Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0055/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0055/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

4.2.2013 - (2013/2533(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Richard Howitt, Véronique De Keyser, Ana Gomes, Raimon Obiols, Pino Arlacchi, Joanna Senyszyn f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0055/2013

Proċedura : 2013/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0055/2013
Testi mressqa :
B7-0055/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0055/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

(2013/2533(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–   wara li kkunsira l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inklużi l-prijoritajiet tal-Parlament f'dan il-kuntest; wara li kkunsidra, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni mis-Sottokumitat tal-Parlament Ewopew għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tiegħu fid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u dak tad-delegazzjoni konġunta mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża, li attendew għas-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rispett għall-universalità u għall-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-unità u tal-integrità Ewropea[5];

B.  billi l-implimentazzjoni b'suċċess tar-rieżamijiet reċenti tal-UE tal-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE fil-UNHRC billi żżid il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha;

C. billi l-UE għandha tistinka sabiex issemma' leħinha kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pożizzjonijiet komuni u uniti sabiex tikseb l-aħjar riżultati possibbli u f'dan il-kuntest għandha tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u ttejjeb l-arranġamenti ta’ organizzazzjoni bejn l-Istati Membri;

D. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, bl-għan li jikseb politika tal-UE aktar effikaċi, viżibbli u konsistenti f'dan il-qasam;

E.  billi nħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, li r-rwol tiegħu hu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jgħin sabiex il-Qafas Strateġiku u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jiġi implimentat fil-prattika;

F.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem se tmur Ġinevra matul it-22 sessjoni tal-UNHRC, kif diġà seħħ għas-sessjonijiet tal-UNHRC ta' snin preċedenti;

1.  Jinnota l-proċess kontinwu biex jiġu kkonfermati l-prijoritajiet tal-UE għat-22 Sessjoni tal-UNHRC; Jilqa' l-enfasi mqiegħda mill-UE fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja, f'Burma/il-Mjanmar, fil-Korea ta' Fuq u f'Mali, kif ukoll l-appoġġ tal-UE għall-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; japprova wkoll l-enfasi fuq kwistjonijiet tematiċi bħal-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, id-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza fuq in-nisa, id-drittijiet kummerċjali u tal-bniedem u d-drittijiet tal-LGBTI;

2.  Jilqa’ l-fatt li l-aġenda għat-22 sessjoni regolari tinkludi, fost affarijiet oħra, diskussjonijiet tal-panel dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-kommemorazzjoni tal-20 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni, dibattiti interattivi bħal dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet, u laqgħat estensivi dwar diversi kwistjonijiet, bħad-drittijiet tat-tfal għat-tgawdija tal-ogħla standards tas-saħħa li jistgħu jintlaħqu; jistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu b'mod attiv għal dawn id-dibattiti u jiddikjaraw biċ-ċar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli u interdipendenti;

3.  Jilqa' r-rapporti li se jiġu ppreżentati mir-Rapporteurs Speċjali dwar, inter alia, is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, fil-Mjanmar u fit-territorji Palestinjani okkupati mill-1967, kif ukoll ir-rapport bil-miktub mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Mali, b'mod partikolari fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż, dwar l-akkomodazzjoni fid-djar bħala komponent tad-dritt għal standard adegwat ta' għajxien, dwar id-dritt għan-nondiskriminazzjoni f'dan il-kuntest, dwar il-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu; jistenna bil-ħerqa r-rapport orali tal-Kummissarju Għoli dwar il-Libja;

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

4.  Jinnota li ġew eletti 18-il membru ġdid fil-UNHRC f'Settembru 2012, li ssieħbu fl-1 ta' Jannar 2013, jiġifieri l-Arġentina, il-Brażil, il-Côte d'Ivoire, l-Estonja, l-Etjopja, il-Gabon, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Kazakistan, il-Kenja, il-Montenegro, il-Pakistan, ir-Repubblika tal-Korea, Sjerra Leone, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, u r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; u jinnota li issa hemm disa' Stati Membri tal-UE li huma membri tal-UNHRC;

5.  Jinnota l-elezzjoni ta' President ġdid tal-UNHRC, Remigiusz A. Henzcel, mill-Polonja, u ta' erba' Viċi Presidenti għall-2013, Cheikh Ahmed Ould Zahaf (il-Mawritanja), Iruthisham Adam (il-Maldive), Luis Gallegos Chiriboga (l-Ekwador), u Alexandre Fasel (l-Isvizzera);

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-elezzjonijiet għall-UNHRC jeħtieġ li jkunu kompetittivi, u jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet mhux ikkontestati minn gruppi reġjonali; itenni l-importanza ta' standards għas-sħubija fil-UNHRC fir-rigward tal-impenn u l-prestazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li membri tal-UNHRC jeħtieġ li jżommu l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza ta' kriterji sodi u trasparenti għar-reintegrazzjoni ta' membri sospiżi;

7.  Jibqa' preokkupat dwar il-fenomenu tal-"politika tal-blokkijiet" u l-effett tiegħu fuq il-kredibbiltà tal-UNHRC u l-effettività tal-ħidma tiegħu;

8.  Itenni għal darb'oħra l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex jiksbu l-indiviżibbiltà u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġaw ix-xogħol tal-UNHRC f'dan ir-rigward, b'mod partikolari billi jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jkun stabbilixxa dan il-korp; itenni d-dispjaċir tiegħu li għad m'hemm l-ebda Stat Membru tal-UE li rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familja tagħhom; itenni wkoll id-dispjaċir tiegħu li diversi Stati Membri għadhom ma adottawx u/jew għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat u li żewġ Stati Membri biss irratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli, u jħeġġiġhom jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv reċenti għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar proċedura ta' komunikazzjoni, li nfetħet għall-iffirmar f'Ġinevra, l-Isvizzera, fit-28 ta' Frar 2012;

9.  Jilqa' l-ħatra mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-Sa Navanethem Pillay għat-tieni mandat bħala Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli, u għall-indipendenza u l-integrità tiegħu;

10. Ifaħħar lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-isforzi tagħha fil-proċess ta' tisħiħ tal-korpi stabbiliti bit-Trattati u jilqa' r-rapport tagħha dwar din il-kwistjoni li ġie ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2012; jafferma mill-ġdid in-natura b’diversi partijiet interessati tal-korpi stabbiliti bit-trattati u jenfasizza li s-soċjetà ċivili jeħtieġ li tkun inkluża kontinwament f’dawn il-proċessi; barra minn hekk jisħaq li l-indipendenza u l-effettività tal-korpi stabbiliti bit-trattati għandhom jiġu ppreservati u mtejba; jisħaq li jeħtieġ li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament sabiex ikopri l-ammont ta' xogħol li qed jiżdied għall-korpi stabbiliti bit-trattati; jistieden lill-UE tadotta rwol ta' tmexxija fl-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tas-sistema tal-korpi stabbiliti bit-trattati, anke fir-rigward ta' finanzjament adegwat;

Il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija

11. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-vjolenza li kulma jmur qed tiżdied u mingħajr distinzjoni użata mir-reġim Assad kontra l-popolazzjoni Sirjana, inklużi l-użu ta' artillerija peżanti u l-ibbombardjar ta' żoni populati; jikkundanna b'mod inekwivoku l-ksur sistematiku u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim, mill-forzi tas-sigurtà tiegħu u mill-armata, li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kontinwament għall-popolazzjoni ċivili; jikkundanna wkoll il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-gruppi u mill-forzi tal-oppożizzjoni; jistieden lill-parteċipanti armati kollha biex itemmu immedjatament il-vjolenza fis-Sirja, u jtenni s-sejħa tiegħu lir-reġim ta' Assad biex iċedi l-poter immedjatament;

12. Jesprimi tħassib dwar ir-riperkussjonijiet fil-pajjiżi ġirien u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà l-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna lill-pajjiżi fir-reġjun fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu għajnuna umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja;

13. Jilqa' l-attenzjoni kontinwa li l-UNHRC qed jagħti lis-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem terribbli fis-Sirja, kif jixhdu r-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż li ġew adottati fid-19, fl-20 u fil-21 sessjoni tal-UNHRC u fis-Sessjoni Speċjali tal-UNHRC dwar is-Sirja li saret fl-1 ta' Ġunju 2012; itenni l-importanza tal-iżgurar tar-responsabbiltà għall-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li seħħ matul il-konflitt;

14. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Kumitat ta’ Inkjesta Indipendenti dwar is-Sirja u għall-estensjoni mill-UNHRC tal-mandat tiegħu; jilqa’ l-ħatra ta’ Carla del Ponte u Vitit Muntarbhorn bħala membri ġodda, u l-ħatra ta’ Paolo Pinheiro bħala Rapporteur Speċjali dwar is-Sirja, li se jibda l-ħidma tiegħu ladarba jispiċċa l-mandat tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta; jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni li jiżvela l-atroċitajiet li saru fis-Sirja;

15. Jiddispjaċih li għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u, b’mod partikolari, dwar il-fatt li dan qed jonħoq il-kapaċità li tiġi eżerċitata pressjoni effikaċi bl-għan li tintemm il-vjolenza fil-pajjiż; jistieden lill-Membri tal-KSNU biex jiftakru fir-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-poplu Sirjan; ifaħħar l-isforzi diplomatiċi tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri tal-UE biex iċ-Ċina u r-Russja jinvolvu ruħhom f’din il-kwistjoni; jistedinhom ikomplu b’dawn l-isforzi; ifakkar lill-membri kollha tan-NU wkoll dwar il-prinċipju tar-"responsabbiltà li tipproteġi" mħaddan mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tinvolvi ruħha personalment fil-bini ta' koalizzjoni internazzjonali kbira u inklużiva biex il-membri permanenti kollha tal-KSNU jiġu mġiegħla jappoġġjaw riferiment bħal dan;

16. Jilqa’ r-rapport bil-miktub finali mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti (COI) dwar il-Libja, li ġie ppreżentat fid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u li jenfasizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jesprimi tħassib dwar il-ksur kontinwu, ikompli jimmonitorja s-sitwazzjoni u jitlob lill-Kummissarju Għoli tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja;

17. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-Baħrejn; itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jaħdmu għall-adozzjoni fl-UNHRC ta' riżoluzzjoni li tikkonċerna s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn;

18. Itenni l-istedina tiegħu biex l-UNHRC tadotta riżoluzzjoni matul it-22 sessjoni, li tistabbilixxi mekkaniżmu internazzjonali sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Baħrejn (EPU) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn (BICI), inklużi dawk li jikkonċernaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

19. Jilqa’ r-riżoluzzjoni dwar l-għajnuna teknika u l-bini tal-kapaċità għall-Jemen fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, adottata f'Ottubru 2012, u l-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Pajjiż tal-OHCHR fil-Jemen; iħeġġeġ lill-UNHRC jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni fil-Jemen;

20. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-vjolenza qed terġa' tfeġġ fl-Eġittu; jistieden lill-Gvern Eġizzjan joqgħod lura minn kwalunkwe użu tal-forza kontra d-dimostranti u jfakkar li l-istat ta' emerġenza huwa miżura li wieħed għandu jirrikorri għaliha l-aħħar li għandha tkun irregolata wkoll mill-istat ta' dritt u bi qbil mal-istandards internazzjonali biex jiġu ppreservati d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u għal għaqda paċifika; itenni l-pożizzjoni tal-UE kontra l-piena tal-mewt u jitlob, f'dan ir-rigward, moratorju fuq l-eżekuzzjoni tal-pieni tal-mewt fl-Eġittu, inkluż fil-każ tal-21 persuna li nqatgħatilhom riċentament għall-mewt għad-diżastru tas-sena li għaddiet fl-istejdum tal-futbol ta' Port Said;

21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jitlob li d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt li jipprotestaw, jiġu mħarsa; jitlob ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha tas-Saħrawi. jilqa' t-twaqqif ta' Mibgħut Speċjali għas-Saħel u jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ internazzjonali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jappoġġa soluzzjoni ġusta u dewwiema tal-kunflitt, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saħrawi, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;

Kwistjonijiet oħra

22 Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-UNHRC fl-20 sessjoni tagħha li taħtar Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jieħu nota tal-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li tistabbilixxi dan il-mandat, li turi li s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż qed tiġi rikonoxxuta minn stati madwar id-dinja kollha;

23. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata fl-20 sessjoni tal-UNHRC li tistabbilixxi Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jieħu nota tal-fatt li din hija l-ewwel darba li l-UNHRC indirizzat din il-kwistjoni, u jfaħħar is-sens ta' tmexxija muri mill-pajjiżi Afrikani rigward din il-kwistjoni;

24. Jilqa' l-estensjoni tal-mandati tal-esperti indipendenti dwar il-Côte d’Ivoire, Ħaiti u s-Somalja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jikkooperaw bis-sħiħ mad-detenturi tal-mandat;

25. Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran

26. Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) għal sena oħra; jilqa' l-fatt li r-riżoluzzjoni dwar ir-RDPK ġiet adottata b'kunsens, li juri l-livell qawwi ta' appoġġ għall-mandat; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK biex jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur u jiffaċilita ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż; u jħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jieħu azzjoni rigward l-appell mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar delitti serji li ilhom iseħħu fil-pajjiż għal għexieren ta' snin;

27. Jiddeplora l-eżekuzzjonijiet imwettqa fil-Ġappun fl-2012 wara l-moratorju fuq din il-prattika fl-2011; jikkundanna wkoll, f'dan il-kuntest, l-eżekuzzjonijiet reċenti tal-massa fl-Iran; itenni l-pożizzjoni soda tiegħu kontra l-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha; kif ukoll id-determinazzjoni sħiħa tiegħu li jaħdem għall-abolizzjoni definittiva tagħha;

28. Jilqa' l-fatt li s-sitwazzjoni f'Mali qed tinżamm taħt skrutinju strett mill-UNHRC, u jfaħħar it-tmexxija murija mill-istati Afrikani li ġabet il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UNHRC biex jappoġġa l-introduzzjoni rapida ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ f'Mali u biex jitlob li l-OHCHR ikompli jirrapporta dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

29. Kien kuntent li nnota l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), iżda jibqa’ mħasseb serjament dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, speċjalment fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-forzi ribelli fil-Lvant tal-pajjiż fuq il-popolazzjoni ċivili, inklużi nisa u tfal, partikolarment mill-M23; jikkundanna b'mod qawwi l-użu sistematiku tal-istupru bħala arma tal-gwerra; jilqa' l-isforzi li saru mill-Istati Membri tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR), l-Unjoni Afrikana u n-NU biex tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-kriżi; jerġa' jitlob l-istabbiliment mill-ġdid ta' Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK sabiex jipprovdi mekkaniżmu affidabbli li jiffoka fuq it-tijib tas-sitwazzjoni rigward il-preokkupazzjonijiet serji u li ilhom jeżistu rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; kif ukoll rapport mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fil-kunflitti, Margot Wallstrom;

30. Jinnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jisħaq fuq l-enfasi li l-UE tagħmel fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri tagħha jkompli jaħdmu fuq il-kwistjoni, u jistenna bil-ħerqa l-Linji Gwida ġodda, li huma mistennija kmieni din is-sena; ifaħħar il-ħidma mwettqa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tat-tiġdid ta' dan il-mandat matul it-22 sessjoni tal-UNHRC;

31. Jilqa' r-riżoluzzjoni dwar Burma/il-Mjanmar fil-UNHRC u jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar; jinnota l-passi meħuda mill-Gvern ta' Burma mill-bidu tal-2011 biex jerġa' jdaħħal il-libertajiet ċivili fil-pajjiż; madankollu, jesprimi preokkupazzjoni kbira ferm dwar iż-żieda f'daqqa fil-vjolenza komunali fl-istat ta' Rakhine u li b'konsegwenza tagħha mietu u ndarbu n-nies, inqerdet il-proprjetà u ġew spostati popolazzjonijiet lokali; jemmen li l-kawża tas-sitwazzjoni hija l-politiki diskriminatorji li ilhom jeżistu kontra l-popolazzjoni ta' Rohingya; jisħaq li huma meħtieġa sforzi akbar biex tiġi riżolta l-kawża li minnha toriġina l-problema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mjanmar iħaffef l-implimentazzjoni tal-impenn tiegħu li jistabbilixxi Uffiċċju tal-Pajjiż tal-OHCHR fil-Mjanmar u jenfasizza li għandu jinżamm monitoraġġ u rappurtar kontinwu mir-Rapporteur Speċjali fil-kuntest attwali;

32. Jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni dwar is-Sri Lanka, li tenfasizza r-rikonċiljazzjoni u r-responsabbiltà fil-pajjiż; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjoni, magħmula mill-Panel ta’ Esperti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sri Lanka, li tiġi stabbilita Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar id-delitti kolla mwettqa; iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jesprimi tħassib dwar il-ksur kontinwu mwettaq fis-Sri Lanka u dwar in-nuqqas tal-Gvern tas-Sri Lanka li ġenwinament u serjament jinvestiga delitti mwettqa matul il-kunflitt mill-partijiet kollha u li jiżgura li jingħata rendikont għal abbużi serji, u biex jadotta miżuri biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru lis-Segretarju Ġenerali mill-Panel ta' Esperti; huwa mħasseb serjament dwar l-"influwenza serja" fuq il-ġudikatura peress li t-tneħħija tal-Prim Imħallef tista' tipperikola l-isforzi biex issir prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra;

33. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR), fejn il-gruppi armati attakkaw u okkupaw diversi bliet fil-Grigal tal-pajjiż; jilqa' l-ftehimiet iffirmati f'Libreville fil-11 ta’ Jannar 2013, inkluż il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u l-ftehim politiku dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-pajjiż; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni rapida ta' dawn il-ftehimiet; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-UE tal-11 ta’ Jannar, li titlob li l-firmatarji kollha jżommu ma’ dawn il-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu din il-kwistjoni fil-UNHRC sabiex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-aġenda internazzjonali;

34. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u f'Gaża wara ż-żieda fil-kunflitt fi tmiem l-2012, u jikkundanna l-atti ta' vjolenza mwettqa miż-żewġ naħat fil-kunflitt; itenni t-talba tiegħu biex jitneħħa l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, filwaqt li jitqiesu l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-Iżrael rigward is-sigurtà, u jitlob li jittieħdu passi favur ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Istrixxa ta' Gaża;

35. Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Iżraeljan fit-2 ta' Diċembru 2012 biex jinbnew 3 000 unità ta' insedjament ġodda fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta' Ġerusalemm, b'mod partikolari fiż-żona E1, li, jekk titwettaq, taqsam ix-Xatt tal-Punent fi tnejn; jenfasizza li din id-deċiżjoni thedded li ddgħajjef is-soluzzjoni b'żewġ stati; jilqa' l-missjoni internazzjonali għal ġbir ta' informazzjoni dwar l-insedjamenti Iżraeljani fit-territorju Palestinjan okkupat stabbilita waqt id-19-il sesjoni tal-UNHRC; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Iżrael temm il-kooperazzjoni mal-UNHRC minn dak iż-żmien 'l hawn, kif ukoll in-nuqqas ta' kooperazzjoni tiegħu, meta tħabbret kummissjoni ġdida għal ġbir ta' fatti dwar l-insedjamenti Iżraeljani, u l-fatt li l-Iżrael ma ssottomettix ruħu għall-proċedimenti tal-EPU;

36. Jilqa' l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 2012 tar-riżoluzzjoni li tagħmel lill-Palestina stat osservatur mhux membru tan-NU; jieħu nota tal-maġġoranza kbira li biha ġiet adottata r-riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni, b'138 vot favur, 9 voti kontra u 41 astensjoni; jieħu nota, ukoll, li Stat Membru wieħed biss tal-UE vvota kontriha; itenni l-appoġġ tiegħu għal dan l-isforz; jinnota l-appoġġ espress mill-UE biex il-Palestina ssir membru sħiħ tan-NU bħala parti minn soluzzjoni politika għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jafferma mill-ġdid li l-UE mhi se taċċetta l-ebda bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma mill-partijiet;

37. Jilqa' l-proċess ta' segwitu li għaddej għar-Rapport A/HRC/19/41 tal-Kummissarju Għoli dwar il-liġijiet u l-prassi diskriminatorji u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkoraġġixxi segwitu ulterjuri, anke permezz ta' laqgħat reġjonali u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri, tal-Kunsill u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

38. Jilqa' s-sens ta' tmexxija muri mis-Segretarju Ġenerali u mill-Kummissarju Għoli, kemm fil-UNHRC kif ukoll barra minnu, rigward id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jiddispjaċih rigward it-tentattivi li għaddejjin biex jikkompromettu l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment permezz ta' riżoluzzjoni dwar il-"valuri tradizzjonali";

39. Jieħu nota tal-ewwel Forum annwali dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Ġinevra mill-4 sas-6 ta' Diċembru 2012, li laqqa' flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet interessati biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU f'dan il-qasam; jappoġġa l-konsultazzjonijiet inizjali tal-Forum dwar kif il-gvernijiet u n-negozji jistgħu jiġu mġiegħla jadottaw oqfsa regolatorji, politiċi u ta' implimentazzjoni biex jiġġieldu kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-kummerċ; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tavvanza l-politika l-ġdida tagħha dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva; jenfasizza li din il-politika jeħtieġ li tkun saħansitra aktar ambizzjuża;

40. Jilqa’ x-xogħol tal-grupp ta’ ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-kumpaniji privati fil-qasam militari u tas-sigurtà (PMSCs), b’mandat biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ qafas regolatorju internazzjonali; jirrikonoxxi l-attenzjoni dettaljata mogħtija lill-għażla li jiġi elaborat strument legalment vinkolanti dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-PMSCs u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal qafas regolatorju legalment vinkolanti bħal dan; jenfasizza l-ħtieġa għal komponent ta’ responsbbiltà qawwija u jistieden lill-PMSCs li jkunu għadhom ma ffirmawx il-Kodiċi ta’ Mġiba għall-Fornituri Privati ta’ Servizzi tas-Sigurtà (ICoC) biex josservawh; jistenna bil-ħerqa l-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma;

L-Eżami Perjodiku Universali

41. Jenfasizza s-sinifikat tal-aspett universali tal-EPU, u jafferma mill-ġdid l-importanza tal-EPU biex ikun possibbli l-fehim sħiħ u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-post fl-Istati Membri kollha tan-NU;

 

42. Jilqa' l-bidu tat-tieni ċiklu tal-Eżami Perjodiku Universali u l-adozzjoni tal-ewwel riżultati tiegħu; itenni l-importanza li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

43. Jemmen li l-implimentazzjoni hija aspett ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal tal-proċess tal-EPU; għalhekk itenni l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jipprovdu assistenza teknika sabiex jgħinu lill-istati soġġetti għall-eżami jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; iħeġġeġ lill-istati jippreżentaw aġġornamenti ta’ nofs it-term sabiex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni mtejba;

44. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li qed jipparteċipaw fid-djalogi interattivi tal-EPU biex iressqu rakkomandazzjonijiet li huma iktar speċifiċi u li jistgħu jitkejlu aktar, biex tittejjeb il-kwalità tas-segwitu u tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati;

45. Jirrakkomanda l-inklużjoni sistematika tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u fl-istrateġiji tal-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, biex jiġi żgurat is-segwitu għar-riżultati tal-EPU; jirrakkomanda, bl-istess mod, li l-Parlament jirreferi għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul iż-żjarat tad-delegazzjonijiet f’pajjiżi terzi;

46. Jilqa' passi li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess tal-EPU ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidliet fil-lista tal-kelliema, li jagħtu lill-istati kollha li jixtiequ jitkellmu matul il-proċess tal-EPU l-possibbiltà li jagħmlu dan; itenni l-apprezzament tiegħu tar-rwol aktar b'saħħtu li kisbu l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-Prinċipji ta' Pariġi; jilqa' l-parteċipazzjoni msaħħa mill-post minħabba l-użu akbar tal-vidjokonferenzi;

47. Jemmen li jista' jsir iżjed biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tal-EPU, anke fl-implimentazzjoni tar-riżultati tal-EPU; jikkundanna l-użu tat-tpattija kontra persuni li jipparteċipaw u jikkooperaw fil-proċess tal-EPU; jenfasizza li azzjoni bħal din iddgħajjef is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-istati kollha jipprovdu protezzjoni adegwata kontra atti ta' intimidazzjoni bħal dawn;

Il-Proċeduri Speċjali

48. Jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-Proċeduri Speċjali fil-kredibbiltà u fl-effikaċja tal-ħidma tal-UNHRC u l-pożizzjoni ewlenija tagħhom fil-makkinarju tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u jenfasizza l-importanza fundamentali tal-indipendenza ta' dawn il-mandati;

49. Iħeġġeġ lill-istati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali, anke billi jilqgħu lid-detenturi tal-mandati għal żjarat fil-pajjiż mingħajr dewmien, billi jwieġbu għall-azzjonijiet urġenti tagħhom u l-allegazzjonijiet ta' ksur u jiżguraw segwitu xieraq għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-detenturi tal-mandati; iħeġġeġ lill-membri tal-UNHRC jmexxu billi jagħtu l-eżempju fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

50. Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-UE biex tiġi estiża b'mod konġunt stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'hekk tmexxi billi tagħti l-eżempju fir-rigward ta' din il-kwistjoni; jinkoraġġixxi lil stati membri oħra tan-NU biex jagħmlu l-istess;

51. Jikkundanna l-forom kollha ta' tpattija kontra persuni li jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali; jenfasizza li azzjoni bħal din iddgħajjef is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-istati kollha jipprovdu protezzjoni adegwata kontra atti ta' intimidazzjoni bħal dawn;

L-involviment tal-UE

52. Ma jistax jenfasizza b'mod qawwi biżżejjed l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-mekkaniżmi tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-UNHRC; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jikkosponsorjaw riżoluzzjonijiet, jipparteċipaw attivament f'dibattiti u fi djalogi interattivi u joħorġu stqarrijiet;

53. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-ħidma li qed issir f'Ġinevra fil-kuntest tal-UNHRC tiġi integrata fil-ħidma ġenerali tal-UE, inkluż fil-ħidma tal-Parlament stess;

54. Jilqa' l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sur Stavros Lambrinidis; jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Speċjali jikkontribwixxi għall-effikaċja, għall-koerenza u għall-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC, u jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali; huwa ħerqan li jikkoopera mar-Rappreżentant Speċjali fuq dawn il-kwistjonijiet;

55. Jilqa' l-parteċipazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Forum dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Ġinevra fl-4 u fil-5 ta' Diċembru 2012;

56. Itenni li l-azzjoni tal-UE hija l-aktar effikaċi meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jużaw il-piż kollettiv tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-isforzi kollha biex jingħata "messaġġ wieħed, b'ħafna vuċijiet"; jerġa' jitlob azzjoni aktar soda u ambizzjuża minflok ma jiġi aċċettat id-denominatur komuni l-aktar baxx; f'dan ir-rigward, jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u fi New York, biex iżid il-koerenza tiegħu, abbażi ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva;

57. Jisħaq fuq is-sinifikat tar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltajiet, l-ewwel okkażjoni li fiha l-UE rratifikat Konvenzjoni tan-NU bħala entità ġuridika; u jistieden lill-UE tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-vjolenza fuq in-nisa;

58. Itenni kemm huwa sinifikanti li l-UE tiddefendi l-indipendenza tal-OHCHR, fid-dawl tal-ħtieġa li l-uffiċċju jeżerċita l-kompiti tiegħu b’mod imparzjali; u jfakkar fl-importanza li jkun hemm biżżejjed finanzjament biex l-uffiċċji reġjonali tal-OHCHR jibqgħu miftuħa;

59. Jinnota li l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija prijorità ewlenija tal-politika tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li t-tpattija u l-intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU jheddu li jdgħajfu din is-sistema; japprezza, għalhekk, l-appoġġ prattiku u finanzjarju allokat għall-protezzjoni urġenti u l-appoġġ tad-DDB taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

60. Jilqa’ l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) ibbażat fi Brussell; jirrikonoxxi l-isforzi tal-COHOM biex itejjeb it-tħejjija u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC, inkluża l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-COHOM f’Ġinevra; itenni l-aspettattiva tiegħu li l-COHOM se jkun strumentali fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-konsistenza bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

61. Jistenna li l-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jiġu kkoordinati kif xieraq mal-azzjoni tal-UE fil-fora tan-NU; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-istrateġiji nazzjonali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jiġu ppubblikati biex jagħtu viżibbiltà lill-impenn tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi u jippermettu lil dawk li qed jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom li jsibu appoġġ f’dawn id-dokumenti;

62. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi enfasizzata fil-UNHRC l-kwistjoni tal-ispazju dejjem jonqos tal-NGOs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti biex iqajmu din il-kwistjoni;

63. Jerġa’ jitlob lill-VP/RGħ, fid-dawl ta’ rapporti ġodda li kumpaniji tal-UE qed ikunu kompliċi f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, biex tiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni; itenni, f’dan ir-rigward, l-importanza li tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni, u l-importanza tar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' standards doppji;

64. Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għat-22 sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib u l-fehmiet espressi f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tagħha; iqis li huwa indispensabbli li tissokta l-prattika li tintbagħat delegazzjoni tal-PE għal sessjonijiet relevanti tal-UNHRC u tal-AĠNU;

o

o o

65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-67 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.