MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx
9.1.2013 - (2012/2908(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Marije Cornelissen, Karima Delli, Malika Benarab-Attou, Elisabeth Schroedter, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Franziska Katharina Brantner, Ulrike Lunacek, Ana Miranda, Sven Giegold, Claude Turmes, Emilie Turunen, Judith Sargentini, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0004/2013
B7‑0020/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentanza tal-UE f'Daka dwar in-nar f'fabbrika tal-ħwejjeġ f'Ashulia tas-27 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx u l-Pakistan, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx u l-Pakistan huma firmatarji tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),
– filwaqt li jfakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[1] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[2],
– wara li kkunsidra r-rapporti riċenti tiegħu intitolati "Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli", u "Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv",
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, u li ġew approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi nhar l-24 ta' Novembru 2012 l-agħar nar li qatt kien hemm f'fabbrika fil-Bangladexx qered bini ta' disa' sulari fejn kienet tinsab il-fabbrika operata minn Tazreen Fashions, kumpanija sussidjarja tal-grupp Tuba, f'Ashulia, fejn 1 200 ħaddiem fis-settur tal-ħwejjeġ, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu nisa, kienu qed jassemblaw tessuti għal bejjiegħa ewlenin tal-Punent, nar li qatel tal-anqas 112-il persuna u weġġa' aktar minn 100, skont iċ-ċifri tal-gvern, waqt li r-rappreżentanti tal-unjins tax-xogħol jiddikjaraw li l-għadd reali ta' vittmi hu ferm ogħla;
B. billi l-klijenti tal-grupp Tuba jinkludu Wal-Mart, Carrefour, C&A, IKEA u Sears u l-fabbriki tiegħu jesportaw ħwejjeġ lejn ħafna pajjiżi fl-Ewropa u lejn l-Istati Uniti;
C. billi l-Bangladexx sar it-tieni l-akbar esportatur ta' ħwejjeġ fid-dinja wara ċ-Ċina, bl-anqas pagi fil-qasam, waqt li s-settur tat-tessuti jirrappreżenta kważi 80 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż u l-UE hi s-suq prinċipali fejn jesporta; billi l-pressjoni ta' produzzjoni fis-suq internazzjonali tat-tessuti, li hu ddominat minn spejjeż baxxi u taqlib drastiku ta' malajr, tagħmel il-forza tax-xogħol tal-Bangladexx objettiv partikolarment vulnerabbli;
D. billi biss ftit ġimgħat qabel, nhar il-11 ta' Settembru 2012, mietu aktar minn 300 persuna u weġġgħu xi 250 fil-Pakistan, inklużi allegatament ħafna minorenni, meta fabbrika tat-tessuti, Ali Enterprises f'Karachi li kienet tipproduċi l-jeans għall-kumpanija Ġermaniża KiK li tbigħ bl-irħis, u fabbrika taż-żraben f'Lahora ħadu n-nar, u dawn kienu kkunsidrati ugwalment bħala n-nar f'fabbrika industrijali li l-aktar ħalla fatalitajiet u l-agħar li qatt kien hemm fil-Pakistan;
E. billi l-biċċa l-kbira tat-tort għall-għadd għoli ta' vittmi f'kull każ waqgħet fuq in-nuqqas ta' miżuri minimi ta' sikurezza, kif mixhud minn bibien u twieqi imblokkati, minn rotot ta' ħruġ, fire extinguishers u dwal ta' emerġenza ineżistenti, minn diriġenza impreparata u inkompetenti, mill-ħżin perikoluż ta' materjal infjammabbli qrib il-ħaddiema, minn kostruzzjoni illegali u disfunzjonali tal-bini, min-nuqqas ta' aċċess għas-servizzi tat-tifi tan-nar u mill-fatt li dawn irreaġixxew tard;
F. billi, skont rapporti mill-Unjin tal-Ħaddiema Tessili Pakistani (NTUF), Ali Enterprises kienet għaddiet minn test tas-sikurezza rikonoxxut internazzjonalment ftit ġimgħat biss qabel id-diżastru u billi Tazreen Fashions irċeviet ordnijiet ta' produzzjoni minkejja l-fatt li ispezzjonijiet minn kumpanija konnessa ma' Wal-Mart u mill-Inizjattiva Ewropea għall-Konformità Soċjali tal-Kumpaniji sabu ksur serju tas-sikurezza;
G. billi, skont informazzjoni mill-Forum Internazzjonali għad-Drittijiet tax-Xogħol, aktar minn 600 ħaddiem fil-qasam tal-ħwejjeġ mietu f'nirien f'fabbriki fil-Bangladexx mill-2005, waqt li, skont rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, ħadd mis-sidien jew id-diriġenti tal-fabbriki ma ġie pproċessat;
H. billi, f'dawn l-aħħar xhur, intensifikaw it-tensjonijiet bejn il-Gvern tal-Bangladexx u l-attivisti fil-qasam tax-xogħol, u billi dawn inkludew il-qtil li għadu ma ġiex solvut ta' Aminul Islam f'April 2012, li kien kritiku tal-kundizzjonijiet perikolużi fil-fabbriki tal-industrija tal-ħwejjeġ;
I. billi l-fatt li ċerti bejjiegħa tal-Punent irrikonoxxew kontra qalbhom li l-fabbriki kkonċernati kienu qed jipproduċu ħwejjeġ li huma kienu jbigħu juri n-nuqqas ta' trasparenza u responsabilità fil-katina ta' provvista tal-industrija tessili internazzjonali;
J. billi hemm responsabilità konġunta, li testendi mill-klijenti aħħarin fl-Ewropa, tinkludi l-bejjiegħa, u twassal sad-diriġenti tal-fabbriki u l-gvernijijiet f'kull livell tal-katina ta' produzzjoni u ta' provvista, biex isiru sforzi lejn it-titjib tal-istandards tax-xogħol u tas-sikurezza fis-settur tal-ħwejjeġ għall-benefiċċju tal-ħaddiema;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-imwiet u l-ħafna vittmi fin-nirien f'fabbriki fil-Bangladexx u l-Pakistan f'dawn l-aħħar xhur u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Jistieden lill-bejjiegħa Ewropej li l-ordnijiet tagħhom kienu qed jiġu pproċessati dakinhar tan-nirien jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali u jinvolvu lis-sħab soċjali fit-twaqqif ta' skema ta' kumpens xieraq u trasparenti għall-vittmi u l-familji tagħhom, kif ukoll jikkontribwixxu għat-tali sistema; hu tal-fehma li sistema ta' dan it-tip għandha tkopri t-telf ta' introjtu u l-ħsarat għal min weġġa' u għall-familji ta' min miet, kif ukoll riabilitazzjoni medika bla ħlas għal min weġġa' u kura u edukazzjoni għall-membri tal-familji tal-ħaddiema li mietu;
3. Jilqa' l-Ftehim għas-Sikurezza tal-Bini u s-Sikurezza kontra n-Nar fil-Bangladexx li laħqu xi trejdunjins, organizzazzjonijiet mhux governattivi u bejjegħa multinazzjonali ta' tessuti, immirat lejn it-titjib tal-istandards ta' sikurezza fuq is-siti ta' produzzjoni u li fih jaċċettaw li jħallsu għat-tali miżuri, b'mod partikulari billi tiġi stabbilita sistema ta' ispezzjoni indipendenti u billi jingħata appoġġ attiv għall-ħolqien ta' "kumitati għas-saħħa u s-sikurezza" li jinvolvu r-rappreżentanzi tal-ħaddiema f'kull fabbrika, li huma obbligatorji skont il-liġi imma rarament ikunu operattivi; jistieden lid-ditti rilevanti fil-qasam tat-tessuti jappoġġaw dan l-isforz, inkluż l-akbar bejjiegħ tat-tessuti tad-dinja, Wal-Mart;
4. Jistieden lill-kumpaniji barranin li joperaw fil-Bangladexx u l-Pakistan jiffavorixxu r-relazzjonijiet kummerċjali mal-manifatturi li joperaw f'konformità mal-Konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO u mal-liġijiet taż-żewġ pajjiżi;
5. Jirrikonoxxi li, meta ġew impjegati fis-settur tal-ħwejjeġ, miljuni ta' nisa fqar rurali fil-Pakistan, fil-Bangladexx u f'postijiet oħra ġew mgħejjuna jaħarbu mid-deprivazzjoni u d-dipendenza fuq is-sostenn tal-irġiel; jikkunsidra madankollu li ċerti standards minimi tas-sikurezza u tax-xogħol għandhom ikunu n-norma madwar id-dinja, anke fl-UE;
6. Jistieden, b'mod partikulari, lill-Gvern tal-Bangladexx jinforza l-konformità mill-manifatturi kollha mal-Att dwar ix-Xogħol (2006) u jżid l-għadd u r-riżorsi tat-timijiet għall-ispezzjonijiet u jsaħħaħ il-metodi tagħhom;
7. Jistieden liż-żewġ gvernijiet jimplimentaw b'mod effikaċi l-istandards tal-ILO li ġa rratifikaw, u jirratifikaw u jimplimentaw, b'mod partikulari, il-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol;
8. Jemmen li żieda fil-paga minima fil-Bangladexx, li għal ħafna ħaddiema hi anqas mil-livell ta' sussistenza, flimkien ma' żieda fil-prezzijiet li jħallas il-konsumatur għall-prodotti aħħarin, jifformaw parti mit-titjib meħtieġ, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jissanzjona lill-kumpaniji li qed iħallsu anqas mill-paga minima stabbilita legalment;
9. Jilqa' l-passi li ttieħdu mill-Gverniijet tal-Bangladexx u l-Pakistan bħala appoġġ għall-vittmi u l-familji taghħom u biex min hu responsabbli għall-għadd għoli ta' vittmi jinġieb quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet jobbligaw lid-diriġenti jippubblikaw l-ismijiet tal-ħaddiema kollha milquta min-nirien u jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-sistema tal-ġustizzja għall-vittmi kolha sabiex ikunu jistgħu jitolbu kumpens; jistieden ukoll lid-ditti li kienu jiksbu l-prodotti tagħhom minn dawn il-fabbriki jqiegħdu r-rapporti ta' awditjar kollha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jinvestigaw kif dovut it-tortura u l-qtil tal-attivist fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol Aminul Islam, u jistieden liż-żewġ gvernijiet itemmu r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet trejdunjonistiċi u fuq in-negozjar kollettiv;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jaderixxi mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Kulħadd minn Għajbien Sfurzat u jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u jneħħi r-riżerva tiegħu taħt il-Konvenzjoni kontra t-Tortura;
12. Jistieden lill-Gvernijiet tal-Bangladexx u tal-Pakistan u lid-ditti, lill-bejjiegħa u lill-impjegaturi jieħdu miżuri effikaċi għat-titijib tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-fabbriki, iħarrġu lill-ħaddiema u lid-diriġenti rigward miżuri ta' sikurezza u jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom meta r-regolamenti fil-qasam tas-sikurezza jkunu qed jiġu injorati;
13. Jilqa' l-isforzi tal-Bangladexx li rnexxilhom inaqqsu x-xogħol tat-tfal fis-settur tal-ħwejjeġ u jħeġġeġ lill-Pakistan jintensifika l-impenn tiegħu kontra x-xogħol tat-tfal;
14. Jilqa' wkoll id-deċiżjoni li l-Gvern tal-Bangladexx ħa dan l-aħħar biex jestendi l-liv għall-maternità sa sitt xhur fis-settur tal-ħwejjeġ;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu klawżola vinkolanti dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva f'kull ftehim kummerċjali u ta' investiment li jiġi ffirmat mill-UE, abbażi tal-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva, kif definiti fil-livell internazzjonali, inkluż fl-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD u l-istandards definiti min-NU (b'mod partikulari l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem), l-ILO u l-UE; jissuġġerixxi li din il-klawżola tarmonizza l-istandards u l-kunċetti eżistenti sabiex jiġi żgurat li jkunu komparabbli u ġusti u li tinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn il-prinċipji fil-livell tal-UE;
16. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jintroduċu leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fis-suq Ewropew taħt id-dritt tal-UE jipprovdu informazzjoni dwar il-katina ta' provvista sħiħa tal-prodotti tagħhom, bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-Bangladexx u l-Pakistan biex itejbu s-sikurezza u s-saħħa permezz tal-programm tematiku ġdid ippjanat "Beni u Sfidi Pubbliċi Globali" u permezz tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jew tal-Istrument ta' Sħubija
18. Jitlob li, fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol għandhom jieħdu post aktar prominenti bħala parti mill-aġenda għal xogħol diċenti u li l-UE għandha tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bangladexx u tal-Pakistan.