-Mercosur (O-000218/2012 – B7‑0553/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjati għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-erba' pajjiżi tal-Mercosur tnedew fl-1999, twaqqfu fl-2004, u kienu uffiċjalment rilanċjati fis-samit bejn l-UE u l-Mercosur fl-2010;
B. billi minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm disa' sessjonijiet ta' negozjati; billi sa issa, is-sessjonijiet iffukaw fuq il-parti normattiva tal-ftehim; billi s’issa għadha ma ġietx stabbilita data għall-iskambju tal-offerti tal-aċċess għas-suq;
C. billi l-Mercosur għandu quddiemu żviluppi u tibdiliet importanti bid-dħul tal-Venezwela bħala stat membru, bis-sospensjoni temporanja tal-Paragwaj wara l-kolp ta' Ġunju 2012, u bit-tisħiħ tar-relazzjoni mal-Bolivja u l-Ekwador bil-possibbiltà futura li dawn isiru stati membri sħaħ tal-Mercosur bl-għan li jkun hemm żona ta' integrazzjoni estiża tal-Mercosur;
D. billi l-proċess ta' integrazzjoni tar-reġjun tal-Amerika Latina żviluppa aktar u ssaħħaħ bil-ħolqien tal-istrutturi ta' integrazzjoni intrakontinentali UNASUR, CELAC u ALBA bħala l-istituzzjonijiet ewlenin, kif ukoll bit-twaqqif tal-Bank tan-Nofsinhar u diversi inizjattivi oħra li introduċew passi ġodda lejn l-integrazzjoni, pereżempju fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-enerġija, tal-materja prima, tad-dwana u tal-elezzjonijiet diretti tal-Parlasur;
E. billi l-UE u l-Brażil kif ukoll stati membri oħra tal-Mercosur affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom li jilħqu Ftehim ta' Assoċjazzjoni ambizzjuż, bilanċjat u komprensiv, enfasizzaw l-importanza ċentrali tad-WTO u tas-sistema ta' kummerċ multilaterali għall-prosperità globali, u qablu dwar l-importanza ta' ħidma flimkien biex is-sistema tiffunzjona tajjeb u tissaħħaħ;
F. billi f'Diċembru 2012, l-UE, l-Istati Uniti u l-Ġappun, ħadu azzjoni kontra l-Arġentina fil-livell tad-WTO fejn talbu t-twaqqif ta' panel tal-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim fir-rigward ta' miżuri meħuda mill-Arġentina li qed jaffettwaw l-importazzjoni ta' prodotti;
G. billi l-Arġentina talbet it-twaqqif ta' panel kontra l-UE fil-livell tad-WTO, dwar ir-restrizzjoni fuq l-importazzjoni ta' bijodiżil;
H. billi l-Arġentina għaddiet minn kriżi ekonomika serja li wasslet għall-falliment tal-istat bħala konsegwenza ta' politiki ta' liberalizzazzjoni u deregolazzjoni imposti mill-FMI, imma finalment solviet il-problema tad-dejn tagħha, filwaqt li ddisassoċjat ruħha mir-rakkomandazzjonijiet tal-FMI u tal-UE;
I. billi ħafna pajjiżi Ewropej ħadu vantaġġ mil-liberalizzazzjoni tal-Arġentina; billi l-Arġentina, mingħajr ma imponiet awsterità fuq il-poplu tagħha u filwaqt li utilizzat diversi soluzzjonijiet ekonomiċi sui generis mhux ortodossi, iġġenerat tkabbir ta' madwar 7 % fl-aħħar 10 snin; billi l-Arġentina qed tipprova terġa' tieħu l-kontroll tas-settur tal-enerġija billi tinnazzjonalizza mill-ġdid il-kumpanija tradizzjonali YPF;
J. billi l-UE għandha quddiemha l-aktar kriżi ekonomika serja fl-istorja tagħha, u qed tipprova ssolvi l-problema tad-dejn tagħha billi timponi awsterità fuq il-popli tagħha; billi d-dinja qed tiffaċċja kriżijiet multipli (ambjentali, tal-ikel, ekonomiċi eċċ.) li sa issa għadhom ma ġewx solvuti kif xieraq; billi negozjati kummerċjali, skont il-kontenuti tagħhom, jista' jkollhom effetti pożittivi jew negattivi fuq ir-riżoluzzjoni ta' dawk il-kriżijiet;
K. billi l-UE esternalizzat ammont konsiderevoli ta' produzzjoni ta' proteini għall-għalf tal-annimali, u qed tkompli testernalizza l-produzzjoni tal-għelejjel tal-enerġija lill-pajjiżi tal-Mercosur, b'impatt negattiv serju fuq il-bijodiversità, il-foresti, l-ilma, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, l-użu tal-art u l-proprjetà, il-vjolenza u l-konflitt soċjali, l-esodu rurali u t-tkabbir ta' kwartieri foqra fiż-żoni tal-bliet il-kbar;
L. billi l-politika tal-Brażil dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tikkunsidra sfidi ġodda, b'mod partikolari dwar il-mediċini ġeneriċi, b'effett pożittiv fuq il-prevenzjoni tal-mard u l-fejqan;
M. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt (IAs) u l-valutazzjonijiet tal-impatt dwar sostenibbiltà (SIAs) fir-rigward ta' ftehim ta' kummerċ possibbli bejn l-UE u l-Mercosur, magħmula fl-2011, ma urew ebda gwadann ekonomiku sinifikanti għall-UE, anzi impatti potenzjali ħżiena b'mod sinifikanti fuq il-bijodiversità globali u t-tibdil fil-klima;
1. Iqis il-Mercosur bħala sieħeb importanti tal-kummerċ, imma li kwalunkwe negozjati kummerċjali għandu jkollhom bħala l-prioritajiet tagħhom l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, il-ġustizzja soċjali, l-ambjent u d-diversità kulturali fiż-żewġ reġjuni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex ma żżommx mal-mudell klassiku tagħha ta' FTA imma toħloq forom ġodda ta' ftehimiet ta' kummerċ adattati għall-ħtiġijiet tar-relazzjonijiet tagħha ma' sħab speċifiċi;
2. Jinnota l-impenn tal-UE u tal-Brażil u ta' stati membri oħra tal-Mercosur għall-eżitu b'suċċess tar-Rawnd ta' Doha tad-WTO dwar l-Iżvilupp u d-dispożizzjoni tagħhom biex ikomplu jaħdmu għall-konklużjoni ambizzjuża, komprensiva u bilanċjata tar-Rawnd;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-mudelli ta' negozjati tagħha sabiex tiżgura li r-riżultati tan-negozjati ma jostakolawx imma jsaħħu l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll il-ħasil tal-flus;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill adattament għad-direttivi ta' negozjati attwali bi qbil mal-isfidi ġodda li l-UE u r-reġjun tal-Mercosur qed jiffaċċjaw;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-proċess ta' integrazzjoni tal-Amerika Latina u żżomm lura milli tieħu kwalunkwe inizjattiva li tista' twassal biex jinqasam il-blokk tal-Mercosur;
6. Jilqa' r-reazzjoni demokratika konġunta tal-pajjiżi tal-Mercosur u tal-UNASUR kontra l-waqfien tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-Paragwaj wara tliet għexieren ta' snin ta' dittatura; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'mod sħiħ u tappoġġa din id-deċiżjoni u tastjeni milli tirrikonoxxi l-gvern de facto tal-Paragwaj;
7. Iqis li fir-relazzjonijiet tagħha mal-Arġentina, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriżi li dan il-pajjiż għadda minnu, u l-influenza negattiva tal-protagonisti internazzjonali fuqha; iqis li l-miżuri adottati mill-Arġentina matul dawn l-aħħar 10 snin juru li biex toħroġ minn kriżi ekonomika u finanzjarja hemm alternattivi għall-awsterità u t-tbatija imposta fuq il-popli li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qed jirrakkomandaw;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-proċess ta' nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija mill-Arġentina - simili għal dawk il-proċessi mwettqa minn pajjiżi Ewropej ftit snin ilu - u biex ma tieħux azzjoni kontra l-Arġentina fuq din il-kwistjoni;
9. Jirrikonoxxi d-dritt tal-Arġentina li tadotta miżuri li jipproteġu l-livell tagħha ta' industrijalizzazzjoni;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Brażil, fost oħrajn dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' mediċini ġeneriċi, u biex tadotta dispożizzjonijiet simili fi ftehimiet kummerċjali futuri;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi effettivi ta' konsultazzjoni maż-żewġ naħat tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tan-negozjati;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Mercosur u lill-Parlament tal-Mercosur (Parlasur).