MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
15.5.2013 - (2013/2612(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Willy Meyer, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Jacky Hénin, Sabine Lösing, Younous Omarjee, Alda Sousa, Marisa Matias, Paul Murphy f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0191/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-Unjoni għall-Mediterran u l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, bħat-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja u l-Marokk,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003, li daħlet fis-seħħ fl-2005 u ġiet approvata f'isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal-25 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 19/38 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' April 2012 dwar l-impatt negattiv tan-nonripatrijazzjoni ta' fondi ta' oriġini illeċita lill-pajjiżi ta' oriġini fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi tat-13 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-prinċipji ġuridiċi li jikkonċernaw il-kanċellazzjoni ta' dejn illeġittimu u odjuż skont id-dritt internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar "Il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija[1], b'mod partikolari l-premessa 6 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Eġittu tal-2007 u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2004,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti wara l-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tal-14 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija, li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Lulju 2005,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1100/2012 li jemendah,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti wara l-laqgħa tat-Task Force UE-Tuneżija tat-28 u tad-29 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u t-Tuneżija,
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Libja taħt ir-reġim ta' Muammar Gaddafi, li kienu interrotti fl-2011,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat- 28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/625/PESK u 2011/178/PESK li jemendawha, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 965/2011 li jemendah, u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 364/2013 u Nru 50/2013 li jimplimentaw l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Istatus Avvanzat mogħti lill-Marokk f'Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Marokk, imnedija fl-1 ta' Marzu 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Proċess ta' Barċellona, imniedi fl-1995, wassal għal ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u madwar tnax-il pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-Pjan direzzjonali ta' Rabat, stabbilit fl-2005, iffoka fuq it-tħeġġiġ tal-adozzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' aktar liberalizzazzjoni pjuttost milli fuq l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjun fl-interess tal-ħaddiema u tal-foqra;
B. billi f'diversi pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fil-Peniżola Għarbija kien hemm, u għad hemm, movimenti sinifikanti ta' ħaddiema u ċittadini li qed jitolbu kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar u azzjoni kontra l-inġustizzji, il-qgħad u l-korruzzjoni, u li qed jitolbu aktar demokrazija u drittijiet, ġustizzja soċjali u li jintemmu l-isfruttament, l-oppressjoni u l-gwerer;
C. billi d-diversi politiki ta' aġġustament strutturali (deregolamentazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel, privatizzazzjoni u miżuri ta' awsterità) imposti mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal għexieren ta' snin qed ikollhom parti konsiderevoli fil-problemi ekonomiċi u soċjali, bħall-qgħad u l-faqar, li wasslu għar-rewwixti popolari f'dawk il-pajjiżi;
D. billi l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija huwa obbligu morali u kwistjoni eminentement politika fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha; billi huwa wkoll kwistjoni ekonomika importanti għall-ġirien tan-Nofsinhar ikkonċernati, minħabba l-potenzjal li dawn l-assi, meta jiġu ritornati u użati b'mod trasparenti u effettiv, jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tagħhom; billi l-irkupru tal-assi għandu effett preventiv, peress li jibgħat messaġġ qawwi kontra l-impunità ta' dawk involuti fil-korruzzjoni;
E. billi l-UE, b'mod partikolari l-Gvernijiet ta' xi Stati Membri, u l-Istati Uniti, li għal għexieren ta' snin appoġġaw lil reġimi mhux demokratiċi, għandhom responsabbiltà partikolari għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li wasslet għar-rewwixti; billi l-iżviluppi fl-Afrika ta' Fuq, fil-Lvant Nofsani u fil-Peniżola Għarbija mill-2011 esponew il-falliment fundamentali tal-politika tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-prinċipji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) il-ġdida huma l-istess bħal dawk li wasslu għall-falliment tal-PEV preċedenti, bħan-negozjar tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi u l-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji ta' pajjiżi terzi;
F. billi d-dejn huwa lieva prinċipali li tippermetti intervent mis-setgħat barranin u finanzjarji, b'kompliċità mal-elites lokali fil-gvern, li jwassal għal ksur tas-sovranità nazzjonali, għal ftaqir ġenerali tal-poplu u għad-degradazzjoni enormi tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tal-poplu; billi d-dejn odjuż u illeġittimu ntuża mid-dittatorjati bħal għodda għas-sottomissjoni politika u bħala mekkaniżmu għat-trasferiment tad-dħul mix-xogħol, l-aktar lejn il-kapital dinji; billi attwalment iservi biex jinżamm id-dominju neokolonjali fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran;
G. billi d-dritt internazzjonali jiddefinixxi d-dejn odjuż f'termini ta' tliet kriterji: in-nonkunsens tal-poplu tal-istat midjun; in-nuqqas ta' vantaġġi għall-poplu tal-istat midjun; u għarfien min-naħa tal-kredituri li s-self li taw la kien fl-interess tal-poplu u lanqas kien approvat minnu; billi d-dejn tan-Nofsinhar globali diġà tħallas lura diversi drabi; billi, fin-Nofsinhar kif ukoll fit-Tramuntana, jikkostitwixxi strument b'saħħtu għat-trasferiment tal-ġid produttiv lejn il-kapital;
H. billi l-Eġittu ilu x-xhur maqbud fi kriżi politika u ekonomika; billi fl-2012 saru aktar minn 3 400 protesta fl-Eġittu kollu dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali – li l-biċċa l-kbira kienu strajkijiet u okkupazzjonijiet; billi l-Eġittu ħallas aktar minn USD 80 biljun f'dejn u mgħax barrani bejn l-1981 u l-2012; billi saret pressjoni fuq l-Eġittu biex jadotta r-riformi ta' awsterità ekonomika meħtieġa biex jikkwalifika għal pakkett ta' self tal-FMI ta' USD 4.8 biljun; billi dawn ir-riformi ta' awsterità marbuta mal-kontroll tad-defiċit se jippeġġoraw il-kundizzjonijiet soċjali, tax-xogħol u tal-għajxien tal-popolazzjoni tal-Eġittu;
I. billi meta d-dittatur Tuneżin Zine El Abidine Ben Ali tneħħa mill-poter, il-pajjiż ġarr il-piż ta' dejn estern pubbliku li jammonta għal USD 14.4 biljun, li huwa ostaklu kbir għall-iżvilupp tal-poplu Tuneżin; billi skont data tal-Bank Ċentrali Tuneżin, mill-1970 sal-2009, it-Tuneżija ħallset lura USD 2.47 biljun aktar milli ssellfet; billi tali livell ta' dejn ma tejjibx il-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu, u billi l-ġid akkumulat mir-reġim ta' Ben Ali fuq perjodu ta' 23 sena fil-poter huwa l-prova tal-kompliċità ta' għadd ta' kredituri;
J. billi l-Gvernijiet li ġew eletti fit-Tuneżija u fl-Eġittu wara t-tneħħija tad-dittaturi Ben Ali u Hosni Mubarak ħolqu dejn ġdid huma stess, li huwa ferm aktar ta' vantaġġ għall-kredituri milli għall-poplu, sabiex iħallsu d-dejn odjuż li wirtu mir-reġimi dittatorjali preċedenti; billi attwalment it-Tuneżija u l-Eġittu qed jinnegozjaw arranġamenti ġodda mal-FMI li qed jintużaw biex ikomplu jħallsu lura d-dejn odjuż li wirtu;
K. billi l-ekonomija Libjana ma rkupratx wara l-gwerra, ħlief fir-rigward tas-settur taż-żejt; billi l-qasma politika u ekonomika tal-pajjiż ġiet stabbilita l-aktar għall-benefiċċju tal-investituri barrannin; billi l-Gvern il-ġdid reġa' beda l-proċess ta' aktar liberalizzazzjoni tal-pajjiż, li beda fl-2003;
L. billi l-Marokk huwa l-akbar benefiċjarju tal-fondi tal-UE fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi r-Re tal-Marokk, Mohammed VI, huwa fost l-akbar azzjonisti tas-Société Nationale d’Investissement (SNI, jew Kumpanija Nazzjonali ta' Investiment), l-akbar kumpanija azzjonarja privata tal-Marokk; billi aktar minn 50 % tal-kumpaniji elenkati fis-suq tal-ekwitajiet ta' Casablanca huma marbuta mal-familja rjali Marokkina; billi fl-2012 id-dejn pubbliku tal-Marokk laħaq 71 % tal-PDG tiegħu; billi bejn l-1983 u l-2011 il-Marokk ħallas aktar minn USD 115-il biljun f'dejn barrani, ugwali għal tmien darbiet id-dejn inizjali tiegħu, u għad irid iħallas USD 23 biljun; billi l-Marokk qed jokkupa s-Saħara tal-Punent illegalment;
M. billi, għalkemm sal-lum għad ma kienx hemm bidla fir-reġim fil-Marokk jew fil-Baħrejn, iż-żewġ pajjiżi huma eżempji ta' kif l-UE ssellef il-flus lil reġimi awtoritarji u oppressivi li jrażżnu lid-dimostranti brutalment;
1. Jenfasizza li, lil hinn mis-sinifikat ekonomiku tiegħu, ir-radd lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija tal-assi miżapproprjati misruqa minn dittaturi preċedenti u attwali u mir-reġimi tagħhom huwa obbligu morali u kwistjoni eminentement politika, billi jissimbolizza t-treġġigħ lura tal-ġustizzja u tar-responsabbiltà fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; iqis, madankollu, il-kwistjoni tad-dejn ta' dawn il-pajjiżi bħala waħda kruċjali, u l-irkupru tal-assi bħala parti mill-problema tad-dejn odjuż u illeġittimu;
2. Huwa tal-fehma li l-komunità internazzjonali għandha tistabbilixxi sistema soda ta' ftehimiet u standards internazzjonali li jittrattaw il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-infurzar tal-liġi, filwaqt li titqies b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003; jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tidentifika u tiffriża assi li joriġinaw mill-korruzzjoni fit-Tuneżija, fl-Eġittu, fil-Libja u fil-Marokk;
3. Jikkundanna l-appoġġ mogħti mill-UE lil dawn ir-reġimi għal għexieren ta' snin, b'mod partikolari l-Gvernijiet ta' xi Stati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-konnivenza u l-kompliċità tal-Istati Uniti u tal-UE, li dawn ir-reġimi bbenefikaw minnhom bil-pretest tas-salvagwardja kontra l-Iżlamiżmu;
4. Ifakkar fil-premessa 6 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012, li fiha jiddikjara li jqis li d-dejn estern pubbliku tal-pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani huwa dejn odjuż, billi ġie akkumulat minn reġimi dittatorjali, l-aktar permezz tal-arrikkiment personali tal-elites politiċi u ekonomiċi u x-xiri ta' armi, u f'ħafna każijiet intuża biex irażżan il-popolazzjonijiet ta' dawk il-pajjiżi; għalhekk, jitlob ir-rikunsiderazzjoni ta' dan id-dejn, b'mod partikolari meta jkun marbut ma' nfiq fuq l-armi;
5. Jappoġġa l-awditi tad-dejn kollha mwettqa miċ-ċittadini bl-għan tal-identifikazzjoni u l-kanċellazzjoni bla kundizzjonijiet tad-dejn odjuż u illeġittimu kollu; jirrifjuta, għal dan il-għan, l-iskambji jew il-konverżjonijiet kollha ta' dejn użati biex jinħbew tali fondi; huwa tal-fehma li l-gvernijiet għandhom jitolbu wkoll lill-kredituri tagħhom biex jieħdu responsabbiltà għall-azzjonijiet illeċiti tagħhom, u jitolbu kumpens għall-ħsara kkawżata; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fit-Tramuntana biex jinvolvu ruħhom f'tali awditjar tad-dejn, kif għamlu n-Norveġja u l-Ekwador fl-2006;
6. Jitlob is-sospensjoni immedjata ta' ħlasijiet lura ta' dejn lill-UE mit-Tuneżija u mill-Eġittu (bl-imgħax iffriżat), u l-awditjar ta' dak id-dejn, li fih is-soċjetà ċivili trid tiġi involuta, billi huwa l-uniku mod biex jiġi żvelat għalxiex issellfu l-flus, u biex jiġu żvelati ċ-ċirkustanzi li fihom il-kuntratti ta' self ġew iffirmati, il-kundizzjonijiet stabbiliti u l-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tagħhom; jissottolinja l-importanza tal-awditjar ta' tali dejn, billi dan jippermetti kemm li jiġi identifikat is-sehem illeġittimu tad-dejn Tuneżin u Eġizzjan kif ukoll li jiġi evitat ċiklu ġdid ta' dejn illeġittimu u insostenibbli, filwaqt li jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-kredituri Ewropej u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li fihom l-Istati Membri tal-UE għandhom rwol preponderanti;
7. Itenni s-solidarjetà tiegħu mat-taqbidiet u r-rewwixti popolari fl-Afrika ta' Fuq, fil-Lvant Nofsani u fil-Peniżola Għarbija għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u għal-libertà u d-demokrazija;
8. Jirrimarka li dawk ir-rewwixti enfasizzaw il-falliment tal-PEV u l-ħtieġa urġenti għal reviżjoni tal-politika esterna tal-UE; jitlob lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid ta' relazzjonijiet ma' dawn il-pajjiżi u r-reġjuni abbażi tan-nonintervent fl-affarijiet interni tagħhom u tar-rispett għas-sovranità tagħhom, u bl-għan tal-appoġġ tal-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u tal-promozzjoni tal-impjieg u l-edukazzjoni, pjuttost milli abbażi ta' "ftehimiet ta' assoċjazzjoni" li jservu l-aktar biex jiġu stabbiliti żoni ta' kummerċ ħieles ta' benefiċċju għall-interessi tal-kumpaniji Ewropej;
9. Jopponi bil-qawwa l-kundizzjonijiet marbuta mas-self tal-FMI, billi dawn jikkontribwixxu għall-peġġorament tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-ħaddiema u tal-livelli l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà, b'mod partikolari n-nisa, li r-rwol tagħhom kien deċiżiv fit-tranżizzjoni demokratika f'dawn il-pajjiżi;
10. Itenni l-kundanna tiegħu tal-intervent militari fil-Libja mmexxi minn Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada taħt il-patroċinju tan-NATO; jenfasizza li għad fadal ħafna biex il-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali li wasslu għall-mobilizzazzjoni popolari kontra r-reġim ta' Muammar Gaddafi jiġu solvuti; huwa preokkupat ukoll dwar il-qasma ekonomika u politika attwali tal-pajjiż, li qed taggrava s-sitwazzjoni fraġli tal-popolazzjoni, u jirriafferma l-appoġġ tiegħu għad-dritt inaljenabbli tal-popli li jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' pajjiżhom u kontroll fuqhom;
11. Iqis ir-reġim tal-Marokk bħala wieħed korrott u repressiv, u simili għar-reġimi ta' Mubarak u Ben Ali; jappoġġa l-moviment tan-nisa Marokkini li qed jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet mikrofinanzjarji abbużivi ffinanzjati mill-FMI; itenni li s-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent qatt ma ġiet rikonoxxuta mid-dritt internazzjonali; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jissospendu l-ftehim ta' assoċjazzjoni bej l-UE u r-Renju tal-Marokk, flimkien mal-Istatus Avvanzat mogħti lill-Marokk, sakemm ir-Renju jikkonforma mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari mar-riżoluzzjonijiet tan-NU li jitolbu li jsir referendum dwar l-awtodeterminazzjoni fis-Saħara tal-Punent kif ukoll l-ikkompletar tal-proċess ta' dekolonizzazzjoni, biex b'hekk tintemm l-okkupazzjoni mill-Marokk;
12. Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv ta' armi bejn Stati Membri tal-UE u l-Libja, l-Eġittu u reġimi repressivi oħra bħal dawk tal-Marokk, il-Baħrejn u l-Arabja Sawdija;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Eġittu, tat-Tuneżija, tal-Libja u tal-Marokk.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0201.