Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0100/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0100/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

6.3.2013 - (2013/2542 (RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Kristian Vigenin, Corina Creţu, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0095/2013

Proċedura : 2013/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0100/2013
Testi mressqa :
B7-0100/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7-0100/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2013/2542 (RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2012 dwar ‘L-Eġittu: żviluppi reċenti’,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-kopresidenza tat-Task Force tal-UE-Eġittu tal-14 ta’ Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara l-laqgħat tiegħu mal-President tal-Eġittu, Mohamed Morsi, tat-13 ta’ Jannar 2013 u t-13 ta’ Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-25 ta’ Diċembru 2012, dwar ir-referendum fl-Eġittu u tal-5 ta’ Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, u d-dikjarazzjoni mill-kelliem tagħha tal-25 ta’ Jannar 2013 dwar il-qtil f’Port Said,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 tas-26 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2004 u l-Pjan ta' Azzjoni, li sar qbil dwaru fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Mejju 2011 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li l-Eġittu hu firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran tan-Nofsinhar; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikattivi fir-reġjun kollu u lil hinn;

B.  billi l-Eġittu esperjenza riformi importanti matul l-aħħar sentejn ta’ rivoluzzjoni u tranżizzjoni; billi l-elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti li saru fl-2012 irrappreżentaw pass importanti fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika; billi, madankollu, is-soċjetà Eġizzjana tkompli tkun iffaċċjata minn diffikultajiet u sfidi fundamentali fit-triq lejn demokrazija profonda u sostenibbli bbażata fuq il-valuri ewlenin tal-ġustizzja soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, u governanza tajba;

C. billi r-referendum li sar f’Diċembru 2012, bil-parteċipazzjoni ta’ 32.9%, adotta kostituzzjoni ġdida għall-Eġittu; billi l-proċess kostituzzjonali u l-adozzjoni antiċipata tal-kostituzzjoni l-ġdida, minflok ma ħolqu kunsens, komplew japprofondixxu l-qasmiet interni fis-soċjetà Eġizzjana; billi ħafna fl-Eġittu u lil hinn, esprimew tħassib dwar l-artikoli varji tal-kostituzzjoni l-ġdida, inkluż l-istatus ta’ Sharia fil-leġiżlazzjoni domestika, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rwol tal-qrati militari, il-libertajiet fundamentali, u d-drittijiet tan-nisa;

D. billi l-elezzjonijiet parlamentari għall-Kamra tad-Deputati huma skedati li jseħħu f'erba’ fażijiet, mit-22 ta’ April sa Ġunju 2013; billi fid-19 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill Shura adotta liġi elettorali ġdida li pprovokat kritika u kontroversja; billi fit-18 ta' Frar 2013 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema ddikjarat bosta artikoli ta' din il-liġi antikostituzzjonali, deċiżjoni li ġiet segwita minn kontroversji ulterjuri; billi l-forzi tal-oppożizzjoni mmexxija mill-Front għas-Salvazzjoni Nazzjonali, li jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ garanziji legali għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, ħabbru bojkott tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;

E.  billi t-tensjonijiet politiċi li dejjem qed jiżdiedu komplew japprofondixxu l-polarizzazzjoni interna fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana u qed iwasslu għall-protesti kontinwi fit-toroq u konfrontazzjonijiet vjolenti; billi każijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza u l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi mill-forzi tas-sigurtà u gruppi mhux identifikati spiss jibqgħu mingħajr kastig;

F.  billi il-proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-konsensus u s-sjieda konġunta u d-djalogu nazzjonali ġenwin bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi huma l-uniku mod biex jingħelbu d-diviżjonijiet politiċi u soċjali attwali u t-tensjonijiet bil-għan li tinħoloq demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; billi l-forzi tal-oppożizzjoni sejħu għall-formazzjoni ta’ gvern ta’ unità nazzjonali, liema sejħa ġiet miċħuda mill-President Morsi; billi fis-26 ta’ Frar 2013 il-President Morsi nieda djalogu nazzjonali li fuqu għamlu bojkott il-forzi tal-oppożizzjoni ewlenin;

G. billi l-ġustizzja soċjali u l-istandard ogħla ta’ għajxien għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana li tkun, miftuħa, stabbli, demokratika, ħielsa u prospera; billi l-Eġittu jkompli jaffaċċja diffikultajiet ekonomiċi inkwetanti, aggravati minħabba t-telf ta’ dħul mit-turiżmu u l-investiment dirett barrani; billi l-konsolidazzjoni fiskali, ir-restawr tal-fiduċja ekonomika u tal-investitur, li teħtieġ stabilità politika, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma indispensabbli biex tinħoloq ekonomija Eġizzjan b'saħħitha; billi l-ekonomija Eġizzjana teħtieġ appoġġ ulterjuri mill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, biex jingħelbu dawn l-isfidi;

H. billi l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-imħallfin għadhom jaffaċċjaw pressjoni, attakki, intimidazzjoni u interferenza minn atturi u forzi politiċi differenti fl-Eġittu; billi f'Novembru 2012 il-Qorti Kostituzzjonali waqfet minn ħidmietha minħabba kif ġie mdawwar il-bini tagħha mill-partitarji tal-President u l-alleati tagħhom; billi t-tkeċċija tal-prosekutur ġenerali f'Ottubru 2012 u l-ħatra tas-suċċessur tiegħu ħolqu kritika qawwija u protesti minn imħallfin, uffiċjali ġudizzjarji u oħrajn; billi din l-interferenza fil-ġudikatura tkisser il-fiduċja tal-popolazzjoni Eġizzjana fl-ekwità u l-imparzjalità tas-sistema legali;

I.   billi n-nisa Eġizzjani huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta’ tranżizzjoni; billi, skont rapporti mill-organizzazzjonijiet Eġizzjani u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, dimostranti nisa huma spiss soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali, testijiet tal-verġinità u forom oħra ta’ trattamenti degradanti mill-forzi tas-sigurtà, filwaqt li n-nisa attivisti tad-drittijiet jaffaċċjaw theddid u fastidju; billi n-nisa kienu xhieda ta’ ostakli kbar fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika; billi n-nisa fis-settur informali, fl-oqsma tal-agrikoltura u tax-xogħol domestiku b'mod partikolari, ta' spiss jaħdmu f'kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi u degradanti, mingħajr assigurazzjoni tas-saħħa jew protezzjoni kontra korrimenti;

J.   billi s-soċjetà ċivili Eġizzjana u l-NGOs internazzjonali jaffaċċjaw pressjoni li dejjem qed tikber fl-Eġittu; billi l-abbozzi tal-liġijiet dwar l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet ċivili u fuq dimostrazzjonijiet pubbliċi huma theddida konsiderevoli għall-funzjonament u l-operat tagħhom u għad-dritt ta’ assemblea pubblika paċifika; billi t-trejdjunjins indipendenti jirrappurtaw pressjoni dejjem akbar fuq l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-membri; billi l-vjolenza fiżika u l-fastidju lejn il-ġurnalisti żdiedu b'mod sinifikanti;

K. billi fis-26 Jannar 2013, qorti f’Kajr ikkundannat 21 persuna għall-mewt għal rewwixti tal-futbol f’Port Said li kienu wasslu għal 74 mewt fil-bidu tal-2012; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 Frar 2012 il-Parlament Ewropew talab li ssir inkjesta indipendenti dwar l-avvenimenti li wasslu għat-traġedja u għal dawk responsabbli sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-UE żżomm pożizzjoni qawwija u bi prinċipji kontra l-piena tal-mewt, u l-abolizzjoni tagħha hija objettiv ewlieni għall-politika tagħha tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi l-laqgħa tat-Task Force tal-UE-Eġittu tat-13-14 ta’ Novembru 2012 saret fil-Kajr b'aktar minn 500 parteċipant - inklużi mexxejja politiċi, parlamentari, aktar minn 300 mexxej tan-negozju, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat – li ddiskutew firxa eċċezzjonalment wiesgħa ta’ kwistjonijiet, inkluża l-kooperazzjoni politika u ekonomika, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, l-irkupru tal-assi, il-kummerċ, it-turiżmu, l-infrastruttura, l-ICT u x-xjenza;

M. billi l-UE hija l-aktar sieħeb ekonomiku importanti tal-Eġittu u s-sors ewlieni tiegħu ta’ investiment barrani u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; billi fil-laqgħa tat-Task Force l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji assoċjati tagħha offrew total ta’ aktar minn EUR 5 biljun għall-Eġittu f’għotjiet, self konċessjonali u self għall-perjodu 2012-2013; billi t-Task Force ħabbret ukoll l-irduppjar ta’ parteċipazzjoni Eġizzjana fil-programmi Erasmus, Mundus u Tempus, immirati sabiex iġibu aktar studenti Eġizzjani u riċerkaturi lejn l-Ewropa; billi l-qadi ta' dawn l-impenji u t-tħaffif fl-għoti tal-appoġġ tal-UE huma ta’ importanza kruċjali għall-Eġittu;

N. billi t-Task Force enfasizzat l-impenn tagħha għall-promozzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li jagħtu s-setgħa lin-nisa fl-oqsma kollha, l-libertajiet ta’ espressjoni u assoċjazzjoni, u l-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u kkundannat il-forom kollha ta’ inċitament għall-mibegħda reliġjuża, l-intolleranza, l-ostilità jew il-vjolenza;

O.  billi l-UE offriet li tibgħat missjoni ta’ osservazzjoni elettorali, jekk mistiedna mill-Eġittu, għall-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin għall-Kamra tad-Deputati; billi l-Kumitat Suprem Eġizzjan għall-Elezzjonijiet riċentement iddeċieda li jistieden u jaċċetta atturi internazzjonali varji, inkluż l-UE, biex jissorveljaw dawn l-elezzjonijiet;

P.  billi r-ritorn tal-assi misruqa mir-reġim ta' qabel, lil hinn mis-sinifikat ekonomiku tiegħu, jista’ jikkontribwixxi għall-ksib tal-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-poplu Eġizzjan u għalhekk hija kwistjoni politika ewlenija ta' importanza simbolika kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu; billi minn Marzu 2011, 19-il persuna responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi statali Eġizzjani, inkluż l-ex President Mubarak, kellhom l-assi tagħhom iffriżati fl-UE; billi l-Kunsill adotta regolament ġdid fis-26 ta’ Novembru 2012 maħsub biex jiffaċilita r-ritorn ta’ dawn il-fondi miżapproprjati; billi t-Task Force qablet li tiffinalizza, fi żmien tliet xhur, pjan direzzjonali li jista’ jinkludi t-twaqqif ta’ grupp ta’ rkupru tal-assi kkordinat mis-SEAE;

Q. billi l-prinċipju "aktar għal aktar" u l-prinċipju ta’ sħubija mas-soċjetajiet huma s-sisien tal-Politika riveduta Ewropea tal-Viċinat;

1.  Itenni s-solidarjetà tiegħu u jappoġġa lill-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu diffiċli u ta’ sfida ta’ tranżizzjoni politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiż;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-elezzjonijiet parlamentari għall-Kamra tad-Deputati li ġejjin, li se jkunu pass importanti ieħor fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika u għandhom jintużaw mill-gvern Eġizzjan sabiex jiġi stabbilit proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-konsensus u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu ġenwin nazzjonali bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi kollha; jitolob lill-forzi politiċi kollha fl-Eġittu li jaħdmu flimkien f'din id-direzzjoni;

3.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kumitat Suprem Eġizzjan għall-Elezzjonijiet li jitlob lill-UE sabiex tissorvelja l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin għall-Kamra tad-Deputati;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-polarizzazzjoni interna li dejjem qed tiżdied fis-soċjetà Eġizzjana u l-inċidenti vjolenti kontinwi; ifakkar lill-awtoritajiet statali Eġizzjani u l-forzi tas-sigurtà dwar id-dmir tagħhom sabiex jirrestawraw u jiżguraw is-sigurtà u l-ordni fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha biex juru trażżin bil-għan li tiġi evitata aktar il-vjolenza, fl-aħjar interessi tal-pajjiż; jitlob ukoll għal investigazzjonijiet serji, imparzjali u trasparenti fil-qtil, tortura, trattament degradanti u fastidju ta’ dimostranti paċifiċi, b'attenzjoni speċjali għan-nisa, u għal dawk responsabbli sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-gvern u lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tan-nisa, il-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb, il-ħarsien tal-minoranzi u n-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali, il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tal-kelma, u l-libertà tal-istampa u tal-midja, li kollha huma komponenti essenzjali ta' demokrazija fil-fond u sostenibbli;

6.  Jenfasizza d-diffikultajiet attwali u l-isfidi ffaċċjati mill-ekonomija Eġizzjana; iħeġġeġ lill-gvern Eġizzjan sabiex ikompli fit-triq tar-riforma ekonomika; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, biex jonoraw għalkollox l-impenji li saru lejn l-Eġittu u biex iħaffu l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lill-pajjiż; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta’ tqegħid fil-prattika tal-prinċipju 'aktar għal aktar’ li huwa sies tal-Politika Ewropea riveduta tal-Viċinat, fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Gvern Eġizzjan, mingħajr ma jiġġenera effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-popolazzjoni tal-pajjiż;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-qagħda tal-ġudikatura Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan u l-forzi politiċi tal-pajjiż sabiex jirrispettaw b'mod sħiħ, jappoġġjaw u jippromwovu l-indipendenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji fl-Eġittu;

8.  Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat tal-atti kollha ta’ vjolenza, attakki sesswali, ittestjar tal-verġinità u forom oħra ta’ trattament degradanti lejn dimostranti nisa u tan-nisa attivisti tad-drittijiet, għal investigazzjonijiet serji u imparzjali dwar każijiet kollha bħal dawn, u sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-gvern biex jippromwovi u jappoġġja l-parteċipazzjoni politika tan-nisa billi jdawwar it-tendenza attwali ta’ ostakli f'dan il-qasam;

9.  Iħeġġeġ lill-gvern Eġizzjan biex jirtira l-abbozzi tal-liġijiet dwar l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet ċivili u dwar dimostrazzjonijiet pubbliċi u biex jipproponi leġiżlazzjoni – billi jieħu kont tal-abbozz ta’ liġi ippreżentat minn 60 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-2011 - li se tipproteġi, tappoġġja u tippromwovi l-attivitajiet tal-organizzazzjonijet Eġizzjani tas-soċjetà ċivili u l-NGOs internazzjonali fil-pajjiż; jitlob waqfien immedjat ta’ kull pressjoni, intimidazzjoni jew fastidju diretti kontra t-trejdjunjins u l-ġurnalisti;

10. Itenni l-pożizzjoni b'saħħitha u bi prinċipji tal-UE kontra l-piena tal-mewt, u jitlob moratorju totali fuq l-eżekuzzjoni ta’ kull sentenza tal-mewt pendenti fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-Eġittu sabiex jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

11. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu sforzi sinifikanti ulterjuri mmirati sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tal-assi miżapproprjati misruqa mir-reġim ta’ qabel lill-poplu tal-Eġittu; jitlob, f'dan il-kuntest, għall-istabbiliment mill-UE ta’ grupp ta’ investigaturi, avukati u prosekuturi mill-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra Ewropej sabiex iwasslu l-appoġġ legali u assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani f'dan il-proċess;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Kunsill Shura tal-Eġittu.