MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea
11.3.2013 - (2013/2565(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Herbert Reul, Ria Oomen-Ruijten, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Laima Liucija Andrikienė, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Elena Băsescu, Marietta Giannakou, Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Roberta Angelilli, Anne Delvaux, Peter Šťastný f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0132/2013
B7‑0134/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-RDPK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali kollha rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi adottat u ratifikat mir-RDPK,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-pajjiżi kollha għandhom il-libertà jesploraw u jużaw l-ispazju skont id-dritt internazzjonali; billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bioloġiċi u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
B. billi l-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikkundannaw it-tnedija ta’ ‘satellita’ mir-RDPK fit-12 ta’ Diċembru 2012, bl-użu ta’ teknoloġija tal-missili ballistiċi, u t-test nukleari mwettaq fit-12 ta’ Frar 2013, li b’mod ċar jikser l-obbligi internazzjonali fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u joħloq theddida għall-istabilità reġjonali;
C. billi l-iżvilupp tal-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi illegali jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jiggravaw;
D. billi dan ma jgħinx l-objettiv mistqarr tar-RDPK li ttejjeb is-sigurtà tagħha; billi r-RDPK għadha 'l bogħod ħafna milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani, u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-isforzi tagħha għall-kisba ta’ armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom; billi r-RDPK riċentement irtirat mill-ftehimiet kollha tal-paċi mar-Repubblika tal-Korea, u qatħget il-linja ta’ kuntatt dirett bejn Pyongyang u Seoul;
E. billi ħafna nies fir-RDPK m’għandhomx biżżejjed ikel, u huma dipendenti fuq l-għajnuna umanitarja li l-pajjiż jirċievi mingħand donaturi bħall-UE; billi n-nuqqas massiv tal-ikel u l-karistija għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għal firxa wiesgħa ta’ drittijiet tal-bniedem; billi għexieren ta’ eluf ta’ Nord Koreani ħallew pajjiżhom minħabba għaks u ripressjoni mifruxa, u ħarbu lejn iċ-Ċina;
F. billi l-UE hi difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi fir-RDPK m’hemm l-ebda libertà tal-espressjoni, libertà tal-għaqda, libertà tar-reliġjon, ġudikatura imparzjali jew indipendenti, oppożizzjoni politika organizzata, soċjetà ċivili indipendenti jew libertà tal-istampa;
1. Jiddeplora t-testijiet nukleari u l-attivitajiet ta’ missili mwettqa mir-RDPK u jħeġġeġ li dan il-pajjiż itemm kwalunkwe azzjoni provokattiva, jissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-programm tiegħu ta’ missili ballistiċi u jabbanduna b’mod sħiħ u irriversibbli l-programmi nukleari eżistenti;
2. Iħeġġeġ lir-RDPK biex terġa’ tistabbilixxi l-impenji pre-eżistenti tagħha favur moratorju fuq it-tnedija tal-missili u biex terġa’ tissieħeb fit-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni, li hu l-ġebla tax-xewka tar-reġim ta’ non-proliferazzjoni nukleari u l-pedament tal-isforzi għad-diżarm nukleari u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;
3. Jilqa’ t-tisħiħ ulterjuri tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jistieden lir-RDPK tagħżel triq aktar kostruttiva billi tipparteċipa mal-komunità internazzjonali, għax din hi t-triq li tista’ twassal għal stabilità reġjonali u għal titjib fil-benessri tal-poplu Nord Korean;
4. Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tagħha għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw;
5. Jistieden ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-sieħba kummerċjali ewlwenija tar-RDPK – teżerċita l-influenza tagħha fuq ir-RDPK biex tiżgura li s-sitwazzjoni ma teskalax iktar, u jinnota l-appoġġ tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għar-Riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
6. Jinsab imħasseb dwar il-qagħda estremament kritika tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u jistieden lill-pajjiż jagħmel rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiżgura li din tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-binedem; jistieden lir-RDPK tipparteċipa fi djalogu ġenwin dwar id-drittijiet tal-binedem mal-UE u biex ittemm immedjatament il-ksur kontinwu u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-poplu tagħha stess;
7. Jisiteden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hi parti fihom, u biex jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;
8. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli l-programmi ta’ għajnuna umanitarja eżistenti kif ukoll il-linji ta’ komunikazzjoni mar-RDPK u biex tiżgura l-wasla sikura tagħhom lill-partijiet immirati tal-popolazzjoni;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.