MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport
11.3.2013 - (2013/2567(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Emine Bozkurt, Petra Kammerevert, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Roberta Angelilli, Ivo Belet, Piotr Borys, Anne Delvaux, Santiago Fisas Ayxela, Seán Kelly, Salvatore Iacolino, Véronique Mathieu Houillon, Doris Pack, Marie‑Thérèse Sanchez‑Schmid, Marco Scurria f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0130/2013
B7‑0130/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nikosija tal-20 ta' Settembru 2012 dwar il-Ġlieda kontra x-Xiri tal-Logħob,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 intitolata “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard fuq l-internet[2],
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (COM(2012)0655),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudju li twettaq fuq talba tal-Kummissjoni f'Marzu 2012 bl-isem "Ix-xiri tal-logħob fl-isport",
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Awissu 1985 dwar il-Vjolenza u Aġir Ħażin tal-Ispettaturi f’Avvenimenti Sportivi kif ukoll il-Konvenzjoni tagħha Kontra d-Doping tas-16 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, speċjalment ix-xiri tal-logħob,
– wara li kkonsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi tim konġunt investigattiv (JIT)tal-Europol, imsejjaħ bil-kodiċi “Operation Veto”, kixef ħafna każijiet ta’ xiri tal-logħob tal-futbol f’dawn l-aħħar snin, b’680 logħba meqjusa bħala suspetti globalment, inklużi 380 logħba fl-Ewropa, u billi ddeskriva netwerk mifrux tax-xiri tal-logħob li darab l-isport fil-qalba tiegħu, b’425 persuna suspettata u b’50 persuna li sfaw arrestati;
B. billi l-Europol iddikjarat li dawn iċ-ċifri mhumiex ħlief “il-quċċata tal-iceberg”;
C. billi għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob, li jagħti lok għal tħassib serju minħabba li x-xiri tal-logħob jorbot mal-kriminalità organizzata u huwa sors maġġuri ta' riskju għall-istrutturi sportivi f'tista' tgħid l-Istati Membri kollha;
D. billi x-xiri tal-logħob huwa forma ta’ kriminalità li tiġġenera dħul kbir filwaqt li ftit tiġi sanzjonata fil-qrati jew mikxufa, u billi għaldaqstant l-organizzazzjonijiet kriminali jużawha bħala għodda f’attivitajiet illegali tagħhom bħall-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi;
E. billi organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw fuq skala internazzjonali u għandhom konnessjonijiet minn naħa għall-oħra tad-dinja, b’tali mod li l-ebda istituzzjoni, pajjiż jew organizzazzjoni ma tista’ tkun fil-qagħda li tindirizza x-xiri tal-logħob weħidha;
F. billi l-isports kollha jistgħu jintlaqtu, u hemm l-integrità tal-isport qed tiġi mhedda;
G. billi l-mekkaniżmi attwali ta' kontroll ma jirnexxielhomx jidentifikaw xiri tal-logħob b'mod immedjat minħabba n-natura globali ta' dawn l-attivitajiet illegali;
H. billi l-imħatri fuq il-logħob mixtri prinċipalment huma offruti minn operaturi barra l-UE, u b'hekk jeħtieġ li jkun hemm fokus internazzjonali fuq il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob;
I. billi l-esperti indikaw li qed tħassib dejjem iktar serju fir-rigward tal-intenzjonijiet ħżiena ta' individwi li jixtru klabbs tal-futbol bħala mezz biex jixtru l-logħob u jaħslu l-flus;
J. billi l-unjins tal-plejers jirrimarkaw il-fatt li x-xiri tal-logħob jikkostitwixxi problema wkoll f'termini ta' plejers li ma jitħallsux f'waqtu u jiġi mbeżżgħin u mhedda;
1. Jitlob li l-persuni interessati ewlenin individwalment iħaddnu r-responsabbiltà u jiżviluppaw approċċ komprensiv billi jikkomplementaw l-isforzi ta’ xulxin biex jiġġieldu kontra x-xiri tal-logħob fl-isport;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ koordinat biex tikkumbatti x-xiri tal-logħob u l-kriminalità organizzata billi tikkoordina l-isforzi ta’ partijiet interessati f'dan il-qasam u billi tipprovdi pjattaforma għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa prattiki;
3. Jitlob li l-organizzazzjonijiet sportivi jadottaw politika ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni (sew internament kif ukoll b'rabta ma' kuntratturi esterni) biex ma jħallux li l-membri tagħhom ikunu vulnerabbli għal pressjoni esterna;
4. Iħeġġeġ li organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta għall-persuni kollha involuti (plejers, kowċijiet, referis u persunal mediku u tekniku) li jesponi l-perikli tax-xiri tal-logħob, jinkludi projbizzjoni ċara għall-manipulazzjoni tal-logħob għall-imħatri jew skopijiet oħra, jistipula s-sanzjonijiet assoċjati ma' dan u li jinkludi projbizzjoni fuq il-logħob tal-azzard fuq il-logħbiet proprji tagħhom kif ukoll obbligu li dak li jkun jirrapporta kwalunkwe għarfien ta’ xiri tal-logħob, b’mekkaniżmu adegwat ta’ protezzjoni tal-whistleblowers;
5. Jitlob lill-korpi kollha ta' gvernar tal-isports biex iwettqu prattiki ta' governanza tajba sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma ta' xiri tal-logħob;
6. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex ivaraw u jissoktaw bi programmi preventivi u edukattivi li jġibu magħhom obbligi ċari għall-klabbs, ligs u federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-minorenni, u jwaqqfu korp dixxiplinarju li jittrattat x-xiri tal-logħob;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jinkludu b'mod ċar ix-xiri tal-logħob fid-dritt kriminali nazzjonali tagħhom u jipprovdu għal sanzjonijiet adegwati, u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-imħatri fuq kompetizzjonijiet li jinvolvu l-minorenni;
9. Jitlob li l-Istati Membri joħolqu unità speċjalizzata tal-infurzar tal-liġi li tikkumbatti x-xiri tal-logħob u sservi ta’ pern ċentrali għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, u jesiġu li l-operaturi tal-logħob tal-azzard jagħtu informazzjoni dwar xejriet irregolari tal-logħob tal-azzard lil din l-unità u lill-organizzazzjonijiet sportivi għal aktar investigazzjoni u għat-tressiq quddiem l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni;
10. Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta’ timijiet konġunti investigattivi u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri li jiġġieldu kontra s-siti tal-internet tal-logħob tal-azzard illegali u kontra l-logħob tal-azzard anonimu; jemmen li għandu jkun hemm skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' persuni li jkunu ssemmew b'rabta ma', jew ġew ikkundannati għal, approċċ ta' plejers b'offerti ta' xiri tal-logħob;
11. Jitlob lill-Istati Membri jwaqqfu korpi regolatorji biex jidentifikaw u jikkumbattu attivitajiet illegali u korruzzjoni fl-imħatri dwar l-isport; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni ma' regolaturi oħra, inkluż ma’ awtoritajiet tal-ħruġ ta’ liċenzji, korpi tal-infurzar u l-pulizija;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawn il-korpi regolatorji fir-rigward ta' attivitajiet ta' imħatri fuq l-isport li jqajmu suspett;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bl-għan li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata assoċjata max-xiri tal-logħob, inter alia permezz ta' parteċipazzjoni fin-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati fl-isport;
14. Jilqa' l-fatt li l-Ħames Konferenza Internazzjonali tal-Ministri u l-Uffiċjali Għoljin Responsabbli mill-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (MINEPS) se tindirizza l-kwistjoni tal-integrità fl-isport u l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, u jemmen li dan jikkostitiwixxi forum utli fejn għandu jiġi indirizzat il-bżonn ta' korp globali li jittratta x-xiri tal-logħob;
15. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżerċitaw pressjoni fin-negozjati internazzjonali dwar "rifuġji tal-imħatri" fl-Asja, bħal Ħong Kong u Singapore;
16. Jitlob lill-Kunsill jipproċedi b'mod veloċi u ambizzjuż bid-diskussjonijiet dwar il-proposta għal direttiva ġdida dwar il-ħasil tal-flus (COM(2013)0045) biex jiġi indirizzat l-użu tal-isport onlajn għall-ħasil tal-flus;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lil federazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0025.
- [2] ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 30.
- [3] ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 590.