MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
15.5.2013 - (2013/2612(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0188/2013
B7‑0188/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-politiki u l-istrateġiji adottati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fir-rigward tal-pajjiżi differenti tad-Dinja Għarbija,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-politika tal-Unjoni Ewropea għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra d-diskorsi reċenti magħmula minn Štefan Füle, Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar il-kwistjoni tar-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra d-diskorsi reċenti ta’ Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, dwar il-kwistjoni tar-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra id-Droga u l-Kriminalità u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi,
– wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Deauville,
– wara li kkunsidra l-ħames rebbieħa tal-Premju Sakharov għall-2011, li kienu rappreżentanti tar-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Tuneżija u l-Eġittu ċċelebraw it-tieni anniversarju tar-Rebbiegħa Għarbija tagħhom f'Jannar 2013, u l-Libja fi Frar 2013;
B. billi għad hemm numru kbir ta' problemi f'bosta pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, inklużi protesti vjolenti, qgħad dejjem jiżdied, diffikultajiet ekonomiċi, diffikultajiet amministrattivi u sfidi b'rabta mad-demokratizzazzjoni;
C. billi l-mexxejja preċedenti tat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja akkumulaw somom kbar ta' flus u beni (pereżempju, ajruplani, metalli prezzjużi u opri tal-arti) li kienu depożitati jew moħbija fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, stati oħrajn tal-Lvant Nofsani, l-Isvizzera u r-Renju Unit;
D. billi kien allegat li fl-14 ta' Jannar 2011, l-assi tal-mexxej Tuneżin preċedenti Zine el Abidine Ben Ali kienu ġew iffriżati mill-Gvern Svizzeru; billi hu stmat li dawk l-assi kellhom valur ta' USD 68 miljun;
E. billi huwa allegat li fil-21 ta' Marzu 2011, l-assi tal-mexxej Eġizzjan preċedenti Hosni Mubarak kienu ġew iffriżati mill-Gvern tar-Renju Unit; billi hu stmat li dawk l-assi kellhom valur ta' USD 133 miljun;
F. billi huwa allegat li Muammar Gaddafi ddepożita numru ta' assi għall-valur ta' USD 168 biljun f'numru ta' pajjiżi; billi hu magħruf li s-somma ta' USD 30 biljun kienet iddepożitata fl-Istati Uniti tal-Amerika; billi somom mhux ippreċiżatita' flus ġew iffriżati min-NU u minn pajjiżi individwali;
1. Itenni l-impenn tiegħu li jirkupra l-assi misruqa li jappartjenu lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u jirrikonoxxi li l-irkupru tal-assi huwa ħidma kumplessa li tinvolvi l-identifikazzjoni u l-intraċċar tal-assi moħbija, l-iżgurar ta’ proċediment skont proċessi ġudizzjarji xierqa sabiex dawn l-assi jiġu kkonfiskati u fl-aħħar nett, l-iżgurar li l-assi rkuprati u kkonfiskati jintraddu lill-pajjiż proprjetarju;
2. Jinnota li hemm differenzi kbar fil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi li fihom jinsabu dawn il-fondi u jirrikonoxxi li t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja ffaċċjaw diffikultajiet minħabba s-sistemi ġuridiċi tal-pajjiżi li fihom jinsabu l-fondi; jirrikonoxxi li r-Renju Unit u l-Isvizzera qegħdin jaħdmu biex lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija jgħinuhom jirkupraw l-assi tagħhom permezz tal-iffriżar tal-assi u ta' miżuri mfassla biex jevitaw t-trasferiment illegali tal-assi lejn xi mkien ieħor;
3. Jilqa' l-kummenti tal-President Obama li tenna l-impenn tal-Istati Uniti li jaħdem flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-G8 u mal-pajjiżi tas-Sħubija ta' Deauville għall-irkupru u r-ritorn tal-assi misruqa; jilqa' l-appoġġ mill-Istati Uniti lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija;
4. Jinnota wkoll li flimkien mal-assi miżmuma mill-mexxejja preċedenti, saru allegazzjonijiet li n-nisa u l-ulied ta’ dawn il-mexxejja serqu u żammu assi statali; jenfasizza li seħħet attività illegali u jtenni li dawn l-individwi konxjament użaw tekniki sofistikati biex jaħbu l-assi; jemmen li dawn l-individwi għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja għas-serq ta’ assi statali;
5. Jilqa' l-progress li sar s'issa, li kien jinkludi l-istabbiliment tat-Taskforce Brittanika għall-Irkupru tal-Assi, it-task Force UE-Tuneżija, iċ-Ċentru Inrternazzjonali għall-Irkupru tal-Assi u l-Inizjattiva għall-Irkupru tal-Assi Misruqa;
6. Jilqa' l-oqsma ta' prijorità tas-Sħubija ta' Deauville għall-2013, b'mod partikolari l-irkupru tal-assi u l-Fond ta' Tranżizzjoni, u jfaħħar lill-Gvern tar-Renju Unit, li attwalment għandu l-presidenza tas-Sħubija ta' Deauville, għat-tmexxija b'saħħitha tal-aġenda għall-irkupru tal-assi;
7. Itenni l-impenn tiegħu għal tranżizzjoni demokratika tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u jwiegħed l-appoġġ u l-assistenza lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-ħolqien ta' demokraziji b'saħħithom u stabbli li fihom ikunu rispettati l-istat tad-dritt, id-drittijiet tan-nisa, l-elezzjonijiet ħielsa u miftuħa u l-libertà tal-espressjoni;
8. Jenfasizza l-bżonn ta' stabilità u prosperità ekonomika fil-Lvant Nofsani u jenfasizza li l-irkupru tal-assi jtejjeb is-sitwazzjoni tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, peress li l-fondi rkuprati se jgħinu fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda, l-istimolu tal-iżvilupp tas-settur privat u l-finanzjament ta’ fondi soċjali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-gvernijiet interim tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, lill-pajjiżi tal-G8 u lill-Membri tas-Sħubija ta' Deauville.