Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0021/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0021/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx

9.1.2013 - (2012/2908(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Bernd Lange, Vital Moreira, Jutta Steinruck, Alejandro Cercas, Pervenche Berès, Richard Howitt, Stephen Hughes f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0004/2013

Proċedura : 2012/2908(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0021/2013
Testi mressqa :
B7-0021/2013
Testi adottati :

B7‑0021/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx

(2012/2908(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[1] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) "Il-Globalizzazzjoni tad-Drittijiet Soċjali: L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u lil hinn minnha",

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO "Ix-Xogħol fin-Nonfsinhar Globali: Sfidi u alternattivi għall-ħaddiema",

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO "Il-Globalizzazzjoni, il-Flessibilizzazzjoni u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Asja u fil-Paċifiku",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata[3],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar Informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema; antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni (A7-0390/2012),

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi mietu tal-anqas 112-il persuna fin-nar fil-fabbrika Tazreen, fid-distrett ta' Ashulia, f'Daka, il-Bangladexx nhar l-24 ta' Novembru 2012 u 289persuna mietu f'nar f'Karachi, il-Pakistan, f'Settembru 2012;

B.  billi l-inkjesti inizjali dwar in-nar ta' Tazreen semgħu kif id-diriġenti tal-fabbrika waqqfu lill-ħaddiema milli jaħarbu u rrakkomandaw li tittieħed azzjoni kontra sid il-fabbrika minħabba negliġenza;

C. billi hemm madwar 4 000 fabbrika tat-tessuti fil-Bangladexx, li jimpjegaw aktar minn żewġ miljuni, waqt li l-Bangladexx hu t-tieni l-akbar esportatur ta' ħwejjeġ lesti fid-dinja, biċ-Ċina biss akbar minnu;

D. billi s-suq Ewropew hu l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjoni ta' lbies u prodotti tessili mill-Bangladexx, b'kumpaniji prominenti mill-Punent li ammettew li kellhom kuntratti ma' sidien il-fabbrika Tazreen għall-provvista ta' ħwejjeġ;

E.  billi minħabba ż-żieda fil-kost tax-xogħol f'partijiet oħra tad-dinja kien hemm ċaqliq tax-xogħlijiet ta' manifattura b'ħiliet baxxi lejn l-Indja, il-Pakistan, il-Kambodja, il-Vjetnam u, b'mod partikulari, il-Bangladexx, fejn il-ħwejjeġ issa jirrappreżentaw 75 % tal-esportazzjonijiet;

F.  billi l-katina ta' intermedjarji mill-ħanut fejn jinbiegħ il-prodott sal-ħaddiem ta' spiss mhix trasparenti u ma tindikax min hu responsabbli f'kull stadju tal-katina, meta ordnijiet kbar ta' ħwejjeġ u tessuti jiġu sottokuntrattati lil diversi manifatturi;

G. billi ħafna sidien ta' fabbriki ta' dan it-tip ma ġewx ikkastigati u għaldaqstant ftit li xejn għamlu biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

H. billi hemm tendenza fl-Ewropa biex il-kumpaniji li jkunu qed jipprovaw inaqqsu l-ispejjeż jibagħtu x-xogħol barra, fatt li ta' spiss iwassal għal ktajjen ta' sottokuntratti bi ftit jew ebda kontrolli ta' saħħa u sikurezza;

1.  Jespimi n-niket tiegħu dwar il-ħajjiet li ntilfu fin-nirien f'fabbriki ta' dan l-aħħar; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-mejtin u dawk li weġġgħu; iqis li l-għadd ta' ħaddiema li mietu f'nirien f'fabbriki f'dawn l-aħħar snin fl-Asja t'Isfel hu kompletament inaċċettabbli;

2.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Bangladexx u l-Pakistan ikomplu jinvestigaw bir-reqqa l-avvenimenti riċenti u jressqu lil min hu responsabbli għal attività kriminali quddiem il-ġustizzja; jistenna li dawk l-awtoritajiet jimplimentaw miżuri biex dawn it-traġedji ma jerġgħux jiġru; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet lokali, l-ILO u l-partijiet interessati kollha fil-ktajjen ta' provvista tal-produzzjoni tessili biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi mġiba kummerċjali responsabbli obbligatorja fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra, b'attenzjoni speċjali għall-iżgurar ta' konformità stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom, b'mod partikulari mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent;

4.  Ifakkar fil-ħtieġa għal implimentazzjoni konsistenti tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; jenfasizza l-importanza ta' dispożizzjonjiet b'saħħithom fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema, ikun f'liema pajjiż ikun il-post fejn jaħdmu;

5.  Jitlob li titwaqqaf sistema ta' kooperazzjoni ġuridika transnazzjonali bejn l-UE u l-firmatarji minn pajjiżi terzi għall-ftehimiet kummerċjali bilaterali biex jiġi żgurat li l-vittmi ta' ksur tal-leġiżlazzjoni soċjali jew ambjentali, jew ta' nuqqas ta' osservanza ta' wegħdiet rigward ir-responsabilità soċjali korporattiva jew prattiki ta' kummerċ ġust minn kumpaniji multinazzjonali u mill-kumpaniji sussidjarji immedjati tagħhom, ikollhom aċċess effikaċi għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur, u b'appoġġ għall-istabbiliment ta' proċeduri ġudizzjarji internazzjonali biex jiġi żgurat, fejn ikun hemm bżonn, li l-ksur ta' liġijiet minn kumpaniji jiġi kkastigat;

6.  Jistieden lis-SEAE tiżgura li l-uffiċjali tal-UE responsabbli għall-kummerċ, jekk ikunu ibbażati fl-ambaxxati tal-UE, jingħataw taħriġ regolari dwar kwistjonijiet ta' responsabilità soċjali korporattiva, b'mod partikulari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU "Protezzjoni, Rispett u Rimedju", u li l-ambaxxati tal-UE jiffunzjonaw bħala punti ta' kuntatt tal-UE għall-ilmenti dwar kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji sussidjarji tagħhom, peress li l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-OECD jeżistu biss fil-pajjiżi tal-OECD u għaldaqstant, fil-prattika, mhumiex aċċessibbli għall-impjegati ta' kumpaniji ta' dan it-tip ibbażati f'pajjiżi li mhumiex fl-OECD;

7.  Jitlob li jkun hemm konsultazzjoni u involviment sħaħ u attivi min-naħa tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, inklużi trejdunjins ħielsa u indipendenti, fl-iżvilupp, fit-tħaddim u fil-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi tal-kumpaniji li jirrigwardaw ir-responsabilità soċjali korporattiva; jistieden lit-tali organizzazzjonijiet rappreżentattivi jaħdmu mal-impjegaturi għall-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bangladexx u tal-Pakistan.