Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0199/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0199/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

20.5.2013 - (2013/2611(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0199/2013

Proċedura : 2013/2611(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0199/2013
Testi mressqa :
B7-0199/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0199/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

(2013/2611(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rifuġjati li jaħarbu minn kunflitt armat,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' April 2013 tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta' Mejju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni",

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) tat-3 ta' Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-AĠNU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sirja tat-22 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2042(2012) u Nru 2043(2012) tal-21 ta' April 2012,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) tat-2 ta' Diċembru 2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija tas-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja, ippreżentat lill-UNHCR fit-23 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar is-sanzjonijiet kontra s-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li tiegħu s-Sirja hija stat kontraenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-inkwiet u t-tixrid tad-demm fis-Sirja issa daħlu fit-tielet sena;

B.  billi l-għadd totali ta' rifuġjati Sirjani reġistrati issa huwa kwotat li jaqbeż il-1.2 miljun ruħ;

C. billi huma madwar 212 000 ir-rifuġjat Sirjani li għadhom qed jistennew li jiġu rreġistrati mill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti;

D. billi huwa stmat li se jkun hemm sa 3.5 miljun rifuġjat Sirjan sal-aħħar tal-2013, u se jkun hemm 6.5 miljun ruħ li jkunu jeħtieġu għajnuna umanitarja fil-pajjiż;

E.  billi l-President Assad injora l-għadd kbir ta' sejħiet mill-komunità internazzjonali biex itemm il-vjolenza tal-waħx fis-Sirja;

F.  billi l-Kummissarju Għoli sostna li l-kunflitt tas-Sirja huwa ħafna aktar minn kriżi umanitarja u li hemm ir-riskju li jinxtered madwar ir-reġjun u li jispiċċa f'diżastru politiku, ta' sigurtà u umanitarju li jegħleb kompletament il-kapaċità internazzjonali ta' rispons;

G. billi t-tliet pajjiżi li huma milquta b'mod l-aktar drammatiku mill-kunflitt u mill-fluss ta' rifuġjati huma l-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija;

H. billi t-Turkija pprovdiet USD 750 miljun f'għajnuna diretta lil aktar minn 300 000 rifuġjat;

I.   billi l-Libanu laqgħet l-akbar għadd ta' rifuġjati Sirjani, li dalwaqt se jkunu jagħmlu kwart tal-popolazzjoni tiegħu;

J.   billi r-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati stmat li aktar minn 600 000 tifel u tifla huma rifuġjati fis-subreġjun;

K. billi eluf ta' Sirjani qed jaħarbu ta' kuljum lejn il-pajjiżi ġirien biex ifitxxu sikurezza u protezzjoni, iżda xorta jsibu rwieħhom f'qagħda vulnerabbli fil-kampijiet tar-rifuġjati;

L.  billi l-inkwiet ċivili u r-ripressjoni brutali tal-poplu Sirjan mill-awtoritajiet Sirjani wasslu lill-pajjiż fi stat ta' kważi gwerra ċivili totali u li hija nnifisha għandha r-riskju li tinfirex f'kunflitt reġjonali usa';

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja fis-Sirja u l-implikazzjonijiet għall-pajjiżi ġirien; jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba li r-rata tal-eżodu tar-rifuġjati mis-Sirja qed tkompli tikber;

2.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tingħaqad billi tagħti l-għajnuna kollha possibbli biex tappoġġja lil dawk li ġew maqlugħa minn arthom minħabba l-kunflitt li għaddej fis-Sirja, u lill-pajjiżi ġirien, NGOs u organizzazzjonijiet oħrajn li jagħtu dak l-appoġġ;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza minn dawk kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja;

4.  Jiddeplora kull użu ta' vjolenza, intimidazzjoni u tortura, ġejja minn fejn tkun ġejja, kontra rġiel, nisa u tfal fis-Sirja, u kontra dawk li jaħdmu biex jagħtu għajnuna umanitarja u medika;

5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tirdoppja l-isforzi tagħha fil-kontribut għar-rispons umanitarju għall-kriżi tar-rifuġjati, inkluż permezz tal-għoti ta' provvisti tal-ikel, ilma u mediċini;

6.  Jesprimi tħassib għall-konsegwenzi għar-reġjun usa' f'termini ta' sigurtà u stabilità, tal-kunflitt li għaddej fis-Sirja u l-kriżi umanitarja u tar-rifuġjati;

7.  Jappella lill-atturi kollha fis-Sirja sabiex jaderixxu mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u jimpenjaw ruħhom biex iġibu l-kunflitt fi tmiem paċifiku;

8.  Ifaħħar ir-rispons tal-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien fl-għoti ta' appoġġ umanitarju lir-rifuġjati Sirjani; jirrikonoxxi li l-għoti ta' dan l-appoġġ xeħet pressjonijiet ulterjuri fuq is-servizzi u l-baġits eżistenti f'dawk il-pajjiżi; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja lil dawk il-pajjiżi milquta;

9.  Jinnota li l-President Assad, bħala l-kap kostituzzjonali u legali tal-istat Sirjan, għandu r-responsabilità aħħarija għall-azzjonijiet kollha meħuda mill-forzi armati; iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi ċ-ċaħda tar-reġim tiegħu mill-poplu Sirjan u biex iwarrab fl-aħjar interessi ta' pajjiżu u tal-għaqda tal-poplu tiegħu;

10. Jaqsam it-tħassib tiegħu ma' dak muri mis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza li n-nies komuni qed iħallsu l-prezz talli l-kunflitt ma nġiebx fi tmiemu;

11. Jesprimi tħassib serju għall-fatt li l-ġlied, il-vjolenza, l-inkursjonijiet u inċidenti oħrajn ta' sigurtà faru mill-fruntieri Sirjani għall-pajjiżi ġirien, u għall-konsegwenzi li dan iħalli għal dawk li jaħarbu mill-kunflitt tas-Sirja kif ukoll għar-residenti ta' dawk il-pajjiżi ġirien;

12. Ifaħħar lill-Ġordan, lil-Libanu, lit-Turkija u lill-Iraq tal-ġenerożità tagħhom li joffru kenn vitali lil dawk li qed jaħarbu mis-Sirja; u, filwaqt li jagħraf il-pressjoni li dan kollu qed ikollu fuq ir-riżorsi tagħhom, iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien ikomplu jżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa;

13. Jistieden lill-partijiet kollha fis-Sirja jiżguraw li l-aġenziji umanitarji jkunu jistgħu jwasslu l-għajnuna li ssalva l-ħajjiet b'mod effettiv, sikur, sħiħ u mingħajr ebda impediment b'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali; jirrikonoxxi li dan se jtaffi l-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi ġirien li fihom ir-rifuġjati Sirjani qed imorru biex jaħarbu mill-kunflitt;

14. Jinnota l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali Konġunt Brahimi biex ifittex li jkun hemm soluzzjoni paċifika għall-kunflitt Sirjan;

15. Jirrikonxxi l-ħtieġa urġenti li l-isforzi internazzjonali u reġjonali jkunu ffukati sabiex tissolva l-kriżi Sirjana; jibqa' jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) ikomplu jħaddnu r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi Sirjana; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha attivi fil-promozzjoni ta' soluzzjoni għall-kriżi sabiex jappoġġjaw dawn l-isforzi; jemmen li dan il-proċess għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji inklużi fid-dikjarazzjoni ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u fuq ir-Riżoluzzjoni 2042 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

16. Jilqa' l-fatt li l-UE impenjat kważi EUR 800 miljun f'għajnuna umanitarja u mhux umanitarja lis-Sirjani fis-Sirja u barra mis-Sirja; jinnota li l-UE hija l-akbar donatur umanitarju għall-kriżi Sirjana;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja.