Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0187/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0187/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-negozjati dwar il-ftehim UE-Stati Uniti dwar il-kummerċ u l-investiment

14.5.2013 - (2013/2558(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Vital Moreira f’isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali <<<


Proċedura : 2013/2558(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0187/2013
Testi mressqa :
B7-0187/2013
Testi adottati :

B7‑0187/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati dwar il-ftehim UE-Stati Uniti dwar il-kummerċ u l-investiment

(2013/2558(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit UE-Stati Uniti, maħruġa fit-28 ta' Novembru 2011, u d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Stati Uniti tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (KET) maħruġa fid-29 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir (HLWG) tal-11 ta' Frar 2013[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta' Frar 2013 mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy[2],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Istati Uniti[4],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-73 Laqgħa Interparlamentari tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi (TLD), li saret f'Washington fit-30 ta' Novembru u fl-1 ta' Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Proġett ta' Marzu 2013 taċ-Ċentru ta' Riċerka għall-Politika Ekonomika (Londra) bit-titolu "Reducing Transatlantic Barriers to Trade and Investment: An Economic Assessment’[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar żewġ operaturi kummerċjali u investituri importanti tad-dinja, li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs il-PDG dinji u terz tal-kummerċ dinji;

B.  billi s-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti huma profondament integrati, b'medja qrib iż-EUR 2 biljun f'beni u servizzi li huma suġġetti għal kummerċ bilaterali kuljum, u li b'hekk isostnu miljuni ta' impjiegi fiż-żewġ ekonomiji, u billi l-investimenti tal-UE u tal-Istati Uniti jikkostitwixxu l-mutur reali tar-relazzjoni trans-Atlantika, bl-investimenti bilaterali jammontaw għal iktar minn EUR 2.394 triljun fl-2011;

C. billi, skont ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt imħejji mill-Kummissjoni abbażi ta' rapport miċ-Ċentru ta' Riċerka għall-Politika Ekonomika, sħubija trans-Atlantika ambizzjuża u komprensiva fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment, ladarba tkun implimentata għalkollox, tista' twassal għal gwadanji ekonomiċi sinifikanti b'mod ġenerali kemm għall-UE (EUR 119,2 biljun fis-sena) kif ukoll għall-Istati Uniti (EUR 94,9 biljun fis-sena); billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Istati Uniti jistgħu għalhekk jiżdiedu bi 28 % u l-esportazzjonijiet totali tal-UE b'6 %, biex b'hekk jibbenefikaw l-esportaturi ta' prodotti u ta' servizzi tal-UE kif ukoll il-konsumaturi tal-UE;

D. billi l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni, sistemi ġuridiċi komparabbli u standards għoljin, anke jekk differenti, fil-qasam tal-protezzjoni tax-xogħol, tal-konsumaturi u tal-ambjent;

E.  billi l-ekonomija globali taffaċċja sfidi u t-tfaċċar ta' parteċipanti ġodda, u kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti għandhom jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' kooperazzjoni ekonomika aktar stretta biex joħolqu effett ta' lieva fuq il-vantaġġi tal-kummerċ internazzjonali bil-għan li jegħlbu l-kriżi ekonomika u jilħqu rkupru ekonomiku globali sostnut;

F.  billi, wara s-Samit UE-Stati Uniti li sar f'Novembru 2011, l-HLWG ġie inkarigat li jidentifika l-għażliet biex jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment bil-għan li jiġu sostnuti l-ħolqien tal-impjiegi, tkabbir ekonomiku u kompetittività reċiprokament vantaġġużi;

G. billi l-HLWG analizza konġuntament firxa wiesgħa ta' għażliet potenzjali għall-espansjoni tal-kummerċ u tal-investiment trans-Atlantiku, u wasal għall-konklużjoni fir-Rapport Finali tiegħu li ftehim komprensiv dwar il-kummerċ u l-investimenti jista' jforni l-livell l-aktar sinifikanti ta' vantaġġ liż-żewġ ekonomiji;

H. billi l-UE hija konvinta li l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-sistema multilaterali hija objettiv kruċjali; billi, madankollu, dan ma jipprekludix ftehimiet bilaterali li jmorru lil hinn mill-impenji tad-WTO u li jkunu jikkomplementaw ir-regoli multilaterali, peress li kemm il-ftehimiet reġjonali kif ukoll dawk ta' kummerċ ħieles iwasslu għal armonizzazzjoni ikbar tal-istandards u liberalizzazzjoni usa' li tiffavorixxi s-sistema kummerċjali multilaterali;

I.   billi fit-12 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni pproponiet l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tan-negozjati u tal-abbozzi tad-direttivi tan-negozjati għall-eżami tal-Kunsill;

Il-kuntest strateġiku, politiku u ekonomiku

1.  Jemmen li l-importanza strateġika tar-relazzjoni ekonomika UE-Stati Uniti għandha tiġi affermata mill-ġdid u approfondita, u li l-UE u l-Istati Uniti għandhom ifasslu approċċi komuni għal-kummerċ globali, għall-investiment u għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bħall-istandards, in-normi u r-regolamenti, biex tiġi żviluppata viżjoni trans-Atlantika usa' u sett komuni ta' għanijiet strateġiċi;

2.  Iqis li huwa kruċjali li l-UE u l-Istati Uniti jiżblukkaw il-potenzjal mhux sfruttat ta' suq trans-Atlantiku verament integrat, biex jimmassimizzaw il-ħolqien ta' impjiegi diċenti u jistimolaw potenzjal ta' tkabbir intelliġenti, qawwi, sostenibbli u bbilanċjat; iqis li dan huwa partikolarment f'waqtu fid-dawl tal-kriżi ekonomika li għadha għaddejja, l-istat tas-swieq finanzjarji u tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, il-livell għoli ta' dejn pubbliku, ir-rati għoljin ta' qgħad u l-projezzjonijiet modesti ta' tkabbir fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif ukoll fid-dawl tal-benefiċċji li toffri reazzjoni verament ikkoordinata għal dawn il-problemi kondiviżi;

3.  Jemmen li l-UE jmissha tisfrutta l-esperjenza vasta tagħha fin-negozjar ta' ftehimiet bilaterali ta' kummerċ profondi u komprensivi biex tikseb riżultati saħansitra aktar ambizzjużi mal-Istati Uniti;

Rapport Finali tal-HLWG

4.  Jilqa’ l-ħruġ tar-Rapport Finali tal-HLWG u japprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni għall-varar tan-negozjati għal ftehim komprensiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi li r-Rapport Finali poġġa fuq: (i) it-titjib ambizzjuż tal-aċċess reċiproku għas-suq ta' beni, servizzi, investimenti u akkwist pubbliku fil-livelli kollha ta' gvern; (ii) it-tnaqqis tal-ostakli nontariffarji (ONT) u ż-żieda tal-kompatibbiltà tar-reġimi ta' regolamentazzjoni; u (iii) l-iżvilupp ta' regoli komuni bil-għan li jilqgħu l-isfidi u l-opportunitajiet kondiviżi tal-kummerċ globali;

6.  Jaqbel mal-opinjoni skont liema, minħabba t-tariffi medji baxxi diġà eżistenti, is-soluzzjoni biex jiġi żblukkat il-potenzjal tar-relazzjoni trans-Atlantika tinsab fit-tegħlib tal-ONT, li jikkonsistu prinċipalment fi proċeduri doganali, standards tekniċi u restrizzjonijiet regolatorji interni; isostni l-objettiv propost mill-HLWG biex nersqu progressivament lejn suq trans-Atlantiku saħansitra aktar integrat;

7.  Jilqa' pożittivament ir-rakkomandazzjoni biex jiġu eżaminati modi ġodda ta' tnaqqis tal-kostijiet bla bżonn u tad-dewmien amministrattiv li jirriżulta mir-regolamentazzjoni, filwaqt li jintlaħqu l-livelli ta' saħħa, sikurezza u ħarsien ambjentali li kull naħa tqis bħala adegwati, jew inkella filwaqt li jintlaħqu l-objettivi regolatorji leġittimi;

Mandat ta' negozjar

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim kummerċjali u ta' investiment profond u komprensiv mal-Istati Uniti li jappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja għall-ħaddiema Ewropej, li jkun ta' benefiċċju dirett għall-konsumaturi Ewropej, li jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), biex ibiegħu prodotti u jipprovdu servizzi fl-Istati Uniti, li jiżgura aċċess sħiħ għas-suq tal-akkwist pubbliku fl-Istati Uniti u li jtejjeb l-opportunitajiet għall-investimenti tal-UE fl-Istati Uniti;

9.  Jistieden lill-Kunsill jagħti segwitu lir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Finali tal-HLWG u jawtorizza lill-Kummissjoni tibda n-negozjati għal ftehim ta' Sħubija Trans-Atlantika fil-qasam tal-Kummerċ u tal-Investimenti (TTIP) mal-Istati Uniti;

10. Jenfasizza li t-TTIP irid ikun ambizzjuż u vinkolanti fil-livelli kollha ta' gvern fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, inklużi r-regolaturi kollha u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra; jisħaq fuq il-fatt li l-ftehim għandu jwassal għall-ftuħ veru u dejjiemi tas-suq fuq bażi reċiproka u għall-aġevolazzjoni kummerċjali fil-post, u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-modi strutturali ta' kif tinkiseb konverġenza regolatorja trans-Atlantika akbar; iqis li l-ftehim ma għandux jissogra jippreġudika d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni, inkluż fis-settur tas-servizzi awdjoviżivi u kulturali;

11. Iqis li hu essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-posibbiltà li jippreservaw u jiżviluppaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom, u li jagħmlu dan fil-kuntest tal-liġijiet, tal-istandards u tal-ftehimiet eżistenti tagħhom; jitlob għalhekk li l-esklużjoni tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi, inklużi dawk provduti online, tiġi ddikjarata b'mod ċar fil-mandat għan-negozjar;

12. Jenfasizza li l-proprjetà intellettwali hija waħda mill-ixpruni tal-innovazzjoni u tal-ħolqien u hija pilastru tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, u li l-ftehim għandu jinkludi protezzjoni b'saħħitha għal oqsma ddefiniti b'mod preċiż u ċar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs), inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u għandu jkun konsistenti ma' ftehimiet internazzjonali eżistenti; jemmen li s-setturi l-oħra ta' diverġenza relatati mal-IPRs għandhom ikunu solvuti konformement mal-istandards internazzjonali ta' protezzjoni;

13. Iqis li l-ftehim għandu jiggarantixxi rispett sħiħ għall-istandards tad-drittijiet fundamentali tal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għal livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, ħaġa li għandha tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; iqis li l-ftehim għandu jikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) dwar il-protezzjoni tad-data personali;

14. Ifakkar fl-importanza tas-settur tat-trasport għat-tkabbir u l-impjiegi, u speċjalment fl-avjazzjoni, fejn is-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti huma responsabbli għal 60 % tat-traffiku dinji tal-ajru; jenfasizza li n-negozjati għandhom jindirizzaw b'mod sinifikanti r-restrizzjonijiet attwali fuq is-servizzi tat-trasport marittimu u bl-ajru li huma proprjetà ta' negozji Ewropej, inkluż b'rabta mas-sjieda tal-linji tal-ajru mill-barranin u r-reċiproċità fir-rigward tal-kabotaġġ, kif ukoll l-iskrining tal-merkanzija marittima;

15. Jenfasizza l-valur tal-valutazzjoni bbażata fuq ir-riskji u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq u l-identifikazzjoni ta' prodotti ffalsifikati;

16. Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, ir-rakkomandazzjoni tal-HLWG lill-UE u lill-Istati Uniti biex jindirizzaw l-aspetti ambjentali u tax-xogħol għal dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ u mal-iżvilupp sostenibbli; iqis li l-esperjenza minn ftehimiet kummerċjali preċedenti tal-UE u l-impenji li ilhom jeżistu bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom jitqiesu biex jissaħħu l-iżvilupp u l-infurzar tal-liġijiet u l-politiki fl-oqsma tax-xogħol u tal-ambjent u biex jiġu promossi l-istandards ewlenin u l-punti ta' riferiment stipulati mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), kif ukoll impjiegi diċenti u żvilupp sostenibbli; jinkoraġġixxi l-armonizzazzjoni tal-istandards tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK); jirrikonoxxi li l-ilħiq ta' standards komuni x'aktarx jippreżenta sfidi kemm tekniċi kif ukoll politiċi, u jenfasizza li l-għan komuni għandu jkun li jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda tnaqqis fl-ambizzjonijiet ambjentali;

17. Jenfasizza s-sensittività ta' ċerti oqsma ta' negozjati, bħas-settur agrikolu, fejn il-perċezzjonijiet fir-rigward tal-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), tal-klonazzjoni u tas-saħħa tal-konsumaturi għandhom it-tendenza li juru diverġenza bejn l-Istati Uniti u l-UE; jara opportunità fil-koopeerazzjoni msaħħa fil-kummerċ agrikolu, u jenfasizza l-importanza ta' eżitu ambizzjuż u bbilanċjat f'dan il-qasam; jenfasizza li l-ftehim m'għandux idgħajjef il-valuri fundamentali ta' naħa jew oħra, pereżempju l-prinċipji tal-prekawzjoni fl-UE; jistieden lill-Istati Uniti tneħħi l-projbizzjoni tagħha fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti taċ-ċanga mill-UE, bħala miżura għall-bini tal-fiduċja;

18. Jenfasizza li s-servizzi finanzjarji għandhom jiġu inklużi fin-negozjati dwar it-TTIP, u jitlob f'dan il-kuntest li tingħata attenzjoni partikolari lill-ekwivalenza, lir-rikonoxximent reċiproku, lill-konverġenza u lill-extraterritorjalità, peress li dawn huma kunsiderazzjonijiet ċentrali għaż-żewġ naħat; jenfasizza li konverġenza lejn qafas regolatorju finanzjarju komuni bejn l-Istati Uniti u l-UE tkun ta' benefiċċju; jenfasizza li filwaqt li l-aċċess għas-suq għandu jitqies bħala pass pożittiv, il-proċessi superviżorji prudenzjali huma vitali biex tinkiseb konverġenza xierqa; jenfasizza li l-impatt negattiv tal-extraterritorjalità għandu jiġi minimizzat u m'għandux jitħalla jippreġudika approċċ konsistenti fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji;

19. Jerġa' jafferma s-sostenn tiegħu għat-tneħħija tal-ostakli regolatorji bla bżonn, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Gvern tal-Istati Uniti jinkludu fil-ftehim mekkaniżmi (inkluża l-kooperazzjoni regolatorja upstream inizjali) intiżi li jevitaw ostakli futuri; iqis li regolamentazzjoni aħjar u t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji u amministrattivi huma kwistjonijiet li għandhom ikunu fuq quddiem nett meta jiġi nnegozjat it-TTIP, u li konverġenza regolatorja trans-Atlantika akbar għandha twassal għal regolamentazzjoni aktar razzjonalizzata li tkun faċli li tinftiehem u li tiġi applikata, b'mod partikolari għall-SMEs;

20. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li ftehim komprensiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu l-potenzjal li jwassal għal sitwazzjoni vantaġġuża għal kulħadd, li tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ ekonomiji, u li livell aktar fond ta' integrazzjoni jkun jimmultiplika l-qligħ b'mod konsiderevoli għaż-żewġ ekonomiji; huwa konvint li l-allinjament tal-istandards regolatorji tal-UE u tal-Istati Uniti, fejn dan ikun possibbli, jiżgura li l-UE u l-Istati Uniti jkomplu jistabbilixxu l-istandards globali u jwitti t-triq għal standards internazzjonali; huwa tal-fehma soda li l-benefiċċji ta' dan il-ftehim f'termini ta' kummerċ internazzjonali u ta' standardizzazzjoni għandhom jitqiesu u jiġu fformulati b'attenzjoni;

21. Ifakkar fil-ħtieġa ta' kuntatt proattiv u involviment kontinwu u trasparenti mill-Kummissjoni ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi rappreżentanti tan-negozji, ta' organizzazzjonijiet ambjentali, tal-bdiewa, tal-ħaddiema u oħrajn, tul il-proċess kollu tan-negozjati, biex jiġu żgurati diskussjonijiet ibbażati fuq il-fatti, tiżdied il-fiduċja fin-negozjati, jinkiseb kontribut proporzjonat minn diversi naħat u jitrawwem l-appoġġ pubbliku billi jitqiesu l-preokkupazzjonijiet tal-partijiet interessati; jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jipparteċipaw b'mod attiv u jressqu inizjattivi u informazzjoni rilevanti għan-negozjati;

22. Iwissi li maż-żmien il-kwalità għandha tipprevali fuq iż-żmien, u għandu fiduċja fil-fatt li n-negozjaturi mhumiex se jgħaġġlu biex jaslu għal ftehim li ma jiġġenerax benefiċċji tanġibbli u sostanzjali għall-impriżi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini tagħna;

Rwol tal-Parlament

23. Jistenna bil-ħerqa li jitniedu n-negozjati mal-Istati Uniti, u li jsegwihom mill-qrib u jagħti l-kontribut tiegħu għal eżitu ta' suċċess; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li żżomm lill-Parlament informat immedjatament u totalment fil-fażijiet kollha tan-negozjati (qabel u wara ċ-ċikli ta' negozjati); huwa impenjat li jittratta l-kwistjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jafu jinqalgħu fil-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim futur; itenni r-responsabbiltà bażika tiegħu li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u jistenna b'ħerqa li jiffaċilita diskussjonijiet inklużivi u miftuħa matul il-proċess tan-negozjati; huwa impenjat li jassumi rwol proattiv biex jikkollabora mal-kontropartijiet Amerikani tiegħu meta jintroduċi regolamenti ġodda;

24. Jimpenja ruħu li jaħdem f'kuntatt mill-qrib mal-Kunsill, mal-Kummissjoni, mal-Kungress tal-Istati Uniti, mal-Gvern tal-Istati Uniti u mal-partijiet interessati biex jinkiseb il-potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali sħiħ tar-relazzjoni ekonomika trans-Atlantika u jissaħħaħ ir-rwol ta' tmexxija tal-UE u tal-Istati Uniti fil-liberalizzazzjoni u fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ u tal-investimenti barranin; huwa impenjat li jinkoraġġixxi kooperazzjoni bilaterali approfondita bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jasserixxi r-rwol ta' tmexxija tagħhom fil-kummerċ u fl-investiment internazzjonali;

25. Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim TTIP futur, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom għalhekk jitqiesu kif jixraq fil-fażijiet kollha;

26. Ifakkar li l-Parlament se jagħmel ħiltu biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim futur;

o

o o

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti.