Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0092/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0092/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sostenibilità fil-katina tal-valur globali tal-qoton

6.3.2013 - (2012/2841(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Vital Moreira, Cristiana Muscardini, George Sabin Cutaş f’isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali


Proċedura : 2012/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0092/2013
Testi mressqa :
B7-0092/2013
Testi adottati :

B7‑0092/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sostenibilità fil-katina tal-valur globali tal-qoton

(2012/2841(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll 4 dwar il-Qoton għall-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-Aġġustamenti għat-Trattati,

–   wara li kkunsidra konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), inklużi l-Konvenzjonijiet Nru 138 tas-26 ta’ Ġunju 1973 rigward l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg, Nru 182 tas-17 ta' Ġunju 1999 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, Nru 184 tal-21 ta’ Ġunju 2001 rigward is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, Nru 87 tad-9 ta’ Lulju 1948 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, Nru 98 tat-8 ta’ Ġunju 1949 rigward id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, Nru 141 tat-23 ta’ Ġunju 1975 rigward l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema rurali u Nru 155 tat-22 ta’ Ġunju 1981 rigward is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-Programm Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal (IPEC) and l-Programm “Understanding Children’s Work” (UCW),

–   wara li kkunsidra s-sħubija tal-UE f’korpi internazzjonali tal-prodotti bażiċi (ICBs),

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-71 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) li saret mis-7 sal-11 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-95 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP li saret f’Port Vila (Vanuatu) mill-10 sal-15 ta’ Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[1] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[2],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kummerċ fi prodotti bażiċi, l-aċċess għal materja prima, il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi, is-swieq tad-derivattivi, l-iżvilupp sostenibbli, ir-riżorsi tal-ilma, it-tħaddim tat-tfal u l-isfruttament tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011[4], fejn iddeċieda li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal Protokoll dwar it-Tessuti għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Uzbekistan, minħabba tħassib relatat mal-użu tat-tħaddim furzat tat-tfal fl-għelieqi tal-qoton,

–   wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU, l-istrateġija Ewropea għall-materja prima, l-istrateġija tal-UE għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, l-istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ..... Marzu 2013 dwar is-sostenibilità tal-katina tal-valur globali tal-qoton,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-qoton huwa fost dawk l-uċuħ tar-raba’ l-aktar sinifikanti f'termini ta’ użu tal-art, u huwa importanti fil-ġenerazzjoni tal-impjiegi u għall-komunitajiet rurali, il-kummerċjanti, l-industrija tessili u l-konsumaturi madwar id-dinja kollha u jikkostitwixxi prodott agrikolu bażiku vitali barra l-ikel;

B.  billi l-qoton huwa l-fibra naturali l-iktar użata u jitkabbar f’iktar minn 100 pajjiż, b’madwar 150 pajjiż involut fil-kummerċ tiegħu;

C. billi huwa stmat li hemm 100 miljun unità domestika rurali involuti fil-produzzjoni tal-qoton, u billi s-settur tal-qoton huwa sors ewlieni ta’ impjiegi u dħul għal iktar minn 250 miljun ruħ fl-istadji ta’ produzzjoni, ipproċessar, ħżin u trasport ta’ din il-katina tal-valur agrikola;

D. billi l-produzzjoni tal-qoton hija ddominata miċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, fejn l-Istati Uniti, l-Indja, l-Awstralja u l-Brażil huma l-akbar esportaturi, u ċ-Ċina, il-Bangladexx u t-Turkija huma l-ikbar importaturi; billi l-Uzbekistan huwa l-ħames l-akbar esportatur fid-dinja u s-sitt l-akbar produttur;

E.  billi parti kbira sew mill-importazzjonijiet tal-qoton tal-Bangladexx tintuża għall-manifattura tat-tessuti u l-ilbies orjentati lejn l-esportazzjoni, u din tammonta għal 80 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura; billi l-parti l-kbira tat-tessuti u l-ilbies li jipproduċi jiġu esportati lejn pajjiżi żviluppati, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika;

F.  billi fl-UE l-qoton huwa kkultivat f’madwar 370 000 ettaru minn madwar 100 000 produttur primarjament fil-Greċja u Spanja, bi produzzjoni ta’ 340 000 tunnellata ta’ qoton imfesdaq, li jammonta għal 1 % tal-produzzjoni globali ta’ qoton imfesdaq;

G. billi l-UE saret esportatur nett tal-qoton fl-2009 u għandha kwota tas-suq tal-esportazzjoni ta’ 2.8%, fejn it-Turkija, l-Eġittu u ċ-Ċina huma d-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tagħha;

H. billi l-valur tal-esportazzjonijiet tal-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE fl-2011 kien jammonta għal EUR 39 biljun u l-industrija kienet timpjega 'l fuq minn 1.8 miljun ħaddiem f’146 000 kumpanija madwar l-UE[5];

I.   billi l-impatt ambjentali tal-qoton huwa aċċentwat bl-użu eċċessiv ta’ pestiċidi (li minnhom 7 % jintużaw fil-livell globali) insettiċidi (li minnhom 15 % jintużaw fil-livell globali) u ilma, u dan iwassal għad-degradazzjoni u l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u għat-telf tal-bijodiversità;

J.   billi l-parti l-kbira tal-ħsad globali tal-qoton tiġi minn raba’ saqwi, u dan ikompli jitfa’ pressjoni konsiderevoli fuq ir-riżorsi tal-ilma ħelu; billi l-qoton huwa responsabbli għal iktar rilaxx ta’ insettiċidi fil-livell globali minn kwalunkwe prodott tar-raba’ ieħor;

K. billi l-UE hija l-ikbar fornitur ta’ assistenza għall-żivilupp relatata mal-qoton permezz tas-Sħubija UE-Afrika dwar il-Qoton u programmi oħra[6], u fl-2009 kienet l-importatur ewlieni tad-dinja ta’ ħwejjeġ u tessuti tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs);

L.  billi r-riforma tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) [7] tal-Unjoni se ssaħħaħ l-inċentivi għar-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol u tal-istandards ambjentali u ta’ governanza tajba permezz tal-iskema SPĠ+;

M. billi huwa diffiċli li tiġi stmata l-manjitudini reali tat-tħaddim tat-tfal fil-katina ta’ valur tal-qoton minħabba informazzjoni mhux kompluta u frammentata;

N. billi l-ILO tikkalkula li iktar minn 215-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja huma tfal li jaħdmu u li 60 % minnhom jaħdmu fis-settur agrikolu[8];

O. billi, għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, it-tħaddim tat-tfal kif definit mill-ILO bil-Konvenzjonijiet Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, rispettivament;

P.  billi jseħħu forom differenti ta’ tħaddim ta’ tfal u xogħol furzat f’maġġoranza kbira tal-pajjiżi produtturi ewlenin tal-qoton madwar id-dinja waqt il-kultivazzjoni, il-ħsad tal-lent u ż-żerriegħa u t-tfesdiq tal-qoton[9];

Q. billi t-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat fis-setturi tat-tessuti u tal-qoton ma jistax jiġi indirizzat b’mod iżolat mill-kawżi ewlenin tiegħu: il-faqar rurali u n-nuqqas ta’ alternattivi għall-ġenerazzjoni tad-dħul, il-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tat-tfal, in-nuqqas ta’ edukazzjoni obbligatorja fis-seħħ għat-tfal kollha, l-istrutturi riġidi tal-komunità u l-attitudnijiet prevalenti;

R.  billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-istandards tas-saħħa u sikurezza, kif ukoll il-livelli tas-salarji, jibqgħu kwistjoni ta’ tħassib kbir fil-produzzjoni tal-qoton u l-manifattura tat-tessuti u l-ilbies, b’mod partikolari fl-LDCs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi mill-2006, 470 ruħ fil-Bangladexx waħdu nqatlu f’nirien li nfirxu f’kumpaniji tessili;

S.  billi l-ICAC jgħaqqad 41 pajjiż li jipproduċu, jikkunsmaw u jinnegozjaw il-qoton u għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza fis-suq tal-qoton billi jżid is-sensibilizzazzjoni, irawwem kooperazzjoni internazzjonali, jiġbor data statistika u jipprovdi informazzjoni teknika u previżjonijiet dwar is-swieq tat-tessuti u tal-qoton;

T.  billi l-ICAC għadu wieħed mill-ftit ICBs li l-Unjoni għadha mhux membru tagħhom, u billi attwalment hemm seba’ Stati Membri tal-UE li huma membri tal-ICAC;

U. billi l-qoton huwa kruċjali għall-objettivi agrikoli, kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni;

V. billi l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mal-qoton, tagħmel l-azzjoni tal-Unjoni aktar konsistenti u żżid l-influwenza tagħha fl-iffissar tal-“aġenda tal-qoton”;

W. billi s-sħubija fl-ICAC tippermetti li l-Unjoni ssaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni u l-konsulenza analitika u tiffaċilita r-rabtiet u s-sħubiji bejn is-settur tessili, il-produtturi tal-qoton u l-awtoritajiet pubbliċi;

X. billi l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC;

1.  Jitlob li jkomplu jiġu missielta l-miżuri ta’ tagħwiġ tal-kummerċ u li titjieb it-trasparenza fis-swieq tad-derivattivi ta' komodità;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-qoton biex, mingħajr aktar dewmien, jaħdmu flimkien permezz tal-ICAC sabiex jimminimizzaw drastikament id-degradazzjoni ambjentali, inkluż l-impatt fuq l-ilma u l-użu ta’ pestiċidi u l-insettiċidi; jenfasizza li dawn il-metodi mhux sostenibbli ta’ produzzjoni jimminaw il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni futura tal-qoton; iqis l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC bħala strumentali għall-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma komuni tal-ICAC f’din id-direzzjoni;

3.  Jissottolinja l-importanza li jiġu missielta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt tax-xogħol u t-tniġġis ambjentali tul il-katina tal-valur tal-qoton, inkluż fis-setturi tat-tessuti u tal-ħwejjeġ; jissuġġerixxi li l-ICAC jiżviluppa metodu li jiffaċilita l-monitoraġġ indipendenti mill-NGOs ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-katina tal-valur tal-qoton, ladarba hija membru tal-ICAC, sabiex timpenja ruħha f’din il-kwistjoni

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għal produtturi fuq skala żgħira minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għall-katini tal-valur ewlenin li jservu l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-Unjoni, jitilgħu l-katina tal-valur tal-qoton, tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u jifhmu l-potenzjal tal-qoton organiku u tal-kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tistudja kif il-leġiżlazzjoni fl-UE dwar l-akkwist pubbliku tista’ tagħti spinta lill-introduzzjoni tal-qoton b’kummerċ ġust;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u l-pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, biex issaħħaħ l-isforzi tagħha għall-appoġġ ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali dwar il-qoton fl-LDCs li jipproduċu l-qoton;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tħaddim tat-tfal u t-tħaddim furzat fl-għelieqi tal-qoton;

7.  Huwa tal-fehma li qafas olistiku u kkoordinat li jindirizza l-għeruq tal-kawżi tat-tħaddim tat-tfal u li jiġi implimentat fuq bażi fit-tul biss jista’ jwassal għal katina tal-valur tal-qoton iktar sostenibbli; jitlob, madanakollu, li l-UE tieħu bis-serjetà kull allegazzjoni ta’ skjavitù jew xogħol furzat fil-katina ta’ provvista tal-qoton u biex tirreaġixxi b’sanzjonijiet xierqa;

8.  Jenfasizza li s-sostenibilità tas-settur tal-qoton tiddependi fuq il-produtturi tiegħu, il-kummerċjanti, il-fornituri tal-elementi li jidħlu fil-produzzjoni, il-bejjiegħa bl-imnut, id-ditti, il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-konsumaturi; jinnota li l-iskemi ta’ kummerċ ġust jipprovdu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-konsumaturi u l-produtturi, inter alia fis-settur tal-qoton, li l-għarfien espert tagħhom u l-aħjar prattiki tagħhom għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni;

9.  Jistieden lill-pajjiżi produtturi tal-qoton kollha joħolqu ambjent li jippermetti monitoraġġ u rappurtar adegwat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-qoton min-naħa tal-gvern, l-industrija, NGOs indipendenti u l-entitajiet marbuta mat-trade unions, u biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet u t-trade unions tal-bdiewa fl-isforzi tagħhom biex jgħollu l-livelli tal-introjtu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton; jissottolinja l-ħtieġa għal dawk li jaħdmu fil-qalba tal-industrija tal-qoton biex jaqilgħu għajxien deċenti mill-ħidma tagħhom u jaqsmu l-benefiċċji akkumulati mill-pajjiżi li jipproduċu l-qoton;

10. Jilqa’ l-“Better Cotton Initiative (BTI)”, il-“Cotton Made in Africa”, il-“Global Organic Textile Standard (GOTS)” u inizjattivi oħra magħmula minn diversi partijiet interessati li għandhom l-għan li jżidu s-sostenibilità tal-katina tal-valur tal-qoton u tat-tessuti;

11. Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li għad iridu jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjonijiet Nru 138 u 182 tal-ILO jew il-Konvenzjonijiet 87, 98, 141 u 155 sabiex jirratifikawhom u jimplimentawhom bil-ħeffa; huwa tal-fehma li l-gvernijiet għandhom jadottaw il-politiki xierqa kollha sabiex irawmu sensibilizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti dwar it-tħaddim tat-tfal u konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, matul il-katina tal-produzzjoni tal-qoton kollha kemm hi;

12. Ifakkar li l-preferenzi mogħtija permezz tal-SPĠ tal-Unjoni, l-istrument ewlieni tal-politika kummerċjali tagħha għall-promozzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bnieden u tax-xogħol u tal-iżvilupp sostenibbli, jistgħu jiġu rtirati temporanjament f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol minquxa fil-konvenzjonijiet bażiċi tan-NU u tal-ILO; jenfasizza r-responsabilità ta’ kumpaniji Ewropej biex ikunu konformi ma’ dawn l-istandards fil-katini ta’ provvista tagħhom;

13. Jenfasizza l-importanza tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (GSP+);

14. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja u, jekk xieraq, tressaq quddiem il-Parlament Ewropew proposta leġiżlattiva dwar mekkaniżmu ta' traċċabilità effettiv għall-prodotti manifatturati permezz tat-tħaddim tat-tfal jew tħaddim furzat;

15. Jistieden lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar il-modalitajiet tas-sħubija fl-ICAC, biex l-Unjoni jkollha aċċess għall-ICAC b’kompetenza esklussiva;

16. Jistieden lill-parteċipanti tal-katina tal-valur tal-qoton jevitaw miżuri unilaterali bħalma huma l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, biex jirsistu għal trasparenza u koordinazzjoni ikbar sabiex jitnaqqsu l-volatilità tal-prezz u l-possibilità ta’ spekulazzjoni, u jaħdmu biex jiżguraw it-traċċabilità tal-kummerċ tal-fibra tal-qoton fis-suq miftuħ;

17. Iqis li huwa importanti li l-produzzjoni tal-qoton fl-Unjoni tiġi ssalvagwardjata, filwaqt li jissaħħu l-miżuri tranżitorji ta' ristrutturar għar-reġjuni l-aktar affettwati;

18. Jistieden lill-ICAC jevalwa regolarment, permezz tal-Panel ta’ Esperti tiegħu dwar il-Prestazzjoni Soċjali, Ambjentali u Ekonomika tal-Qoton (SEEP), l-impatti soċjali u ambjentali tal-produzzjoni tal-qoton u jippubblika r-riżultati;

19. Jistieden lill-ICAC jikkunsidra l-possibilità li tinħoloq skema globali effettiva tat-tikkettar li tiggarantixxi li l-prodotti jkunu ġew prodotti mingħajr l-użu tat-tħaddim tat-tfal jew xogħol furzat fi kwalunwe stadju tal-katina ta’ provvista u tal-proċess ta’ produzzjoni;

20. Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-ikbar suq tal-qoton bl-ikbar riżervi ta’ qoton, tikkunsidra li tingħaqad mal-ICAC u tieħu rwol kostruttiv fis-settur tal-qoton; jistieden ukoll lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tikkumbatti l-użu ta’ tħaddim tat-tfal u xogħol furzat fis-settur tal-qoton u tat-tessuti;

21. Jistieden lill-Kummissjoni:

i.   tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-ħidma u l-attivitajiet tagħha fl-ICBs, inkluż l-ICAC;

ii.   tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tas-sħubija fl-ICAC sabiex tirsisti għal sostenibilità u trasparenza ikbar fil-industirja tal-qoton u l-ħwejjeġ u għas-sostenibilità;

iii.  tirreaġixxi bil-ħeffa għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli għall-esportazzjoni tal-qoton u għal azzjonijiet oħra li jwasslu għal volatilità eċċessiva tal-prezzijiet;

iv.  tkompli tiżgura li tinstema’ l-vuċi ta’ dawk li jkabbru, ifesdqu u jinnegozjaw il-qoton u ta’ dawk li jagħmlu riċerki dwaru;

v.  ittejjeb il-koordinazzjoni, il-ġbir ta’ data statistika, il-previżjonijiet, il-qsim tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-katini tal-valur u l-provvista globali tal-qoton;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-ICAC, lill-ILO, lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), lill-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD), lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), lill-Bank Dinji, lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.