MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet
30.1.2013 - (2012/2922(RSP)).
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Mikael Gustafsson f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
B7‑0049/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottata f'Pekin u d-dokumenti sussegwenti ta’ eżitu adottati fis-sessjonijiet specjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 u Pekin +10 dwar aktar azzjoni u inizjattivi biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Pekin, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005 rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2006 bl-isem "Il-pjan ta’ rotta ghall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irgiel 2006-2010" (COM(2006)0092),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin +15 – Pjattaforma tan-NU għal Azzjoni favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi[1],
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-18 ta' Marzu 2010 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[2],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Bniet u dwar il-Ġlieda kontra l-Forom kollha ta’ Diskriminazzjoni kontrihom (Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008), kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru u l-Abilitazzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp bħala parti mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) adottat f’Ġunju 2010 (Kunsill Affarijiet Barranin),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Bniet li saret f’Bangkok mis-17 sal-20 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ eżitu tal-Forum tan-NU għall-Partijiet Interessati dwar il-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, li tlaqqa’ fil-kwartieri ġenerali tan-NU fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni fis-57 sessjoni tas-CSW tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (O‑00004/2013 – B7‑0111/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Procedura tieghu,
A. billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet għadha waħda mill-vjolazzjonijiet globali u strutturali l-aktar serji tad-drittijiet tal-bniedem, u hija fenomenu li jinvolvi vittmi u awturi ta' kull età, sfond edukattiv, dħul u pożizzjoni soċjali, u li hija sew konsegwenza kif ukoll kawża ta' inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
B. billi l-vjolenza fuq in-nisa tippersisti f’kull pajjiż tad-dinja bħala vjolazzjoni mxerrda tad-drittijiet tal-bniedem u hija xkiel kbir għall-ilħiq tal-ugwaljanza tal-ġeneru u għall-abilitazzjoni tan-nisa; billi taffettwa nisa u bniet f’kull rokna tad-dinja, irrispettivament minn fatturi bħall-età, il-klassi jew l-isfond ekonomiku, u tagħmel ħsara lil familji u komunitajiet, għandha kostijiet ekonomiċi u soċjali sinifikanti, u tirrestrinġi u timmina t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp;
C. billi jeħtieġ li jiġu ttrattati l-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa, jiġifieri vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika, kif definit fil-Pjattaforma ta’ Pekin għall-Azzjoni, ladarba lkoll kemm huma jirrestrinġu kemm in-nisa jistgħu jgawdu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
D. billi l-fastidju u l-vjolenza kontra n-nisa jħaddnu firxa wiesgħa ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma: l-abbuż sesswali, l-istupru, il-vjolenza domestika, l-aggressjoni u l-fastidju sesswali, il-prostituzzjoni, it-traffikar tan-nisa u l-bniet, il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, il-vjolenza fuq in-nisa fix-xogħol; il-vjolenza fuq in-nisa f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, il-vjolenza fuq in-nisa fil-ħabsijiet jew f’istituzzjonijiet ta’ kura, il-vjolenza kontra l-lesbjani, it-tiċħid arbitrarju tal-libertà, u diversi prattiki tradizzjonali ta’ ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali, delitti tal-unur u żwiġijiet furzati; billi kull wieħed minn dawn l-abbużi jista’ jħalli ġrieħi psikoloġiċi profondi u jinvolvi ħsara jew sofferenza fiżika jew sesswali, theddid ta’ atti bħal dawn u koerċizzjoni, ħsara għas-saħħa ġenerali tan-nisa u l-bniet, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali tagħhom, u f’xi każijiet iwassal għall-mewt;
E. billi, filwaqt li l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni tal-ġeneru jkattru r-riskji ta’ vjolenza, forom oħra ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ fatturi bħalma huma d-diżabilità jew l-appartenenza għal grupp minoritarju jistgħu jkabbru r-riskju li n-nisa jkunu esposti għall-vjolenza u l-isfruttament; billi r-reazzjonijiet attwali għall-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u kwalunkwe strateġija ta’ prevenzjoni li tmur magħhom mhumiex inklussivi biżżejjed biex iħaddnu nisa u bniet li jsofru aktar minn forma waħda ta’ diskriminazzjoni;
F. billi jeżistu bosta forom ta’ vjolenza strutturali fuq in-nisa, fosthom il-limitazzjoni tad-dritt tan-nisa għall-għażla, id-dritt tagħhom fuq ġisimhom u l-integrità fiżika tagħhom, id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, kif ukoll it-tiċħid tan-nisa mid-drittijiet ċivili u politiċi sħaħ tagħhom; ifakkar li soċjetà fejn in-nisa u l-irġiel ma jkunux żgurati drittijiet ugwali tipperpetwa forma ta’ vjolenza strutturali kontra n-nisa u l-bniet;
G. billi NGOs sew lokali kif ukoll internazzjonali, bħalma huma gruppi li jġibu 'l quddiem interessi partikolari u dawk li jorganizzaw rifuġji tan-nisa, linji telefoniċi ta’ emerġenza u strutturi ta’ appoġġ, huma essenzjali biex isir progress lejn il-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
H. billi, biex il-ħidma favur il-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun effikaċi, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni u azzjoni internazzjonali, impenn sod minn mexxejja politiċi fil-livelli kollha, kif ukoll livelli aktar sostanzjali ta’ finanzjament;
I. billi politiki u azzjonijiet tan-NU għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma tal-ogħla importanza biex dawn il-kwistjonijiet jinġiebu fuq quddiem nett tax-xena internazzjonali tat-tfassil tal-politika u tal-azzjoni, u biex l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa ħalli jindirizzaw it-tema tal-vjolenza fuq in-nisa b’mod aktar sistematiku;
1. Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-Pjattaforma ta’ Pekin għall-Azzjoni u l-firxa ta’ azzjonijiet għall-ugwaljanza tal-ġeneru li hemm deskritta fiha; itenni li l-ħidma għal tmiem tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tirrikjedi aproċċ koordinat u multisettorjali, li jinvolvi l-partijiet interessati kollha u wkoll jindirizza l-kawżi sottostanti tal-vjolenza, bħalma huma d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta, sterjotipi prevalenti tal-ġeneru, u nuqqas ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
2. Jissottolinja l-importanza ta’ eżitu pożittiv fis-57 sessjoni tas-CSW tan-NU li għandha ssir mill-4 sal-15 ta' Marzu 2013, inkluża l-adozzjoni ta’ ġabra ta’ konklużjonijiet progressivi u maqbula li sejrin jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal tmiem tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inklużi nisa b’diżabilitajiet, nisa indiġeni, nisa migranti, tfajliet adolexxenti u nisa bl-HIV/AIDS, u b’hekk tassew jagħmlu differenza madwar id-dinja kollha;
3. Iqis li, fost il-prijoritajiet ewlenin biex il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tiġi indirizzata, għandu jkun hemm l-eliminazzjoni ta’ attitudnijiet soċjokulturali diskriminatorji li jirrinforzaw il-pożizzjoni subordinata tan-nisa fis-soċjetà u jwasslu biex il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tkun tollerata, sew fl-isfera privata kif ukoll f’dik pubblika, fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol u fl-istituzzjonijiet edukattivi; f’dan il-kuntest, jittama li jsir progress aċċellerat fl-iżvilupp ta’ normi legali, standards u politiki internazzjonali li jtejbu s-servizzi u l-protezzjoni tal-vittmi, ikattru l-għarfien ħalli l-aġir u l-attitudnijiet jinbidlu, u, fuq kollox, jiżguraw implimentazzjoni suffiċjenti u konsistenti f’kull parti tad-dinja;
4. Iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex isiru atturi aktar effiċjenti fuq livell globali, jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi domestiċi tagħhom biex jeliminaw il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; għaldaqstant itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi strateġija tal-UE kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża direttiva li tistabbilixxi standards minimi; f’dan il-kuntest, jistieden ukoll kemm lill-UE u kemm lill-Istati Membri individwali biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u domestika u l-ġlieda kontra dik il-vjolenza;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-politiki, programmi u riżorsi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jikkonfrontaw il-vjolenza fi ħdan l-UE u barra minnha, u jsaħħu l-istrateġija tagħhom bi strumenti aġġornati u miri ambizzjużi;
6. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-allokazzjoni ta’ riżorsi tagħhom għal tmiem tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluż fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew u dinji, u biex jagħtu sostenn lil atturi li qed iħabirku ħalli jtemmu l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b’mod partikolari lil NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam;
7. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għax-xogħol ta’ UN WOMEN, li huwa attur ċentrali fis-sitema tan-NU għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja u li jlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati kollha ħalli jiġġenera bidla tal-politiki u jikkoordina l-azzjonijiet; jistieden lill-istati membri tan-NU, kif ukoll lill-UE, biex iżidu l-finanzjament tagħhom għall-UN WOMEN;
8. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqawwi l-isforzi tiegħu biex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet jitħarsu u jinġiebu 'l quddiem fl-azzjonijiet u d-djalogi kollha li jkun involut fihom, u li jħaffef l-implimentazzjoni tiegħu tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Bniet u dwar il-Ġlieda kontra l-Forom kollha ta’ Diskriminazzjoni kontrihom, kif ukoll li joħloq rabtiet aktar stretti mal-ħidma li qed issir kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fil-qafas tal-UE ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li jappoġġja wkoll id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-persuni LGBT;
9. Jitlob li jiġu żviluppati programmi u mekkaniżmi istituzzjonali fil-livell internazzjonali u f’dak reġjonali, b’tali mod li jkun żgurat li l-istrateġiji preventivi kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet ikunu fil-qalba ta’ kull azzjoni internazzjonali mfassla b’reazzjoni għal kriżijiet umanitarji relatati ma' sitwazzjonijiet ta' kunflitt jew ta’ wara l-kunflitti, jew ta’ diżastri naturali;
10. Jistieden lill-UE tappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti li s-CSW 2013 għandha taqbel li tiżviluppa Pjan Globali għall-Implimentazzjoni ta’ Tmiem tal-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Bniet, b’attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni tal-vjolenza u l-għoti ta’ servizz ta’ monitoraġġ u gwida operazzjonali rigward l-obbligi internazzjonali eżistenti (CEDAW u BPFA), li għandhom japprovawhom l-istati membri kollha tan-NU u li għandhom jiġu varati fl-2015;
11. Jitlob li l-UE tappoġġja l-varar ta' Kampanja Dinjija favur il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ħalli tieħu passi ulterjuri biex il-pajjiżi u l-komunitajiet tagħna tagħmilhom sikuri u biex tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet madwar id-dinja kollha; jemmen li din il-kampanja għandha tissejjes fuq sħubijiet eżistenti bejn stati u atturi relevanti oħra, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tan-nisa;
12. Jitlob li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkunsidra bis-sħiħ rapporti u proposti dwar il-vjolenza fuq in-nisa;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2010)0037.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2011)0127.