Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0190/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0190/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi

15.5.2013 - (2013/2549(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0118/2013
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Richard Seeber, Lambert van Nistelrooij, Danuta Maria Hübner, Roberta Angelilli, Jan Olbrycht, Manfred Weber, Alain Cadec, Jan Březina, Iosif Matula f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0190/2013

Proċedura : 2013/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0190/2013
Testi mressqa :
B7-0190/2013
Testi adottati :

B7‑0190/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi

(2013/2549(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 0248),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu ‘L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju’ (COM(2010)0715) u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC(2009)0712/2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011, li fihom il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex ‘ikomplu jaħdmu b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar strateġiji makro-reġjonali ġejjiena potenzjali’,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2011 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (COM(2011)0611),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-istrateġiji makro-reġjonali huma mmirati sabiex jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti biex jitrattaw kwistjonijiet ta' żvilupp territorjali u jidentifikaw rispons konġunt għal sfidi komuni;

B.  billi l-Kummissjoni qed tipproponi li l-parti transnazzjonali tal-politika ta' kooperazzjoni territorjali għandha titjieb;

C. billi t-territorji tar-reġjun Alpin għandhom diversi karatteristiċi komuni, bħal pereżempju l-fatt li ż-żoni ta' muntanji għolja tagħhom huma ġeografikament uniċi, u l-interazzjonijiet mill-qrib taħghom mal-bliet il-kbar taċ-ċirku peri-Alpin;

D. billi r-reġjun tal-Alpi jikkostitwixxi makro-reġjun interkonness b’kapaċitajiet ekonomiċi differenti u tħassib li kulma jmur qed jikber fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, il-bidla demografika, l-infrastruttura tat-trasport, it-turiżmu u kwistjonijiet relatati mal-enerġija;

1.  Jemmen li l-iżvilupp ta’ strateġiji fuq skala kbira, bħal strateġiji makroreġjonali, għandu jikkontribwixxi biex jikber ir-rwol tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE b’mod aktar ġenerali;

2.  Ifakkar ir-riżultati tal-esperjenza ta’ tagħlim li joffru l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tad-Danubju rigward a) it-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u b) l-allokazzjoni ta’ finanzjament tal-UE;

3.  Jilqa’ l-iżvilupp attwali fir-reġjuni taż-żona tal-Alpi, u l-approċċ ‘bottom-up’ adottat fihom, reġjuni li b’mod ripetut esprimew ix-xewqa taħghom li jkun hemm strateġija Alpina li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi komuni taż-żona kollha tal-Alpi, li l-potenzjal konsiderevoli taż-żona jiġi sfruttat b’mod aktar konsistenti u li tiġi indirizzata l-ħtieġa li titjieb il-mobilità, i-ssigurtà enerġetika, il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, l-iskambju kulturali, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili fir-reġjun tal-Alpi;

4.  Jitlob li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni, imsejsa fuq kriterji oġġettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Artikolu 174 TFUE b’mod ġenwin permezz ta' pjan strateġiku, bil-ħsieb li jingħelbu l-iżvantaġġi strutturali ta' territorji muntanjużi u jinħolqu l-kundizzjonijiet tajba għal tkabbir ekonomiku u koeżjoni soċjali u territorjali effettiva fir-reġjun tal-Alpi;

6.  Jemmen li d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-idea tal-koeżjoni territorjali, li t-Trattat ta’ Lisbona jpoġġi fl-istess livell mal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

7.  Jisħaq li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi hi għodda effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni territorjali Ewropea fir-reġjun konċernat billi jiġi implimentat approċċ ‘bottom-up’ u billi tiżdied il-kooperazzjoni permezz ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli;

8.  Jenfasizza li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi tiżgura li l-inizjattivi differenti tal-UE relatati mar-reġjun tal-Apli u ż-żoni muntanjużi jikkumplimentaw lil xulxin, u ġġib magħha valur miżjud għal proġetti konkreti;

9.  Jemmen li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi trid tikkoordina l-fondi eżistenti tal-UE, b'mod partikolari taħt il-politika ta' koeżjoni, biex timplimenta proġetti li jkollhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni bħall-ħarsien tal-ambjent, l-investiment fil-kompetittività u l-innovazzjoni, l-agrikultura u l-forestrija, l-ilma, l-enerġija, kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi u t-trasport;

10. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali potenzjali għall-Alpi tkun konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, u b’hekk tiżgura l-konformità mal-impenn tal-UE għal tkabbir smart, sostenibbli u inklużiv;

11. Jenfasizza li l-qafas tal-kooperazzjoni makroreġjonali ġdid irid jiżgura li l-iżvantaġġi naturali ta’ reġjuni periferali, bħal pereżempju żoni muntanjużi, jinbidlu f'punti pożittivi u f’opportunitajiet, u li tingħata spinta lill-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet l-oħra relevanti.