MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea
11.3.2013 - (2013/2565(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Anna Rosbach, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0132/2013
B7‑0135/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3222 Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-RDPK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali kollha rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottati u ratifikati mir-RDPK,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw it-tfigħ tal-missili tar-RDPK fit-12 ta’ Diċembru 2012, bl-użu ta’ teknoloġija tal-missili ballistiċi, u t-test nukleari mwettaq fit-12 ta’ Frar 2013, li b’mod ċar jikser l-obbligi internazzjonali fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u joħloq theddida għall-istabilità reġjonali;
B. billi s-sitwazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet politiċi u individwali fir-RDPK hija fost l-agħar fid-dinja, u l-maġġoranza tan-nies komuni huma mċaħħda minn nutrizzjoni diċenti; billi, bħala riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, numru mhux magħruf ta' persuni jixtiequ jitilqu mir-RDPK; billi fost il-konsegwenzi tal-persuni li jaħarbu mill-pajjiż hemm il-prosekuzzjoni u l-priġunerija kollettiva tal-membri tal-familja li jkun għada baqa';
1. Jiddeplora t-test nukleari u l-attivitajiet tal-missili mwettqa mir-RDPK, u jħeġġeġ lir-RDPK toqgħod lura milli tagħmel aktar azzjonijiet provokattivi;
2. Iħeġġeġ lir-RDPK terġa' tissieħeb mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni;
3. Jilqa' t-tisħiħ addizzjonali tas-sanzjonijiet kontra r-RDPK fil-forma ta' miżuri ġodda adottati mill-Kunsill u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rigward il-kummerċ f'armi konvenzjonali u r-restrizzjonijiet finanzjarji imposti biex inaqqsu l-attivitajiet illeċiti tar-RDPK;
4. Jitlob li jitkomplu t-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, u jistieden lis-sitt partijiet kollha biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isibu soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK;
5. Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina teżerċita l-influwenza tagħha fuq ir-RDPK biex tiżgura li s-sitwazzjoni ma taggravax aktar; jinnota li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina tat l-appoġġ tagħha għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2094 (2013);
6. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni estremament kritika tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, u jistieden lill-pajjiż jagħmel rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiżgura li din tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-RDPK tipparteċipa fi djalogu ġenwin dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-UE u biex ittemm immedjatament il-ksur kontinwu u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-poplu tagħha stess;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.