MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
11.3.2013 - (2013/2565(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0132/2013
B7‑0137/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 825 (1993), 1540 (2004), 1695 (2006), 1718 (2006), 1874 (2009), 1887 (2009), 2087 (2013) u 2094 tas-7 ta' Marzu 2013,
– wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Marzuki Darusman, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea tal-1 ta’ Frar 2013 (A/HRC/22/57),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK), partikolarment dik tat-8 ta' Lulju 2010[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-11 ta' Frar 2013 ir-RDPK rrappurtat uffiċjalment li wettqet b'suċċess test nukleari, it-tielet wieħed f'seba' snin;
B. billi r-RDPK rtirat mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari (TNP) fl-2003 u ilha twettaq testijiet nukleari sa mill-2006 u fl-2009 ddikjarat uffiċjalment li żviluppat arma nukleari;
C. billi r-RDPK temmet kull patt ta’ nonaggressjoni mal-Korea t'Isfel, għalqet il-linja ta’ komunikazzjoni diretta tagħha ma’ Seoul u għalqet ukoll il-punt tal-fruntiera komuni bejn iż-żewġ pajjiżi;
D. billi l-Peniżola Koreana ilha deċennji tiffaċċja tensjonijiet u konfrontazzjonijiet militari; billi l-kriżi perikoluża attwali turi li hemm ħtieġa urġenti li jingħeleb l-imblokk u li tinstab soluzzjoni politika sostenibbli aċċetabbli għall-imsieħba kkonċernati kollha;
E. billi r-RDPK ilha ħafna snin f'sitwazzjoni estremament problematika dwar id-drittijiet tal-bniedem u li r-rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK identifika fir-rapport tiegħu disa' kwistjonijiet jew tendenzi interkonnessi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem: ksur tad-dritt għall-ikel; tortura u trattament jew pieni oħra krudili, inumani u degradanti, inklużi kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni; detenzjoni arbitrarja; ksur tad-drittijiet tal-bniedem assoċjati mal-kampijiet tal-priġunieri; diskriminazzjoni u l-effett sproporzjonat jew speċifiku tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq gruppi vulnerabbli, partikolarment in-nisa, it-tfal, persuni li jgħixu b'diżabilità u persuni rimpatrijati; ksur estensiv tal-libertà tal-espressjoni u libertajiet relatati oħra; ksur tad-dritt għall-ħajja, partikolarment l-applikazzjoni abbużiva tal-piena tal-mewt u l-użu tal-eżekuzzjonijiet pubbliċi; restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment u t-trattament abbużiv taċ-ċittadini li rritornaw bil-forza; għajbien sfurzat, inkluż fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin;
F. billi ċ-ċittadini tar-RDPK qed jiffaċċjaw deċennji ta' nuqqas ta' żvilupp b'kura tas-saħħa ħażina u livelli għoljin ta' malnutrizzjoni materna u tat-tfal, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, diżastri naturali rikorrenti u żidiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil, u billi f'Novembru 2012 il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) stmaw li 2.8 miljun persuna vulnerabbli, daqs ftit iktar minn 10% tan-Nord Koreani kollha, qed jiffaċċjaw nuqqas ta' nutrizzjoni u nuqqas ta' proteini u grass fid-dieta tagħhom ta' kuljum;
1. Jikkundanna f'termini l-aktar qawwija t-test nukleari mwettaq mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea fit-12 ta' Frar 2013 u talab li tastjeni minn aktar testijiet.
2. Jikkundanna l-avviż uffiċjali min-naħa tar-RDPK li l-pajjiż jirriżerva d-dritt li jwettaq attakk nukleari preventiv; jistieden lir-RDPK tirrispetta l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tobbliga lill-Membri tagħha jastjenu mit-theddid jew mill-użu tal-forza kontra kwalunkwe Stat ieħor;
3. Jistieden bil-qawwa lir-RDPK tirtira minnufih l-avviż tagħha ta' rtirar mit-TNP u li tirritorna fi żmien qrib għat-TNP u s-salvagwardji tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA); jissottolinja l-bżonn li l-Istati kollha parti mit-TNP jkomplu jirrispettaw l-aspetti kollha tal-obbligi li joħorġu mit-trattat; iħeġġeġ lir-RDPK terġa' tistabbilixxi l-impenji preeżistenti tagħha fil-konfront ta' moratorja dwar it-testijiet ta' missili u tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT);
4. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tensjoni li dejjem qed tikber fil-Peniżola Koreana u l-periklu ta' gwerra; jinsab imħasseb ħafna mir-retorika aggressiva u jitlob li l-partijiet involuti, lif ukoll l-alleati tagħhom, joqogħdu lura minn kull azzjoni li tista' taggrava t-tensjonijiet, inklużi eżerċizzji militari; jitlob urġentement li jibda djalogu dwar soluzzjoni paċifika, diplomatika u politika għas-sitwazzjoni;
5. Josserva l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-reazzjoni tagħhom għat-test nukleari reċenti tar-RPDK, u jistedinhom iwettqu sforzi politiċi u diplomatiċi konġunti u koordinati biex itemmu l-konfront militari fil-Peniżola Koreana u jsibu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli;
6. Jistieden lir-Repubblika Populari taċ-Ċina – bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-alleata kummerċjali prinċipali tar-RDPK – biex teżerċita influwenza pożittiva xierqa fuq ir-RDPK u biex tipprova tiżgura li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala, li tista' twassal għal riskju tas-sigurtà inkontrollabbli fil-Lvant Imbiegħed u r-reġjun tal-Paċifiku b'mod ġenerali;
7. Jistieden lill-Istati Uniti u lir-Repubblika tal-Korea jwaqqfu l-eżerċizzji militari tagħhom fir-reġjun; jistieden lill-Istati Uniti – bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-alleata ewlenija tar-Repubblika tal-Korea – biex teżerċita influwenza politika fuq ir-Repubblika tal-Korea biex tastjeni minn kull pass li jista' jwassal għal aktar aggravazzjoni tat-tensjoni militari fuq il-Peniżola Koreana permezz ta' reazzjoni iebsa possibbli għar-retorika u l-politiki provokattivi tar-RDPK u b'hekk tiġi evitata spirali ta' tensjonijiet militari fil-Lvant Imbiegħed u r-reġjun tal-Paċifiku;
8. Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fit-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni totali u rapida tad-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta' Settembru 2005 maħruġa miċ-Ċina, ir-RDPK, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti, bil-għan li tintlaħaq denuklearizzazzjoni verifikabbli tal-peniżola Koreana b'mod paċifiku u li jinżammu l-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u fl-Asja tal-Grigal;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jissaħħaħ it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari; Ifakkar li d-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni nukleari huma sostantivament interrelatati u jsaħħu lil xulxin; jitlob urġentement miżuri temporanji u ta' bini tal-fiduċja, bħall-ħolqien ta' żoni ħielsa minn armi nukleari, garanziji ta' sigurtà negattiva u skambju ta' data;
10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu d-diżarm nukleari prijorità tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni u biex jegħlbu l-waqfien fin-negozjati tad-diżarm nukleari fil-livelli bilaterali u multilaterali;
11. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK; jilqa' l-istabbiliment ta' Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar ir-RDPK; jistieden lill-gvern tar-RDPK jsegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u jikkoopera man-NU bl-għan li titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-pajjiż;
12. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jenfasizza li l-obbligu primarju li n-nies jieklu huwa f'idejn l-istat, li jeħtieġ jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jirranġa d-dgħufijiet eżistenti fis-sistema tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni li kkontribwixxew għan-nuqqas tal-ikel jistieden lill-Gvern tar-RDPK jnaqqas in-nefqa militari u jiżgura riallokazzjoni ekwa tar-riżorsi biex jirrispondi b'mod effikaċi għall-kriżi tal-ikel u għas-setturi l-oħrajn li għandhom bżonn l-iżvilupp;
13. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-programmi eżistenti ta' għajnuna umanitarja u kanali ta' komunikazzjoni mar-RDPK bl-għan li tkompli l-assistenza umanitarja għan-nies; iħeġġeġ lir-RDPK tiggarantixxi l-aċċess sigur u mingħajr ostakli għall-assistenza umanitarja, li tingħata b'mod imparzjali abbażi tal-bżonnijiet skont il-prinċipji umanitarji;
14. Jistieden lir-RDPK biex minnufih u b’mod permanenti twaqqaf l-eżekuzzjonijiet pubbliċi u tabolixxi l-piena kapitali fir-RDPK;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tar-RDPK, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, lill-gvernijiet tal-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2010)0290.