Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0138/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0138/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq

11.3.2013 - (2013/2565(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Tarja Cronberg, Gerald Häfner, Barbara Lochbihler, Rui Tavares, Amelia Andersdotter, Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0132/2013

Proċedura : 2013/2565(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0138/2013
Testi mressqa :
B7-0138/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0138/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq

(2013/2565(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 825 (1993), 1540 (2004), 1673 (2006), 1695 (2006), 1718 (2006), 1874 (2009), 1887 (2009), 2087 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2094, tas-7 ta' Marzu 2013, li żiedet restrizzjonijiet finanzjarji ulterjuri u għamlet obbligatorji l-interdizzjoni u l-ispezzjoni tal-bastimenti u t-tagħbijiet suspetti kollha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Frar 2004[1], tal-10 ta' Marzu 2005[2], tas-17 ta' Novembru 2005[3] u tal-14 ta' Marzu 2007[4] dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari, u tal-10 ta' Marzu 2010[5] dwar it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill, tat-8 ta' Diċembru 2008, dwar it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, b'mod partikolari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li jesprimu r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u tal-mezzi li bihom dawn jitwasslu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea, Catherine Ashton, dwar is-'satellita' mtellgħa mir-RDPK fit-12 ta' Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment dik adottata b'kunsens fid-19 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Marzuki Darusman, Rapporteur Speċjali għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, tal-1 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, partikolarment dik tat-8 ta' Lulju 2010[6],

–   wara li kkunsidra r-Rapport Universali tal-Pari dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) tas-7 ta' Novembru 2009, u l-qbil min-naħa tal-RDPK li teżamina l-117‑il rakkomandazzjoni inklużi fir-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Eżami Universali Perjodikua tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem adottat fit-18 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u tal-Ġappun biex jissawwar kumitat ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat mill-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, kif imħabbar fis-27 ta' Frar 2013 fil-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-kundanna espressa f'Jannar 2013 mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Nonproliferazzjoni nukleari

A. billi fil-11 ta' Frar 2013 il-Gvern tal-RDPK ħabbar li kien wettaq b'suċċess test nukleari ­– it-tielet f'seba' snin – ta' tagħmir biżżejjed żgħir biex jiġi armat fuq il-quċċata ta' rokit; billi xahrejn qabel, fit-12 ta' Diċembru 2012, il-gvern tella' missila balistika fuq distanza twila;

B.  billi fis-7 ta' Marzu 2013 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b'unanimità r-riżoluzzjoni 2094 li titlob sanzjonijiet ġodda eħrex kontra r-RDPK;

C. billi r-RDPK rtirat mit-Trattat ta' Nonproliferazzjoni (TNP) fl-2003 u ddikjarat uffiċjalment fl-2009 li żviluppat arma nukleari;

D. billi, b'reazzjoni għar-riżoluzzjoni 2094, il-Korea ta' Fuq iddikjarat il-ftehim ta' armistizju tal-1953 li temm il-Gwerra tal-Korea null u bla effett, għalqet il-linji militari diretti mal-Istati Uniti u mal-Korea t'Isfel, u ħarġet b'theddid ta' attakk nukleari kontra l-Istati Uniti u l-Korea t'Isfel;

E.  billi l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (AQM) u l-vetturi tagħhom tirrappreżenta, kemm lill-atturi statali kif ukoll lil dawk mhux statali, waħda mill-aktar theddidiet gravi għall-istabilità u s-sigurtà internazzjonali;

F.  billi jeħtieġ li jissaħħaħ it-trattat ta' nonproliferazzjoni (TNP), il-ġebla tax-xewka tar-reġim dinji tan-nonproliferazzjoni, u jiġi rikonoxxut il-bżonn urġenti ta' rwol ta' tmexxija politika kuraġġuża u ta' sensiela ta' passi konsekuttivi u progressivi biex terġa' tiġi affermata l-validità ta' dan it-trattat u jiġu kkonsolidati l-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li jikkomponu r-reġim attwali ta' nonproliferazzjoni u diżarm;

G. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, fejn possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li jikkawżaw inkwiet fuq skala dinjija, kif joħroġ ċar mill-Istrateġija tal-UE kontro l-Proliferazzjoni tal-AQM, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003;

H. billi bl-ekonomija tagħha kkonċentrata fuq l-armata, il-Korea ta' Fuq, mhux talli għadha 'l bogħod milli tilħaq l-objettiv dikjarat tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani, talli minflok iżolat u faqqret dejjem aktar il-poplu tagħha permezz tal-iżvilupp tagħha ta' armi ta' qerda massiva;

Drittijiet tal-bniedem

I.   billi r-RPDK kompliet għal ħafna snin tikser id-drittijiet taċ-ċittadini tagħha, billi ċċaħħad partijiet kbar tal-popolazzjoni mill-ikel, tapplika kastigi kollettivi, xogħol furzat u eżekuzzjonijiet pubbliċi, u billi internat aktar minn 200 000 ruħ fil-ħabs u f'kampijiet ta' "riedukazzjoni";

J.   billi l-libertà tal-moviment u ta' aċċess għall-informazzjoni hija limitata ħafna, u l-gvern ma jippermettix l-oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet liberi u ekwi, midja ħielsa, u lanqas il-libertà ta' espressjoni jew ta' assoċjazzjoni;

K. billi l-poplu tal-Korea ta' Fuq ilu għexieren ta' snin espost għas-sottożvilupp, b'assistenza sanitarja skarsa u livelli ta' malnutrizzjoni materna u infantili għoljin, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, katastrofijiet naturali rikorrenti u inkrementi internazzjonali tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u tal-karburant;

L.  billi f'Novembru 2012 il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) stimaw li 2.8 miljun persuna vulnerabbli, li jirrappreżentaw aktar minn 10 fil-mija tan-Nord Koreani kollha, huma suġġetti għal sottonutrizzjoni u għal nuqqas ta' proteini u xaħmijiet vitali fid-dieta tagħhom ta' kuljum

M. billi, minħabba dawn id-diffikultajiet, għaxriet ta' eluf ta' Nord Koreani ħarbu mill-pajjiż, minkejja r-riskju għoli, jekk jinqabdu, ta' kastig kollettiv u tal-għajbien fil-kampijiet ta' priġunerija;

N. billi l-aġenti governattivi serqu eluf ta' ċittadini barranin matul is-snin, il-maġġoranza tagħhom Sud Koreani, iċ-ċirkostanzi tal-biċċa l-kbira tagħhom għadhom mhux magħrufa;

Nonproliferazzjoni nukleari

1.  Jikkundanna t-test nukleari u l-attivitajiet missilistiċi li saru mir-RDPK u jesiġi li din tastjeni mit-testijiet fil-ġejjieni;

2.  Jikkundanna t-tħabbira uffiċjali min-naħa tar-RDPK skont liema l-pajjiż jirriżerva d-dritt li jwettaq attakk nukleari preventiv; jistieden lir-RDPK tirrispetta l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li timponi lill-Istati Membri li jastjenu mit-theddid jew mill-użu tal-forza kontra Stati oħra;

3.  Iħeġġeġ lir-RPDK tirritorna fit-TNP u tirratifika l-protokoll addizzjonali dwar il-garanziji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA); jissottolinja l-bżonn li l-Istati kollha parti mit-TNP jkomplu jirrispettaw l-aspetti kollha tal-obbligi li joħorġu mit-trattat; jistieden lir-RDPK terġa' tistabbilixxi l-impenji preeżistenti tagħha fil-konfront ta' moratorja dwar it-testijiet missilistiċi u tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT);

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għat-tensjoni dejjem tikber fil-peniżola Koreana u għar-retorika aggressiva min-naħa tal-klassi ta' tmexxija tar-RPDK, u jistieden lill-partijiet interessati jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li taf taggrava t-tensjonijiet, inkluż it-taħriġ militari;

5.  Josserva l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-reazzjoni tagħhom għat-test nukleari reċenti tar-RPDK, u jistedinhom iwettqu sforzi politiċi u diplomatiċi konġunti u koordinati biex itemmu l-konfront militari fil-peniżola Koreana u jsibu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli; jissuġġerixxi inizjattiva ġdida ta' bini tal-fiduċja għall-peniżola Koreana f'livell reġjonali, imsawra fuq il-mudell tal-proċess ta' Ħelsinki;

6.  Jagħmel appell lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u sieħba kummerċjali prinċipali tar-RDPK – tuża l-bon offiċji tagħha favur id-distensjoni tas-sitwazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fit-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni totali u rapida tad-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta' Settembru 2005 maħruġa miċ-Ċina, ir-RDPK, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti, bil-għan li tintlaħaq denuklearizzazzjoni verifikabbli tal-peniżola Koreana;

8.  Jissottolinja f'dan il-kuntest il-bżonn ta' intensifikazzjoni tal-isforzi f'livell dinji lejn id-diżarm nukleari, billi dawn l-armi antikwati tilfu l-funzjoni ta' deterrent tagħhom għall-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, filwaqt li joħolqu riskju dejjem ogħla ta' proliferazzjoni, u jitlob lill-Istati kollha fil-pussess ta' armi nukleari jagħtu l-eżempju billi jnaqqsu unilateralment l-arsenali tagħhom;

9.  Jitlob miżuri temporanji ta' bini tal-fiduċja, bħall-ħolqien ta' żoni ħielsa minn armi nukleari, garanziji ta' sigurtà negattiva, skambju ta' data u r-rinunzja tal-għażla tal-ewwel attakk;

10. Jistieden lill-partijiet interessati kollha jippromwovu l-objettiv tad-diżarm nukleari komplut abbażi ta' trattat internazzjonali għall-eliminazzjoni progressiva tal-armi nukleari fid-dinja kollha, u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet kemm militari kif ukoll ċivili (għajr għall-bżonnijiet mediċi) minħabba r-riskji inerenti ta' użu dupliċi;

Drittijiet tal-bniedem

11. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, li ġiet deskritta mir-rapporteurs speċjali tal-passat u tal-preżent tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Korea ta' Fuq bħala kategorija għaliha, distinta, mifruxa u sistematika, li taf tkun ekwivalenti għal delitti kontra l-umanità;

12. Jistieden lill-Gvern tar-RPDK jirrispondi għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti tar-rapporteur speċjali b'urġenza u jikkoopera mal-proċeduri speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-pajjiż;

13. Iqis li l-gravità tas-sitwazzjoni u n-nuqqas ta' risposta min-naħa tal-gvern tal-Korea ta' Fuq jitolbu b'urġenza livell ogħla ta' attenzjoni tal-membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, u jitlob il-ħolqien ta' Kummissjoni Speċjali ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tar-RDPK; jilqa' pożittivament l-inizjattiva konġunta UE-Ġappun fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

14. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni, jenfasizza li l-Istat għandu l-obbligu primarju li jitma' l-poplu u li għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirrettifika d-difetti fis-sistema ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni li kkontribwew għall-iskarsezza tal-ikel; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jnaqqas in-nefqa militari u jiżgura riallokazzjoni ekwa tar-riżorsi biex jirrispondi b'mod effikaċi għall-kriżi tal-ikel u għas-setturi l-oħrajn li għandhom bżonn l-iżvilupp;

15. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-programmi ta' għajnuna umanitarja attwali u l-kanali ta' komunikazzjoni mar-RDPK; iħeġġeġ il-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea jiggarantixxi l-aċċess sigur u mingħajr ostakli għall-assistenza umanitarja, li tingħata b'mod imparzjali abbażi tal-bżonnijiet skont il-prinċipji umanitarji;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, lill-gvernijiet tal-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.