Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0121/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0121/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

6.3.2013 - (2013/2543(RSP))

imressqa wara dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manfred Weber, Véronique Mathieu Houillon, Salvatore Iacolino, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE
Timothy Kirkhope f’isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0121/2013

Proċedura : 2013/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0121/2013

B7-0121/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

(2013/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni għandha timmira biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni u tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz tal-prevenzjoni tar-razziżmu u l-ksenofobija,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta' razza, etniċità jew lingwa, reliġjon jew sħubija f’minoranza nazzjonali,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jiġi mħares kull sena fil-21 ta’ Marzu b’reazzjoni għall-qtil ta’ 69 dimostrant kontra l-apartheid fl-Afrika t’Isfel fl-1960;

B.  billi huwa essenzjali li jiġu mfakkra l-massakri bbażati fuq razziżmu u ksenofobija li seħħew fl-istorja tal-Ewropa u tinżamm ħajja l-memorja tagħhom;

C. billi l-Unjoni Ewropea ġiet mibnija fuq l-idea ta’ prevenzjoni tal-gwerra u biex nimxu ‘l quddiem flimkien;

D. billi l-Unjoni Ewropea hi bbażata fuq il-valuri komuni tar-rispett lejn id-drittijiet umani u l-istat tad-dritt u msaħħa bil-promozzjoni tat-tolleranza;

E.  billi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija għandha tiġi riveduta f’Novembru 2013;

F.  billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali saħqet f’rapport ippubblikat f’Novembru 2012 li r-reati ta’ mibegħda huma realtà fl-UE u jippreżentaw theddida għal bosta individwi, u għas-soċjetà kollha;

G. billi stħarriġ ta’ opinjoni speċjali tal-Ewrobarometru wera fl-2012 li d-diskriminazzjoni għadha sseħħ fl-Istati Membri tal-UE u li l-motivazzjoni fuq l-aktar skala wiesgħa hi ‘l-oriġini etnika’;

H. billi sar dibattitu f’laqgħa informali tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Jannar f’Dublin dwar l-azzjonijiet tal-UE kontra r-reati ta’ mibegħda, razziżmu, anti-Semitiżmu, ksenofobija u omofobija;

1.  Jisħaq li l-intolleranza u d-diskriminazzjoni ta’ kull tip m’għandhom qatt jiġu aċċettati fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jinnota bi tħassib li reati b’motivazzjoni ta’ mibegħda bħar-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-estremiżmu u l-intolleranza għadhom realtà fl-Ewropa;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jibqgħu viġilanti fi żmien ta’ kriżi ekonomika biex jipprevjenu it-tentazzjonijiet ta’ intolleranza u l-għoti ta’ ħtija lil min ma ħaqqux, li kulma jmur qed jiżdiedu;

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprevjenu r-razziżmu u l-ksenofobija permezz ta’ promozzjoni attiva ta’ tolleranza, u tissottolinja r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni f’din il-kwistjoni;

5.  Ifakkar l-importanza li kull ċittadin ikun konxju sew tad-drittijiet tiegħu f’termini ta’ protezzjoni kontra r-reati ta’ mibegħda;

6.  Ifakkar lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jitħeġġeġ r-rapportar tar-reati ta’ mibegħda u kull reat razzist u ksenofobiku u tiġi żgurata protezzjoni xierqa għall-persuni li jirrapportaw ir-reati u għall-vittmi tar-reati razzisti u ksenofobiċi;

7.  Ifakkar lill-Istati Membri biex jassiguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni effiċjenti ta’ reati relatati ma’ razziżmu u ksenofobija;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.