Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0224/2013/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0224/2013/REV1

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kundizzjonijiet ta' ħidma u l-istandards ta' saħħa u sikurezza b'segwitu għan-nirien f'fabbriki u t-tiġrif ta' bini li seħħew dan l-aħħar fil-Bangladexx

    20.5.2013 - (2013/2638(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Thomas Mann, Mairead McGuinness, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Roberta Angelilli, Tokia Saïfi, Philippe Boulland, Ivo Belet f'isem il-Grupp PPE

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0223/2013

    Proċedura : 2013/2638(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0224/2013
    Testi mressqa :
    B7-0224/2013
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B7‑0224/2013

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundizzjonijiet ta' ħidma u l-istandards ta' saħħa u sikurezza b'segwitu għan-nirien f'fabbriki u t-tiġrif ta' bini li seħħew dan l-aħħar fil-Bangladexx

    (2013/2638(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta’ Jannar 2013[1], tas-6 ta’ Settembru 2007[2] u tal-10 ta’ Lulju 2008[3],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[4] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[5],

    –   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[6],

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-30 ta' April 2013 mill-VP/RGħ Catherine Ashton u mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht,

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

    –   wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (2006, C‑187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (1981, C‑155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R‑197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C‑081), li l-Bangladexx hu firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R‑164),

    –   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C‑081), li l-Bangladexx u l-Pakistan huma firmatarji tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R‑164),

    –   wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem,

    –   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

    –   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' livell għoli li saret mill-ILO fil-Bangladexx bejn l-1 u l-4 ta' Mejju 2013,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A. billi r-relazzjonijiet li l-UE għandha mal-Bangladexx huma tajbin u ilhom jeżistu, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, u billi l-UE hi s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Bangladexx

    B.  billi l-Pjan ta' Azzjoni Tripartitiku Nazzjonali dwar is-sikurezza kontra n-nirien għas-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu fil-Bangladexx, ta' Marzu 2013, jipprovdi pjattaforma għall-koordinament għal dawk il-persuni interessati li jixtiequ jibdew iwettqu attivitajiet ta' promozzjoni addizzjonali rigward is-sikurezza kontra n-nirien;

    C. billi l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ħwejjeġ hija wieħed mis-sorsi ta' dħul l-iktar importanti għall-ekonomija tal-Bangladexx, li annwalment jammonta għal madwar EUR 15,3 biljun;

    D. billi hemm aktar minn 5 000 fabbrika tat-tessuti fil-Bangladexx, li jimpjegaw madwar 3,5 miljun persuna;

    E.  billi, nhar l-24 ta' April 2013, meta ġġarraf il-bini Rana Plaza f'Savar, fuq barra ta' Daka, fejn kien hemm diversi fabbriki tal-ħwejjeġ, mietu 1 127 persuna u weġġgħu aktar minn 2 500.

    F.  billi l-bini li ġġarraf kien mibni illegalment u ma kienx jissodisfa l-istandards ta' sikurezza;

    G. billi anke l-fatt li l-ħaddiema ntbagħtu lura fil-bini minn sidien il-fabbrika wara li kienu dehru xi xquq fil-bini fil-ġurnata qabel iġġarraf żied b'mod gravi r-rata għolja ta' mwiet;

    H. billi ftit jiem wara, nhar it-8 ta' Mejju, nar fil-fabbrika tal-ħwejjeġ Tung Hai, fid-distrett ta' Mirpur f'Daka, ħalla tmien persuni mejta;

    I.   billi, nhar l-24 ta' Novembru 2012, nar fil-fabbrika Tazreen, fabbrika tal-ħwejjeġ fiż-żona industrijali ta' Ashulia f'Daka, ħalla mill-inqas 112-il persuna mejta, filwaqt li 200 oħra ndarbu fl-inċident;

    J.   billi, minkejja li inkjesta uffiċjali kkonkludiet li r-raġuni għan-nar ta' Tazreen kienet att ta’ sabotaġġ, ir-rata għolja ta' mwiet kienet ikkawżata minn miżuri ta’ sikurezza inadegwati, fosthom affollament eċċessiv, minn nuqqas ta' punti ta' ħruġ ta' emerġenza u mill-fatt li l-passaġġi ta’ ħruġ eżistenti kienu msakkra, kif ukoll minħabba reazzjoni difettuża għall-emerġenza fil-livell maniġerjali;

    K. billi, għalkemm kumitat ta' inkjesta governattiv iffurmat mill-Ministeru għall-Intern u l-Kumitat Parlamentari Permanenti fil-Ministeru għax-Xogħol wasal għall-konklużjoni li sid il-fabbrika Tarzeen għandu jiġi akkużat f'qorti kriminali b'negliġenza li ma tistax tinħafer, qatt ma ġie arrestat; billi tressqet petizzjoni fil-Qorti Superjuri ta' Bangladexx nhar it-28 ta' April 2013 li takkuża lill-awtoritajiet b'inattività u li titlob l-arrest tiegħu;

    L.  billi, fl-erba' ġimgħat wara n-nar ta' Tazreen, seħħew 17-il każ ieħor ta’ nirien kbar fil-fabbriki tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fil-Bangladexx;

    M. billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-fabbriki tal-Bangladexx ta' spiss ikunu ħżiena, bi ftit jew l-ebda infurzar tal-liġijiet dwar is-sikurezza, affollament eċċessiv u salvagwardji minimi kontra n-nirien u l-inċidenti industrijali, kif ukoll restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni u livelli ta' paga inumani;

    N. billi, kull sena, imutu mijiet ta’ ħaddiema f’inċidenti simili madwar il-Bangladexx u n-Nofsinhar tal-Asja;

    1.  Jesprimi n-niket profond tiegħu għall-imwiet li seħħew dan l-aħħar fil-bini li ġġarraf u n-nirien fil-fabbriki; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk li ndarbu kif ukoll lill-familji ta' dawk li mietu;

    2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jiżviluppa minnufih regoli effikaċi għas-sikurezza kontra n-nirien u għas-sikurezza tal-bini, bi qbil mal-istandards tal-ILO, u jiżgura sussegwentement li dawn jiġu inforzati b'mod strett u effikaċi mill-manifatturi lokali;

    3.  Jilqa' l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx li ntlaħaq bejn għadd ta’ trejdunjins, organizzazzjonijiet mhux governattivi u bejjegħa multinazzjonali ta' tessuti, li jinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti u trasparenti mmirati lejn it-titjib tal-istandards ta' sikurezza fis-siti ta' produzzjoni u li fih jaċċettaw li jħallsu għall-miżuri ta' dan it-tip, b'mod partikolari billi tiġi stabbilita sistema ta' ispezzjoni indipendenti u billi jingħata appoġġ attiv għall-ħolqien ta' Kumitati għas-Saħħa u s-Sikurezza li jinvolvu r-rappreżentanzi tal-ħaddiema f'kull fabbrika, li huma obbligatorji skont il-liġi imma rarament ikunu operattivi; jistieden lid-ditti rilevanti kollha fil-qasam tat-tessuti jingħaqdu ma' dan l-isforz;

    4.  Jistieden lin-negozji kollha, b'mod speċifiku d-ditti tal-ħwejjeġ, li jikkuntrattaw jew jissubkuntrattaw ċertu xogħol lil fabbriki fil-Bangladexx u f'pajjiżi oħra biex jaderixxu bis-sħiħ mal-prattiki ta' responsabilità soċjali korporattiva rikonoxxuti internazzjonalment bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem, u biex jinvestigaw b'mod kritiku l-ktajjen ta' provvista tagħhom sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jiġu manifatturati esklużivament f'dawk il-fabbriki li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards ta' sikurezza u d-drittijiet tax-xogħol;

    5.  Jistieden lid-ditti tal-ħwejjeġ internazzjonali ewlenin jikkooperaw mas-subkuntratturi tagħhom sabiex itejbu l-istandards tas-saħħa okkupazzjonali, is-sikurezza u x-xogħol; jistieden lill-bejjiegħa, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-atturi l-oħra kollha involuti, inkluż, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni, jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw standard ta’ tikkettar soċjali volontarju li jiċċertifika li prodott ikun ġie manifatturat b’konformità mal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO;

    6.  Jistenna li min hu responsabbli għal negliġenza kriminali u min għandu responsabilità kriminali mod ieħor fir-rigward tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza, in-nar fil-fabbrika Tazreen u n-nirien l-oħra kollha jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jistenna li l-awtoritajiet lokali u d-diriġenzi tal-fabbriki jikkooperaw sabiex jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-sistema ġudizzjarja għall-vittmi kollha, b'mod li jippermettilhom jirrikjedu kumpens; jistenna li l-bejjiegħa multinazzjonali ta' tessuti li kienu qed jipproduċu f'dawn il-fabbriki jiġu involuti fl-istabbiliment ta' pjan ta' kumpens finanzjarju; jilqa' l-passi li diġà ttieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx bħala appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom;

    7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tuża l-istrumenti tal-politika kummerċjali tagħha, anke permezz tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati, biex tinkoraġġixxi l-infurzar tal-istandards ta' sikurezza internazzjonali u tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, kif ukoll l-iżvilupp ta' pagi minimi settorjali diċenti fil-Bangladexx;

    8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.