MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx
9.1.2013 - (2012/2908(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Willy Meyer, Paul Murphy, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0004/2013
B7‑0022/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti preċedenti dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat fis-16 ta' Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li daħal fis-seħħ fit-3 ta' Jannar 1976 (ratifikat mill-Bangladexx fil-5 ta' Ottubru 1998),
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), speċjalment il-Konvenzjoni Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg, il-Konvenzjoni Nru 182 dwar il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, il-Konvenzjoni Nru 184 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, il-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, il-Konvenzjoni Nru 141 dwar l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema rurali u l-Konvenzjoni Nru 155 dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, kif ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Bangladexx sar it-tieni l-akbar esportatur tal-ħwejjeġ fid-dinja, b'total ta' 19-il biljun dollaru fl-2011; billi, barra minn hekk, huwa t-tielet l-akbar fornitur tal-Unjoni Ewropea tat-tessuti għall-ilbies, wara ċ-Ċina u l-Vjetnam; billi dan is-settur jirrappreżenta 13 % tal-PDG u 80 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż;
B. billi skont l-organizzazzjoni Transparency International, il-Bangladexx huwa wieħed mill-pajjiżi l-aktar korrotti tad-dinji (fl-2010, ġie kklassifikat fil-134 pożizzjoni minn 178 pajjiż);
C. billi 40 % taċ-ċittadini tal-Bangladexx jgħixu taħt il-livell tal-faqar (inqas minn 1,25 dollaru kuljum), u għalhekk il-pajjiż ġie kklassifikat fil-146 pożizzjoni minn 182 skont l-indiċi tal-iżvilupp tal-bniedem (HDI); billi din is-sitwazzjoni estrema ħolqot diversi irvelli, fosthom il-protesti tal-ġuħ fl-2008;
D. billi l-ħaddiema u l-ħaddiema tat-tessuti (kważi 40 % tal-ħaddiema industrijali, jiġifieri tliet miljuni ta' nies, li minnhom tliet kwarti huma nisa) jipprotestaw regolarment kontra l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol tagħhom u l-iżbilanċ bejn il-pagi tagħhom u l-profitti li jagħmlu l-intraprendituri fl-Assoċjazzjoni tal-fabbrikanti u l-esportaturi tal-ħwejjeġ tal-Bangladexx (BGMEA);
E. billi dawn il-protesti ġew sistematikament ripressi mill-forzi armati u rriżultaw fil-mewt ta' għexirien ta' persuni u l-korriment ta' mijiet ta' persuni;
F. billi mill-1967 l-pajjiż irratifika l-konvenzjoni tal-1948 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni; billi madankollu huma ftit ħafna l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li jirċievu l-akkreditazzjoni uffiċjali u li ħafna minnhom huma kontinwament ippersegwitati mill-awtoritajiet;
G. billi s-Sibt 24 ta' Novembru aktar minn 1 000 impjegat tal-fabbrika Tazreen Fashions, fil-periferija ta' Daka, li kienet taħdem għal ditti tal-Punent, bħal pereżempju l-grupp Olandiż C&A, il-grupp Franċiż Carrefour, il-grupp Svediż Ikea, u l-grupp Amerikan Walmart, inqabdu fil-fjammi tan-nirien li seħħew fl-intrapriża; billi mietu 110 minnhom u korrew madwar mitt persuna;
I. billi t-Tnejn 26 ta' Novembru f'Daka ħadet in-nar fabbrika tal-ħwejjeġ; billi n-nar, li ma ħalla l-ebda vittma, beda f'bini ta' tnax-il sular li fih hemm erba' intrapriżi tat-tessuti;
J. billi, skont l-NGOs, madwar 700 ħaddiem ta' dan is-settur mietu f'nirien fil-Bangladexx sa mill-2006;
K. billi t-Tlieta 11 ta' Settembru, nar ikkawża dannu kbir lill-fabbrika tat-tessuti f'Karachi, megalopoli fin-Nofsinhar tal-Pakistan, li ħalla aktar minn 310 persuna mejta; billi ftit sigħat qabel, inċident ieħor simili li seħħ f'fabbrika taż-żraben f'Lahore, it-tieni belt tal-pajjiż, qatel 21 persuna;
L. billi, minkejja "l-kodiċi ta' kondotta tajba" mitluba minn ċerti intrapriżi tal-Punent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol – b'mod partikolari rigward il-ħinijiet tax-xogħol, il-pagi, l-isfruttament tal-minorenni u s-sigurtà tal-ħaddiema – għadhom ħżiena ħafna; billi kull sena ħafna fabbriki li l-bini tagħhom huwa mitluq u ffullat jieħdu n-nar;
M. billi, skont studji inizjali, dawn in-nirien inħolqu minħabba negliġenzi fis-sigurtà li kkawżaw short circuit li ta bidu għan-nar;
N. billi l-impronta ekoloġika tal-qoton hija mmultiplikata minn użu eċċessiv ta' pestiċidi, li jirrappreżentaw 10% tal-konsum dinji, insettiċidi, li jirrappreżentaw 25% tal-konsum tad-dinja, u ilma, li jwassal għad-degradazzjoni tal-ħamrija u l-kontaminazzjoni kif ukoll it-telf tal-bijodiversità;
1. jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; iqis li dawn it-traġedji jerġgħu jenfasizzaw il-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol fl-intrapriżi esportaturi tat-tessuti fil-Bangladexx u fil-Pakistan;
2. jappoġġa t-talba ta' diversi NGOs u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema biex isir stħarriġ indipendenti sabiex jiġu stabbiliti r-responsabilitajiet ta' kulħadd u jiġu applikati s-sanzjonijiet meħtieġa; iqis li l-familji tal-vittmi għandhom jirċievu kumpens ġust, li r-rapporti ta' stħarriġ għandhom jiġu ppubblikati u li l-konklużjonijiet għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu evitati traġedji oħrajn;
3. jenfasizza li l-kundizzjonijiet perikolużi tax-xogħol f'dawn l-intrapriżi u r-riskji ta' nirien kemm-il darba ġew ikkundannati iżda qatt ma ġew verament ikkunsidrati mill-awtoritajiet u d-ditti multinazzjonali kkonċernati;
4. jistieden lill-gvern tal-Bangladexx u lill-intrapriżi kkonċernati biex iwettqu t-tiswijiet u r-rinovazzjonijiet obbligatorji sabiex jirranġaw il-perikli identifikati; jeżiġi li d-diversi intrapriżi multinazzjonali jieqfu jaħdmu mal-fornituri li jirrifjutaw li jagħmlu t-tiswijiet neċessarji biex jiżguraw is-sigurtà sħiħa u kollha tal-impjegati tagħhom;
5. jistieden lill-gvern tal-Bangladexx jiżgura s-sigurtà tal-ħaddiema billi jistabbilixxi sistema ta' spezzjoni tax-xogħol effikaċi u imparzjali għall-bini industrijali, li jagħtihom ir-riżorsi neċessarji għat-twettiq tal-missjoni tiegħu, jistabbilixxi kumitati tas-sigurtà mmexxija mill-ħaddiema u jiggarantixxi l-libertà ta' assoċjazzjoni, it-twaqqif tat-trejdjunjins u r-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema li jipparteċipaw fin-negozjar kollettiv, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tal-ILO rratifikati mill-Bangladexx;
6. jappoġġa l-protesti tal-impjegati ta' dawn l-intrapriżi u b'mod speċjali l-protesti li seħħew wara n-nirien riċenti, u jenfasizza li t-talbiet tagħhom għal kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, żieda fil-pagi u protezzjoni aħjar għandhom jitqiesu bħala drittijiet fundamentali;
7. jikkundanna n-nuqqas ta' rispett mill-intrapriżi Ewropej tad-drittijiet tal-ħaddiema, minkejja li adottaw "il-kodiċi ta' kondotta tajba"; jitlob minnufih lill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri kompetenti biex jirreferu għal stħarriġ eżistenti u jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi stħarriġ imparzjali dwar dawn il-prattiki sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu li dawn l-intrapriżi ma jkunux ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jenfasizza li sistema legalment vinkolanti u b'hekk infurzabbli dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR) hija neċessarja bħala pass lejn it-tmiem ta' dan l-isfruttament sfaċċat;
8. jitlob minnufih lill-partijiet rilevanti tas-settur tal-qoton biex inaqqsu, kemm jista' jkun u b'mod drastiku, id-degradazzjoni ambjentali, inkluża l-impronta tal-ilma, u l-użu tal-pestiċidi u l-insettiċidi; jenfasizza li dawn il-mezzi ta' produzzjoni mhux sostenibbli jfixklu l-futur tal-produzzjoni tal-qoton;
9. jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tal-Kooperazzjoni Reġjonali tal-Ażja t'Isfel u lill-Gvern tal-Bangladexx.