MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
15.5.2013 - (2013/2612(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Ana Gomes, Göran Färm, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Norbert Neuser f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0188/2013
B7‑0189/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fit-tranżizzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti wara l-laqgħa tat-Task Force UE-Tuneżija tat-28 u d-29 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti wara l-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tal-14 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1100/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/625/PESK u 2011/178/PESK li jemendawha, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 965/2011 li jemendah, u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 364/2013 u Nru 50/2013 li jimplimentaw l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003, li daħlet fis-seħħ fl-2005 u ġiet approvata f'isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal-25 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Palermo) tas-sena 2000,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1970 (2011), 1973 (2011) u 2009 (2011) dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 19/38 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' April 2012 dwar l-impatt negattiv tan-nonripatrijazzjoni ta' fondi ta' oriġini illeċita lill-pajjiżi ta' oriġini fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-Irkupru tal-Assi Misruqa (Stolen Asset Recovery, StAR), programm konġunt tal-Bank Dinji u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Irkupru tal-Assi tas-Sħubija tal-G8 ta' Deauville mal-Pajjiżi Għarab fi Tranżizzjoni tal-21 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi tat-13 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni hu obbligu morali u kwistjoni politika eminentement politika fir-relazzjonijiet tal-UE mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha; billi din hi wkoll kwistjoni ekonomika importanti għall-ġirien tan-Nofsinhar ikkonċernati minħabba l-potenzjal li dawn l-assi għandhom għall-irkupru ekonomiku tagħhom, meta jiġu rritornati u użati b'mod trasparenti u effettiv; billi l-irkupru tal-assi għandu effett preventiv sinifikanti, peress li jibgħat messaġġ qawwi kontra l-impunità ta' dawk involuti fil-korruzzjoni, u għaldaqstant hu fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-istabbiliment tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni; billi l-irkupru tal-assi għandu effett importanti wkoll biex tkun indirizzata l-problema endemika tal-ħasil tal-flus, u biex tissaħħaħ l-istabilità tas-sistema finanzjarja internazzjonali;
B. billi jeżisti qafas ġuridiku internazzjonali komprensiv li hu msejjes fuq ftehimiet u standards internazzjonali dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-infurzar tal-liġi, b'enfasi partikolari fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) tal-2003, li timponi obbligi ċari fuq l-Istati Kontraenti, inkluż li jistabbilixxu mezzi biex tingħeleb is-segretezza bankarja u biex jadattaw is-sistemi ġuridiċi nazzjonali ħalli jakkomodaw proċedimenti għall-irkupru tal-assi; billi l-Artikolu 51 tal-UNCAC jiddikjara r-ritorn tal-assi bħala "prinċipju fundamentali ta' din il-Konvenzjoni, u l-Istati Parti għandhom jagħtu lil xulxin l-aktar kooperazzjoni u assistenza wiesgħa f'dan ir-rigward", filwaqt li l-Artikolu 46.1. jenfasizza li "l-Istati Parti għandhom jagħtu lil xulxin l-aktar assistenza ġuridika reċiproka wiesgħa fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji relatati mar-reati koperti minn din il-Konvenzjoni";
C. billi l-kompetenza prattika għall-irkupru tal-assi tinsab l-ewwel u qabel kollox għand l-awtoritajiet nazzjonali fl-istati rikjesti; billi, fil-kuntest tal-UE, filwaqt li l-iffriżar tal-assi hu kompetenza tal-Unjoni, l-irkupru u r-ripatrijazzjoni ta' dawk l-assi huma kompetenzi tal-Istati Membri abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; billi l-irkupru tal-assi, min-natura tiegħu, jirrikjedi kooperazzjoni fost l-aġenziji nazzjonali differenti fl-istati rikjesti u f'dawk rikjedenti;
D. billi l-proċess tal-irkupru tal-assi normalment huwa proċedura kumplessa, sensittiva u li tieħu ħafna żmien; billi d-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli ma jistgħux jiġu evitati u l-individwi ma jistgħux jiġu mċaħħda mid-drittijiet legali tagħhom f'dan il-proċess; billi d-diversità u l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-istati rikjesti, minn naħa waħda, u n-nuqqas ta' għarfien legali espert adegwat u l-kapaċità istituzzjonali limitata fl-istati rikjedenti, min-naħa l-oħra, huma ostakoli ewlenin għas-suċċess ta’ inizjattivi f'dan il-qasam;
E. billi wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija fl-Eġittu u fit-Tuneżija, l-UE minnufih iffriżat l-assi tad-dittaturi ta’ dari, tal-familji tagħhom u ta' bosta persuni oħrajn assoċjati mar-reġimi tagħhom; billi l-UE adottat deċiżjoni simili fil-konfront tal-Libja, bi qbil mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970(2011); billi l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012 jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jirrilaxxaw assi ffriżati lill-Eġittu u lit-Tuneżija, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti;
F. billi l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tat-Task Force UE-Tuneżija tad-29 ta' Settembru 2011 iddikjaraw li "t-Task Force hi impenjata li tagħmel kulma huwa possibbli biex tgħin lill-awtoritajiet jirritornaw lill-poplu Tuneżin dak kollu li nsteraq minħabba l-korruzzjoni tar-reġim preċedenti. Sabiex tiffaċilita r-ritorn ta' dawn l-assi, l-UE ħabbret li kienet ser tipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet Tuneżin, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' tim ta' appoġġ għall-irkupru tal-assi, b'esperti bbażati fit-Tuneżija u fi Brussell";
G. billi l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tat-Task Force UE-Eġittu ddikjaraw li "l-iffriżar u l-irkupru ta' assi miżapproprjati hi kwistjoni politika ewlenija għall-Eġittu u għall-UE" u li l-"UE se tkompli twettaq rwol ewlieni fil-kwistjoni tal-irkupru tal-assi u se taħdem mill-qrib mas-sħab internazzjonali, bħall-Isvizzera, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u b'mod partikolari l-inizjattiva StAR tal-Bank Dinji u l-G8, biex tevalwa s-sitwazzjoni attwali, tipproponi l-passi konkreti li jmiss u ssaħħaħ il-koordinament";
H. billi l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija għamlu sforzi konsiderevoli biex jiżguraw li l-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom jiġu ripatrijati lil dawk il-pajjiżi, inkluż il-ħolqien ta' kummissjonijiet investigattivi nazzjonali ddedikati bil-kompitu li jintraċċaw, jidentifikaw u jirkupraw dawn l-assi, u l-ftuħ ta' kawżi legali fil-qrati tal-Istati Membri tal-UE; billi bosta atturi internazzjonali ewlenin – inklużi l-UE, il-membri tal-G8 u l-Isvizzera – kellhom reazzjoni pożittiva għal dawn l-isforzi; billi, madankollu, s'issa biss ftit riżultati konkreti nkisbu f'dan il-qasam;
I. billi l-parteċipazzjoni proattiva taċ-ċentri finanzjarji u l-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sew fl-istati rikjesti u sew f'dawk rikjedenti, huma elementi essenzjali għas-suċċess ta’ inizjattivi għall-irkupru tal-assi;
J. billi l-komunikazzjoni għandha rwol ewlieni fl-isforzi ta' rkupru tal-assi billi jxerrdu l-aħjar prattika u jinħolqu inċentivi billi jippubbliċizzaw l-istejjer ta' suċċess; billi, madankollu, dikjarazzjonijiet żvijanti dwar il-kwantità ta' assi li għandhom jiġu rkuprati jistgħu joħolqu stennijiet mhux realistiċi fost il-pubbliku fil-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar ikkonċernati, u jstgħu jkunu kontroproduċenti;
1. Jenfasizza li, apparti s-sinifikat ekonomiku tiegħu, ir-ritorn tal-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni hu obbligu morali u kwistjoni politika taħraq, peress li jissimbolizza r-ritorn tal-ġustizzja u tar-responsabilità fi spirtu demokratiku u tal-istat tad-dritt, u tal-impenn politiku u tal-kredibilità tal-UE, u għalhekk jikkostitwixxi parti ewlenija tas-sħubija tal-Unjoni mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, b'attenzjoni speċjali lill-Eġittu, lil-Libja u t-Tuneżija;
2. Jenfasizza li, anke jekk il-proċess għall-irkupru tal-assi jseħħ bi qbil mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali u l-kompetenzi rilevanti huma fuq kollox f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-UE għandha rwol ewlieni biex tistimola u tiffaċilita dan il-proċess;
3. Jinnota, li minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-awtoritajiet Eġizzjani, Libjani u Tuneżini u minkejja r-rieda politika qawwija tal-partijiet kollha, dawk involuti fl-irkupru tal-assi miżapproprjati ftit li xejn kellhom suċċess, l-iktar minħabba d-diversità u l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet u proċeduri rilevanti fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti, riġidità ġuridika, in-nuqqas ta' għarfien espert min-naħa tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija rigward proċeduri ġuridiċi, finanzjarji u amministrattivi f'ġurisdizzjonijiet Ewropej u oħrajn u n-nuqqas ta' riżorsi disponibbli għalihom;
4. Jitlob li tingħata spinta qawwija fl-isforzi li qed isiru mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-assi mill-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija; jenfasizza li l-irkupru tal-assi jifforma parti essenzjali fl-appoġġ tal-Unjoni għal tranżizzjoni demokratika u għall-irkupru ekonomiku f'dawn il-pajjiżi u jista' jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka taż-żewġ naħat fi spirtu ta' sħubija mas-soċjetajiet, li hi l-ġebla tax-xewka tal-Politika Ewropea għall-Viċinat riveduta;
5. Jilqa' l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012, li jiffaċilita r-ritorn ta' fondi miżapproprjati lill-Eġittu u t-Tuneżija billi jawtorizza lill-Istati Membri li jirrilaxxaw l-assi ffriżati abbażi ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti u billi jħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti mill-Istati Membri minn naħa u l-Eġittu u t-Tuneżija mill-oħra; jenfasizza madankollu, l-bżonn li jinkisbu riżultati konkreti, u li l-Libja tkun inkluża bis-sħiħ f'dan il-proċess;
6. Jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-atturi ewlenin internazzjonali l-oħrajn fl-irkupru tal-assi mill-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, b'attenzjoni speċjali għall-Inizjattiva għall-Irkupru tal-Assi Misruqa (StAR) tal-Bank Dinji u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità; jenfasizza l-importanza li jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi attwali, kemm fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali, flimkien mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida meħtieġa u l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni eżistenti fi ħdan is-sistemi ġurdiċi f'dan il-qasam;
7. Jitlob li mingħajr dewmien jinħoloq mekkaniżmu tal-UE magħmul minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħrajn mill-Istati Membri, il-pajjiżi Ewropej ikkonċernati l-oħrajn u l-Istati Uniti, bil-għan li jagħti konsulenza u assistenza legali u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess tal-irkupru tal-assi; jitlob li dan il-mekkaniżmu jiġi ffinanzjat debitament mill-istrument finanzjarju rilevanti fi ħdan il-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tas-sostenibilità ta' dan il-mekkaniżmu tal-UE fil-kuntest ta' proċeduri ġudizzjarji kumplessi, sensittivi u li jieħdu fit-tul; jinnota wkoll il-possibilità ta' finanzjament addizzjonali għal dan il-mekkaniżmu, fi stadju aktar 'il quddiem, permezz ta' ftehimiet ta' kofinanzjament mal-istati rikjedenti;
8. Iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran tindirizza l-kwistjoni tal-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbigħa Għarbija fi tranżizzjoni, bil-għan li tinkludi f'dan il-proċess lill-membri tal-parlamenti nazzjonali miż-żewġ naħat tal-Mediterran;
9. Jirrikonoxxi u jappoġġja bis-sħiħ il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-pajjiżi rikjedenti u kemm f'dawk rikjesti, għall-proċess tal-irkupru tal-assi, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti, billi jħeġġu l-kooperazzjoni fost l-atturi nazzjonali u internazzjonali ewlenin, jimmonitorjaw ir-ritorn tal-assi u jiżguraw li l-assi ritornati jintużaw b'mod trasparenti u effettiv fl-istat rikjedenti;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Isvizzera, lill-Kungress u lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, u lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Eġittu, tal-Libja u tat-Tuneżija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0095.