Proċedura : 2012/2803(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0126/2013

Testi mressqa :

B7-0126/2013

Dibattiti :

PV 13/03/2013 - 6
CRE 13/03/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2013 - 8.1
CRE 13/03/2013 - 8.1

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 73k
6.3.2013
PE507.378v01-00
 
B7-0126/2013

biex jiġi konkluż id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji (2012/2803 (RSP))


Richard Ashworth f’isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji (2012/2803 (RSP))  
B7‑0126/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 295, 310, 311, 312 u 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Protokoll 1 tat-Trattat ta’ Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-ftehim politiku milħuq mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’konformità ma' proċedura liġiżlattiva speċjali, ser jadotta regolament li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament;

B.  billi, skont l-Artikolu 310(1) tat-TFUE, l-entrati fil-kontijiet tad-dħul u tal-ħruġ kollha tal-Unjoni għandhom jidhru fil-baġit;

C. billi, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom, u billi għal dan il-għan, għandu jiġi adottat ftehim interistituzzjonali sabiex jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji;

D. billi l-Artikolu 312(5) tat-TFUE jitlob lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju;

E.  billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni trid tipprovdi lilha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha, u għandha tkun iffinanzjata għalkollox minn riżorsi proprji; billi l-Kunsill mitlub jikkonsulta l-Parlament qabel jadotta deċiżjoni ġdida dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji u, barra minn hekk, irid jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament qabel jadotta regolament dwar il-miżuri sabiex jimplimenta s-sistema tar-riżorsi proprji;

F.  billi hemm bżonn li l-UE jkollha kemm baġit kif ukoll proċedura baġitarja li jirriflettu kompletament l-essenza trasparenti u demokratika tal-proċess parlamentari ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' kontroll, abbażi tar-rispett għall-prinċipji ta' unità u universalità, li jirrikjedi li d-dħul u l-infiq kollu jiddaħħal sħiħ mingħajr aġġustamenti fil-konfront ta' xulxin;

 

SFOND

1.  Huwa konxju bis-sħiħ li n-negozjati dwar il-QFP 2014-2020 qed iseħħu f’kuntest ekonomiku diffiċli ħafna, fejn l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi konsiderevoli u kontinwi sabiex jagħmlu aġġustamenti fiskali fil-baġits nazzjonali tagħhom;

2.  Ifakkar li l-UE għandha bżonn baġit modern u investiment orjentat lejn il-futur, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE; jenfasizza, minkejja l-isforzi ta' investiment li qed jitwettqu attwalment, is-sinifikat fit-tul tal-approċċ fuq żewġ binarji ta' konsolidament fiskali, li jiffavorixxi t-tkabbir u li jgħaqqad it-tnaqqis tad-defiċits u d-dejn pubbliċi mal-promozzjoni tat-tali investimenti;

3.  Jinnota li l-kisba tal-appoġġ totali miċ-ċittadini tal-UE fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji kurrenti hija essenzjali; jisħaq li l-isfida li qed taffaċċja l-Unjoni mhix ser tkun li tonfoq iktar, iżda li tonfoq b’mod iktar effiċjenti, sabiex tindirizza ħtiġijiet reali;

 

KONSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Limiti Massimi

4.  Jaċċetta l-ftehim politiku milħuq dwar il-limiti massimi totali tal-QFP fil-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta’ Frar, li jirrifletti reazzjoni pragmatika u realistika għall-kundizzjonijiet fiskali u ekonomiċi diffiċli fl-Istati Membri kollha;

5.  Jagħraf li l-limiti massimi tal-QFP jifformaw aspett wieħed biss tal-ibbaġitjar futur u li l-infiq effiċjenti u effettiv huwa importanti daqsu – jekk mhux iktar; ifakkar, barra minn dan, li l-infiq kollu tal-UE għandu jkun immirat lejn dawk ir-reġjuni u l-Istati Membri li l-iktar għandhom bżonnu, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza u solidarjetà bejn l-Istati Membri ġodda u dawk ta’ qabel;

Unità tal-baġit

6.  Jilqa’ l-insistenza tal-Kunsill Ewropew li l-partiti tal-infiq kollha, bl-eċċezzjoni ta’ xi strumenti ta’ flessibbiltà, jibqgħu fi ħdan il-QFP u taħt il-limiti massimi ta’ approprjazzjoni miftiehma; jinnota li dan l-arranġament jiggarantixxi l-prevedibbiltà, it-trasparenza u l-unità tal-finanzjament fil-QFP;

Infiq aħjar

7.  Itenni li l-ksib tal-valur miżjud Ewropew u l-assigurazzjoni ta’ ġestjoni finanzjarja soda – l-effiċjenza, l-effettività, l-ekonomija – għandhom, issa iktar minn qatt qabel, ikunu prinċipji ta’ gwida għall-baġit tal-UE, filwaqt li dejjem jiġi rrispettat l-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 5 tat-TUE u ffissat fil-Protokoll 1 tat-Trattat ta’ Lisbona dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;

8.  Jinsisti li, skont l-Artikoli 310(5) u 317 tat-TFUE, l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda; ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu legali tagħhom sabiex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw b’konformità ma’ dan il-prinċipju, u li dawn iridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom sabiex jindirizzaw b’urġenza dejjem akbar in-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri;

Impenji pendenti (RAL)

9.  Huwa kkonċernat mil-livell li qed jogħla tar-RAL u fl-istess ħin jagħraf li l-iskala ta’ dawn l-impenji, meta jimxu fil-QFP li jmiss, joħolqu inċertezzi enormi fir-rigward tal-livelli ta’ pagamenti tal-Fond Strutturali, b’mod partikolari għall-2014 u l-2015, meta x’aktarx proporzjon kbir tar-RAL jiġi mħallas minħabba r-Regola N+2;

10. Jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġu garanziji fir-rigward tal-livelli tal-pagamenti tal-Fond ta' Koeżjoni Strutturali skedati għall-QFP li jmiss, kemm sabiex jantiċipa l-livelli ta' kontribuzzjoni attwali sena b'sena u sabiex jippjana l-assorbiment tar-riċevuti;

11. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika għal kollox il-kompożizzjoni tar-RAL u tivvaluta jekk il-massimu kurrenti fir-RAL huwiex primarjament minħabba l-kriżi ekonomika jew inkella jindikax problemi strutturali akbar; jitlob ġestjoni iktar effettiva tal-baġit sabiex il-livell tar-RAL jitwassal sa livell iktar sostenibbli;

 

KUNSIDERAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Tul ta’ żmien

12. Jinnota l-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew li l-QFP li jmiss ser idum seba’ snin; itenni l-pożizzjoni tiegħu li jkun preferibbli li jkun hemm qafas li jdum mhux iktar minn ħames snin;

13. Jinsisti, għalhekk, li oqsfa futuri, li jibdew fl-2020, idumu, mill-iżjed, ħames snin, sabiex iħallu iktar flessibbiltà u rispons għall-kundizzjonijiet ekonomiċi u fiskali li dejjem jinbidlu ta’ ambjent globali li l-ħin kollu jevolvi, kif ukoll għal allinjament aħjar tal-perjodu tal-QFP mal-mandat tal-istituzzjoni, b’hekk itejbu l-kontabbiltà u r-responsabbiltà demokratika;

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu

14. Jilqa’ l-paragrafu 11 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, u jinsisti li kwalunkwe QFP miftiehem mal-Parlament fih klawżola ta’ reviżjoni vinkolanti li tawtorizza analiżi strateġika u rikonsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-infiq taħt il-livelli massimi diġà miftiehma, kif ukoll tippermetti lill-baġit tal-UE sabiex jirrispondi b’mod iktar effettiv għaċ-ċirkostanzi li dejjem jinbidlu; josserva li din tipprovdi opportunità għal Parlament elett reċentement u Kummissjoni ġdida sabiex tivvaluta l-prijoritajiet għall-perjodi tal-mandati rispettivi tagħhom; jissuġġerixxi l-iskeda ta’ żmien li ġejja għal tali valutazzjoni strateġika:

· wara l-elezzjonijiet Ewropej u l-konsultazzjonijiet sussegwenti mal-Istati Membri u mal-Parlament il-ġdid, u mhux iktar tard minn Ġunju 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni strateġika tal-finanzjament xieraq għal kull wieħed mill-istrumenti proposti, programmi u fondi, flimkien ma’, fejn xieraq, proposti rilevanti;

· wara proċeduri interni, u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jilħqu pożizzjoni konġunta dwar kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni sa, mhux iktar tard, mit-30 ta’ Marzu 2016;

· soġġetta għal ftehim kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill, il-valutazzjoni strateġika għandha tidħol fis-seħħ għas-snin 2017-20;

Il-bżonn ta’ QFP iktar flessibbli

15. Jikkunsidra, fid-dawl tal-ambjent makroekonomiku u tal-isfidi ppreżentati minn ekonomija dinjija li qed tevolvi b’pass mgħaġġel, li baġit iżgħar jitlob iktar flessibbiltà kemm fost l-intestaturi kif ukoll bejn is-snin finanzjarji;

16. Jindika li jkun lest li jagħti l-approvazzjoni tiegħu biss malli jirċieva garanziji suffiċjenti ta’ arkitettura baġitarja flessibbli xierqa li tippermetti lill-Unjoni sabiex tindirizza ċirkustanzi u prijoritajiet li dejjem jinbidlu b’mod korrett filwaqt li tirrispetta l-limiti massimi diġà miftiehma;

Riżorsi proprji

17. Jinnota l-ftehim unanimu tal-Kunsill, skont il-prerogattivi tat-Trattat, dwar id-dħul tal-baġit; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Parlament – filwaqt li ma jeżerċita l-ebda dritt legali lil hinn mill-konsultazzjoni dwar ir-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji – se jintalab, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni;

18. Jesprimi l-impenn sod tiegħu li jsib ftehim ta' malajr mal-Kunsill f'dan il-qasam, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat;

 

NEGOZJATI INTERISTITUZZJONALI

19. Ifakkar li, skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali, ser jadotta regolament li jistabbilixxi l-QFP wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament, li ser tingħata permezz ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet isibu modus operandi ta' benefiċċju reċiproku, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jevitaw kriżi baġitarja potenzjalment ta' ħsara u bla bżonn; josserva, f’dan ir-rigward, dwar l-importanza tal-adeżjoni mal-Artikolu 312(5) tat-TFUE, li jimponi fuq l-istituzzjonijiet il-bżonn li ‘tittieħed kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex tiġi faċilitata l-adozzjoni tiegħu’;

20. Jenfasizza li din ser tkun l-ewwel darba li regolament dwar il-QFP qed jiġi adottat skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinvolvu arranġamenti ġodda għall-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jgħaqqdu proċess effiċjenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mar-rispett għall-prerogattivi rilevanti, kif definiti fit-TFUE;

21. Jesprimi r-rieda tiegħu sabiex jidħol f’negozjati sostanzjali mal-Kunsill, skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE, bil-għan li jiżgura l-approvazzjoni tiegħu u adozzjoni ta’ malajr kemm ta’ regolament tal-QFP kif ukoll ta’ ftehim interistituzzjonali li jipprovdu bażi legali stabbli u prevedibbli għall-programmi ta’ nfiq settorjali;

22. Jenfasizza li n-negozjati kurrenti bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-proposti leġiżlattivi b’rabta mal-programmi pluriennali ser isiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitati speċjalizzati sabiex jidħlu f’negozjati mal-formazzjonijiet tal-Kunsill rispettivi tagħhom;

23. Jenfasizza li nuqqas ta’ ftehim ma’ QFP jipperikola l-loġika fundamentali tal-ipprogrammar ta’ terminu medju, li jisħaq li jipprovdi qafas legali u baġitarju stabbli għal programmi kbar, li l-implimentazzjoni tagħhom isseħħ fuq numru ta’ snin; josserva li eventwalità bħal din mhijiex fl-interess ta’ ebda waħda mill-istituzzjonijiet, lanqas – l-iktar importanti – tar-riċevituri tal-programmi tal-UE fl-Istati Membri;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati.

Avviż legali - Politika tal-privatezza