MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
11.3.2013 - (2013/2565(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Véronique De Keyser, Libor Rouček, George Sabin Cutaş, Ana Gomes, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Maria Eleni Koppa, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0132/2013
B7‑0136/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDRK),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-RDPK,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward it-tnedija ta’ ‘satellita’ tar-RDPK fit-12 ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea adottata waqt l-64 Sessjoni fid-19 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDP, adottata b'kunsens fid-19 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport Universali tal-Pari dwar ir-RDPK tas-7 ta' Novembru 2009 u l-qbil min-naħa tal-RDPK li teżamina l-117-il rakkomandazzjoni inklużi fir-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Eżami Universali Perjodikua tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat fit-18 ta' Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun biex jissawwar kumitat ġdid tan-NU biex jitratta l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, kif imħabbra fis-27 ta' Frar 2013 fil-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-kundanna espressa f'Jannar 2013 mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tensjonijiet fil-peniżola Koreana żdiedu minn meta r-RDPK nediet ‘satellita’ fit-12 ta’ Diċembru 2012 bl-użu ta’ teknoloġija tal-missili ballistiċi, kif ukoll test nukleari mwettaq fit-12 ta’ Frar 2013 minkejja l-kundanna unita tal-komunità internazzjonali;
B. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikkundannaw dawn l-azzjonijiet, li t-tnejn li huma jiksru b’mod ċar l-obbligi internazzjonali tar-RDPK fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jirrappreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;
C. billi l-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU saħħew is-sanzjonijiet kontra r-RDPK wara t-test nukleari;
D. billi l-iżvilupp tal-programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' non-proliferazzjoni nukleari u jissogra li jaggrava t-tensjonijiet reġjonali; billi dan it-tip ta’ tensjonijiet ma jagħmlux ġid għall-objettiv mistqarr tar-RDPK li ttejjeb is-sigurtà tagħha;
E. billi r-RDPK għadha 'l bogħod ħafna milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani, u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-isforzi tagħha għall-kisba ta’ armi ta' qerda massiva;
F. billi l-UE tappoġġa bil-qawwa l-idea tad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, u tqis li hu essenzjali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun li t-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet jissuktaw,
G. billi r-RDPK temmet kull patt ta’ non-aggressjoni mar-Repubblika tal-Korea, għalqet il-linja ta’ komunikazzjoni diretta tagħha ma’ Seoul u għalqet ukoll il-punt tal-fruntiera komuni bejn iż-żewġ pajjiżi;
H. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarja fir-RDPK għadha allarmanti ħafna;
I. billi s-sistema ġudizzjarja fir-RDPK hi sottomessa għall-Istat, u l-piena kapitali tingħata għal firxa wiesgħa ta’ “delitti kontra l-Istat” li perjodikament tiġi estiża permezz ta’ bidliet fil-Kodiċi Kriminali, u billi ċ-ċittadini, inklużi t-tfal, huma mġiegħla jattendu l-eżekuzzjonijiet pubbliċi;
J. billi l-awtoritajiet tal-istat tal-RDPK sistematikament iwettqu qtil extra-ġudizzjarju, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien ta’ persuni;
K. billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet liberi u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, jew libertà tal-għaqda, libertatal-espressjoni jew moviment ħieles;
L. billi partijiet kbar tal-popolazzjoni qed ibatu l-ġuħ u huma, fil-parti l-kbira, dipendenti fuq l-għajnuna tal-ikel internazzjonali; billi f’Settembru 2009 il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) irrapporta li terz tan-nisa u t-tfal fir-RDPK m’għandhomx biżżejjed ikel;
M. billi għexieren ta’ eluf ta’ Nord Koreani ħallew pajjiżhom minħabba l-ġuħ u r-ripressjoni mifruxa;
N. billi l-ġurnalisti barranin m’għandhomx aċċess bla restrizzjonijiet fir-RDPK, u billi b’riżultat ta’ dan, l-informazzjoni mill-pajjiż hija skarsa u normalment mhux konfermata; billi l-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiż m’għandha l-ebda aċċess għall-internet;
1. Jikkundanna t-test nukleari u l-attivitajiet ta’ missili mwettqa mir-RDPK, u jitlob li dan il-pajjiż ma jagħmilx testijiet ulterjuri, u biex ma jużax retorika aggressiva u azzjonijiet provokattivi oħra, billi jissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-programm tiegħu ta’ missili ballistiċi u billi jabbanduna għalkollox u b’mod verifikabbli u irriversibbli, il-programmi nukleari eżistenti tiegħu;
2. Iħeġġeġ lir-RDPK terġa' tistabbilixxi l-impenji preeżistenti tagħha fir-rigward ta' moratorju fuq it-tnedija ta’ missili, terġa’ tissieħeb mat-Trattat għan-Non-Proliferazzjoni Nukleari (NPT), u tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT);
3. Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet, għal ħidma favur il-paċi u s-siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u biex ikun żgurat, bl-aħjar mezz possibbli, ġejjieni aktar prosperu u stabbli għar-RDPK;
4. Jistieden lir-Repubblika Populari taċ-Ċina – membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-alleata kummerċjali prinċipali tar-RDPK – biex teżerċita influwenza pożittiva xierqa fuq ir-RDPK u biex tipprova tiżgura li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala;
5. Ifakkar il-kliem tad-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni 2010 li tesprimi ‘tħassib kbir dwar il-konsegwenzi katastrofiċi ta’ kwlaunkwe użu ta’ armi nukleari’ u terġa’ tafferma ‘l-ħtieġa li l-Istati kollha f’kull waqt jikkonformaw mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali’;
6. Jinsab imħasseb dwar il-qagħda estremament kritika tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u jistieden lil dan il-pajjiż jiżgura li l-poplu tiegħu ikollu aċċess għad-drittijiet umani bażiċi; jistieden lir-RDPK tipparteċipa fi djalogu ġenwin mal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
7. Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hi parti fihom, u biex jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;
8. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun biex jissawwar kumitat ġdid tan-NU biex jitratta l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK;
9. Jinsab imħasseb dwar l-eżekuzzjonijiet pubbliċi li jsiru fir-RDPK, u jitlob għal moratorju fuq dan it-tip ta’ eżekuzzjonijiet u għall-abolizzjoni tal-piena kapitali;
10. Jistieden lir-RDPK ttemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu;
11. Jistieden lir-RDPK twaqqaf l-użu tat-tortura, ix-xogħol furzat u l-impriġunerija f’kampijiet ħabsijiet brutali u remoti għal Nord Koreani li jiġu mġiegħla jirritornaw fir-RDPK;
12. Jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa;
13. Jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, u aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jagħtu asil lir-refuġjati Nord Koreani u biex jadottaw approċċ aktar sistematiku għall-organizzazzjoni ta’ protezzjoni tal-UE u internazzjonali għal persuni Nord Koreani li jħunu qed jaħarbu s-siteazzjoni ddisprata fir-RDPK; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-organizazzjoni tas-soċjetà ċivili li qed jgħinu lir-refuġjati Nord Koreani u jxerrdu tagħrif ħieles lir-RDPK;
15. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tibqa' għaddejja bil-programmi eżistenti ta' għajnuna umanitarja, u biex iżżomm miftuħa l-kanali ta' komunikazzjoni mar-RDPK, minħabba li dawn il-programmi ta' għajnuna għandhom impatt dirett fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni fir-RDPK;
16. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja rigorożament id-distribuzzjoni tal-għajnuna ta’ ikel u assistenza umanitarja fir-RDPK, biex tissodisfa l-istandards internazzjonali ta’ trasparenza u responsabbilizzazzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, tar-Repubblika tal-Korea u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.