Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0058/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0058/2013

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

    4.2.2013 - (2013/2533(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0055/2013

    Proċedura : 2013/2533(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0058/2013
    Testi mressqa :
    B7-0058/2013
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B7‑0058/2013

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

    (2013/2533(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

    –   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

    –   wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll rawnds preċedenti tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU),

    –   wara li kkunsira l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

    –   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Ġunju 2012,

    –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem[1],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inklużi l-prijoritajiet tal-Parlament f'dan il-kuntest; wara li kkunsidra, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem[2],

    –   wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni mis-Sottokumitat tal-Parlament Ewopew għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tiegħu fid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u dak tad-delegazzjoni konġunta mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża, li attendew għas-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[3],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[4],

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha huma pedament tal-Unjoni Ewropea u parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea[5];

    B.  billi l-implimentazzjoni b'suċċess tar-rieżami riċenti tal-UE tal-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE fil-UNHRC billi żżid il-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha;

    C. billi l-UE għandha tagħmel ħilitha biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

    D. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, bl-għan li jikseb politika tal-UE aktar effettiva u konsistenti f’dan il-qasam;

    E.  billi nħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, li r-rwol tiegħu hu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jgħin sabiex il-Qafas Strateġiku u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jiġi implimentat fil-prattika;

    F.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem se tmur Ġinevra matul it-22 sessjoni tal-UNHRC, kif kien il-każ fis-snin imgħoddija għas-sessjonijiet tal-UNHRC;

    G. billi l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-bosta għodod tad-drittijiet tal-bniedem tagħha, inklużi s-Servizz għall-Azzjoni Esterna u r-Rappreżentant Għoli u r-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tgħin lill-Unjoni Ewropea taġixxi b'mod aktar effikaċi biex tilqa' l-isfidi globali tad-drittijiet tal-bniedem b'mod konsistenti u effiċjenti;

    H. billi jinnota l-proċess kontinwu biex jiġu kkonfermati l-prijoritajiet tal-UE għat-22 Sessjoni tal-UNHRC; filwaqt li jilqa' l-enfasi mqiegħda mill-UE fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja, f'Burma/il-Mjanmar, fil-Korea ta' Fuq u f'Mali, kif ukoll l-appoġġ tal-UE għall-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; japprova wkoll l-enfasi fuq kwistjonijiet tematiċi bħal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, id-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza fuq in-nisa, u d-drittijiet tal-LGBTI;

    Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

    1.  Jinnota li ġew eletti 18-il membru ġdid fil-UNHRC f'Settembru 2012, li ssieħbu fl-1 ta' Jannar 2013, jiġifieri l-Arġentina, il-Brażil, il-Côte d'Ivoire, l-Estonja, l-Etjopja, il-Gabon, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Kazakistan, il-Kenja, il-Montenegro, il-Pakistan, ir-Repubblika tal-Korea, Sjerra Leone, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, u r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; u jinnota li issa hemm disa' Stati Membri tal-UE li huma membri tal-UNHRC;

    2.  Jinnota l-elezzjoni ta' President ġdid tal-UNHRC, Remigiusz A. Henzcel, mill-Polonja, u ta' erba' Viċi Presidenti għall-2013, Cheikh Ahmed Ould Zahaf (il-Mawritanja), Iruthisham Adam (il-Maldive), Luis Gallegos Chiriboga (l-Ekwador), u Alexandre Fasel (l-Isvizzera);

    3.  Jilqa' l-ħatra mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-Sa Navanethem Pillay għat-tieni mandat bħala Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli, u għall-indipendenza u l-integrità tiegħu;

    4.  Itenni għal darb'oħra l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex jiġu ssodisfati l-indiviżibbiltà u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġaw ix-xogħol tal-UNHRC f'dan ir-rigward;

    5.  Iwissi kontra l-politiċizzazzjoni tal-UNHRC, peress li dan jipprevjeni l-mandat u l-għanijiet globali tal-korp milli jintlaħqu;

    Il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija

    6.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-vjolenza li kulma jmur qed tiżdied u mingħajr distinzjoni użata mir-reġim Assad kontra l-popolazzjoni Sirjana, inklużi l-użu ta' artillerija tqila u l-bumbardament ta' żoni popolati; jikkundanna b'mod inekwivoku l-ksur sistematiku u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim, mill-forzi tas-sigurtà tiegħu u mill-armata, li jista' jammonta għal delitti kontra l-umanità; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kontinwament għall-popolazzjoni ċivili; jikkundanna wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-gruppi u mill-forzi tal-oppożizzjoni; jistieden lill-parteċipanti armati kollha biex itemmu immedjatament il-vjolenza fis-Sirja, u jtenni s-sejħa tiegħu lir-reġim ta' Assad biex iċedi l-poter immedjatament;

    7.  Jesprimi tħassib dwar ir-riperkussjonijiet fil-pajjiżi ġirien u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà l-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna lill-pajjiżi fir-reġjun fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu għajnuna umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja;

    8.  Jilqa' l-attenzjoni kontinwa li l-UNHRC qed jagħti lis-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem terribbli fis-Sirja, kif jixhdu r-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż li ġew adottati fid-19, fl-20 u fil-21 sessjoni tal-UNHRC u fis-Sessjoni Speċjali tal-UNHRC dwar is-Sirja li saret fl-1 ta' Ġunju 2012; itenni l-importanza tal-iżgurar tar-responsabbiltà għall-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li seħħ matul il-kunflitt;

    9.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti dwar is-Sirja u għall-estensjoni mill-UNHRC tal-mandat tiegħu;

    10. Jilqa’ r-rapport bil-miktub finali mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti (COI) dwar il-Libja, li ġie ppreżentat fid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u li jenfasizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni fil-Libja;

    Kwistjonijiet oħra

    11. Jilqa' l-estensjoni tal-mandati tar-Rapporteurs Speċjali dwar is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u fil-Mjanmar;

    12. Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet tal-massa li seħħew fl-Iran; jistieden lill-gvern tal-Iran jiggarantixxi d-drittijiet ċivili, politiċi u umani għaċ-ċittadini kollha tiegħu u jistieden lill-Iran jaċċetta żjarat mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU;

    13. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-UNHRC li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jinnota l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li tistabbilixxi dan il-mandat, li turi li s-sitwazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż qed tiġi rikonoxxuta minn stati madwar id-dinja kollha;

    14. Jilqa’ r-riżoluzzjoni li tistabbilixxi Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jieħu nota tal-fatt li din hija l-ewwel darba li l-UNHRC indirizzat din il-kwistjoni, u jfaħħar lit-tmexxija Afrikana rigward din il-kwistjoni; jilqa' l-estensjonijiet tal-mandati tal-esperti indipendenti dwar il-Côte d’Ivoire, Ħaiti u s-Somalja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jikkooperaw bis-sħiħ mad-detenturi tal-mandat;

    15. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR), fejn il-gruppi armati attakkaw u okkupaw diversi bliet fil-Grigal tal-pajjiż; jilqa' l-ftehimiet iffirmati f'Libreville fil-11 ta’ Jannar 2013, inkluż il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u l-ftehim politiku dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-pajjiż; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni rapida ta' dawn il-ftehimiet; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-UE tal-11 ta’ Jannar, li titlob li l-firmatarji kollha jżommu ma’ dawn il-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu din il-kwistjoni fil-UNHRC sabiex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-aġenda internazzjonali;

    16. Jilqa' l-fatt li s-sitwazzjoni f'Mali qed tinżamm taħt skrutinju strett mill-UNHRC, u jfaħħar it-tmexxija murija mill-istati Afrikani li ġabet il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-UNHRC;

    17. Kien kuntent li nnota l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), iżda jibqa’ mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, speċjalment fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-forzi ribelli fil-Lvant tal-pajjiż, partikolarment mill-M23; jilqa' l-isforzi li saru mill-Istati Membri tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR), l-Unjoni Afrikana u n-NU biex tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-kriżi; jerġa' jitlob l-istabbiliment mill-ġdid ta' Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK sabiex jipprovdi mekkaniżmu affidabbli li jiffoka fuq it-tijib tas-sitwazzjoni rigward il-preokkupazzjonijiet serji u li ilhom jeżistu rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

    18. Jilqa' l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) għal sena oħra; jilqa' l-fatt li r-riżoluzzjoni dwar ir-RDPK ġiet adottata b'kunsens, li juri l-livell qawwi ta' appoġġ għall-mandat; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK biex jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur u jiffaċilita ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż;

    19. Jilqa' r-riżoluzzjoni dwar il-Burma/Mjanmar fil-UNHRC; jinnota l-passi meħuda mill-Gvern ta' Burma mill-bidu tal-2011 biex jerġa' jdaħħal il-libertajiet ċivili fil-pajjiż; madankollu, jesprimi preokkupazzjoni kbira ferm dwar iż-żieda f'daqqa fil-vjolenza komunali fl-istat ta' Rakhine u li b'konsegwenza tagħha mietu u ndarbu n-nies, inqerdet il-proprjetà u ġew spostati popolazzjonijiet lokali; jemmen li l-kawża tas-sitwazzjoni hija l-politiki diskriminatorji li ilhom jeżistu kontra l-popolazzjoni ta' Rohingya; jisħaq li huma meħtieġa sforzi akbar biex tiġi riżolta l-kawża li minnha toriġina l-problema;

    20. Jilqa' l-ħidma tal-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa (UN Women) u tal-UNICEF; jenfasizza li n-nisa u t-tfal għadhom jaffaċċjaw diskriminazzjoni, vjolenza u sfruttament madwar id-dinja, b'mod partikolari f'żoni ta' kunflitt, u li għandu jsir aktar biex jiġu provduti sigurtà u appoġġ u biex tingħata għajnuna biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u legali li jaffettwawhom;

    21. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissarju Għoli biex iġib fi tmiemhom il-liġijiet u l-prassi diskriminatorji u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkoraġġixxi segwitu ulterjuri anke permezz ta' laqgħat reġjonali u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri, tal-Kunsill u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; f'dan ir-rigward, assolutament jikkundanna l-użu tal-piena tal-mewt, tal-priġunerija jew tal-kundanni kriminali abbażi tal-orjentament sesswali f'xi pajjiżi, u jitlob li dan jieqaf immedjatament;

    22. Jilqa' t-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali u tal-Kummissarju Għoli rigward id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom, kemm fil-UNHRC kif ukoll barra minnu;

    Il-libertà tar-reliġjon u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

    23. Jenfasizza li l-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tal-espressjoni għandhom ikunu ċentrali għal kwalunkwe demokrazija u soċjetà, u jqis dan bħala prijorità kontinwa għall-ħidma tal-UNHRC;

    24. Jilqa' bi pjaċir kbir l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin; jisħaq fuq l-enfasi li l-UE tagħmel fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri tagħha jkompli jaħdmu fuq il-kwistjoni, u jistenna bil-ħerqa l-linji gwida ġodda, li huma mistennija kmieni din is-sena; ifaħħar il-ħidma mwettqa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin; jenfasizza l-importanza tat-tiġdid ta' dan il-mandat matul it-22 sessjoni tal-UNHRC;

    25. Jenfasizza b'mod qawwi l-ħtieġa kontinwa li tiġi indirizzata b'mod sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi madwar id-dinja; itenni li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li tibdel jew tabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tiegħek, hija dritt fundamentali tal-bniedem; jiddispjaċih dwar il-fatt li ħafna individwi u komunitajiet madwar id-dinja ġew imċaħħda minn dan id-dritt, u l-komunità Tibetjana hija eżempju ta' dan;

    26. Jinnota li l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija prijorità ewlenija tal-politika tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li t-tpattija u l-intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU jheddu li jdgħajfu din is-sistema; japprezza, għalhekk, l-appoġġ prattiku u finanzjarju ddedikat għall-protezzjoni urġenti u l-appoġġ tad-DDB taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

    27. Jenfasizza li l-ispazju għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qiegħed jonqos u li l-espansjoni ta' dan l-ispazju għandha tkun prijorità ewlenija għall-ħidma tal-UNHRC u tal-Unjoni Ewropea;

    L-Eżami Perjodiku Universali

    28. Jenfasizza s-sinifikat tal-aspett universali tal-EPU u jafferma mill-ġdid l-importanza tal-EPU biex ikun possibbli l-fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-post fl-Istati Membri kollha tan-NU;

    29. Jilqa l-bidu tat-tieni ċiklu tal-Eżami Perjodiku Universali u l-adozzjoni tal-ewwel riżultati tiegħu; itenni l-importanza li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

    30. Jemmen li l-implimentazzjoni hija aspett ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal tal-proċess tal-EPU; għalhekk itenni l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jipprovdu assistenza teknika sabiex jgħinu lill-istati soġġetti għall-eżami jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; iħeġġeġ lill-istati jippreżentaw aġġornamenti ta’ nofs it-term sabiex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni mtejba;

    31. Jirrakkomanda l-inklużjoni sistematika tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u fl-istrateġiji tal-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, biex jiġi żgurat is-segwitu għar-riżultati tal-EPU; jirrakkomanda, bl-istess mod, li l-Parlament jirreferi għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul iż-żjarat tad-delegazzjonijiet tiegħu f’pajjiżi terzi;

    Il-Proċeduri Speċjali

    32. Jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-Proċeduri Speċjali fil-kredibbiltà u l-effettività tax-xogħol tal-UNHRC u l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fil-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u jenfasizza l-importanza fundamentali tal-indipendenza ta' dawn il-mandati;

    33. Iħeġġeġ lill-istati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali, anke billi jilqgħu lid-detenturi tal-mandati għal żjarat fil-pajjiż mingħajr dewmien, iwieġbu għall-azzjonijiet urġenti tagħhom u l-allegazzjonijiet ta' ksur u jiżguraw segwitu xieraq għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-detenturi tal-mandati; iħeġġeġ lill-membri tal-UNHRC jmexxu billi jagħtu l-eżempju fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

    34. Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-UE biex tiġi estiża b'mod konġunt stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'hekk tmexxi billi tagħti l-eżempju fir-rigward ta' din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra tan-NU biex jagħmlu l-istess ħaġa;

    35. Jikkundanna l-forom kollha ta' tpattija kontra persuni li jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali; jenfasizza li azzjoni bħal din iddgħajjef is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-istati kollha jipprovdu protezzjoni adegwata kontra atti ta' intimidazzjoni bħal dawn;

    L-involviment tal-UE

    36. Ma jistax jenfasizza b'mod qawwi biżżejjed l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-mekkaniżmi tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-UNHRC; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jikkosponsorjaw riżoluzzjonijiet, jipparteċipaw attivament f'dibattiti u fi djalogi interattivi u joħorġu stqarrijiet;

    37. Jenfasizza kemm hu importanti li l-ħidma li qed issir f'Ġinevra fil-kuntest tal-UNHRC tiġi integrata fil-ħidma tal-UE, inkluża dik tal-Parlament;

    38. Jinnota l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sur Stavros Lambrinidis; jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Speċjali jaħdem favur l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC, u jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali; huwa ħerqan li jikkoopera mar-Rappreżentant Speċjali fuq dawn il-kwistjonijiet;

    39. Itenni l-effettività potenzjali tal-azzjoni tal-UE meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jużaw il-piż kollettiv tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan ir-rigward sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

    40. Itenni l-importanza li l-UE tiddefendi l-indipendenza tal-OHCHR, fid-dawl tal-ħtieġa li l-uffiċċju jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod imparzjali;

    41. Jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar din iż-żjara;

    ******

    42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-67 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.