Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0225/2013/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0225/2013/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx

20.5.2013 - (2013/2638(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Phil Bennion, Leonidas Donskis, Marielle de Sarnez, Sonia Alfano, Edward McMillan-Scott, Jean-Luc Bennahmias f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0223/2013

Proċedura : 2013/2638(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0225/2013
Testi mressqa :
B7-0225/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0225/2013/REV

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx

(2013/2638(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Bini u kontra n-Nar fil-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–   wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli[3],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2004 bl-isem 'Id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni – Il-kontribut tal-politika tal-UE dwar l-estensjoni tal-benefiċċji għal kulħadd' (COM(2004)0383),

–   wara li kkunsidra l-Kampanja Ħwejjeġ Nodfa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi terz mill-150 miljun persuna tal-Bangladexx jgħixu f'faqar estrem;

B.  billi l-ħwejjeġ jirrappreżentaw 80 % mill-valur tal-esportazzjoni annwali tal-Bangladexx li hu EUR 19 biljun;

C. billi hemm aktar minn 5,000 fabbrika tat-tessuti fil-Bangladexx, li jimpjegaw madwar 3.5 miljun ruħ, li jagħmlu l-Bangladexx it-tieni l-akbar esportatur ta' ħwejjeġ lesti fid-dinja, biċ-Ċina biss akbar minnu;

D. billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjoni għall-ħwejjeġ u l-prodotti tat-tessuti mill-Bangladexx;

E.  billi mill-inqas 112-il persuna mietu fin-nirien tal-fabbrika ta’ Tazreen, fid-distrett Ashulia f’ Daka fl-24 ta’ Novembru 2012; billi 8 persuni mietu f'nar f'fabbrika f'Daka fit-8 ta' Mejju 2013; u billi huwa stamat li madwar 600 ħaddiem ta' fabbriki tal-ħwejjeġ mietu f'nirien fil-fabbriki fil-Bangladexx biss mill-2005 ’l hawn u qabel it-traġedja ta’ Rana Plaza;

F.  billi l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti, ftehim magħmul minn għaxar prinċipji li jorbtu lill-kumpaniji u li dawn jintegraw fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom fuq bażi volontarja, jitlob lill-korporazzjonijiet biex iħaddnu, jappoġġjaw u jadottaw, fl-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri ewlenin fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards ewlenin tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

1.  Jesprimi n-niket tiegħu dwar it-telf traġiku ta' 1,127 ħajja kkawżat mill-kollass li setgħa jiġi evitat tal-bini Rana Plaza f'Daka; jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lil dawk li ndarbu, u jikkundanna l-atturi differenti responsabbli talli naqsu milli jevitaw telf kbir ieħor ta' ħajjiet;

2.  Jenfasizza li tali inċidenti jenfasizzaw traġikament in-nuqqas ta' standards ta' sikurezza fis-siti ta' produzzjoni u juru li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex titjieb l-implimentazzjoni tal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tiżdied l-osservanza tal-prinċipji ta' responsabilità soċjali korporattiva min-naħa tal-kumpanijiet multinazzjonali tal-bejgħ tat-tessuti;

3.  Jilqa' l-fatt li għadd ta' kumpaniji tal-bejgħ iffirmaw il-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx, li jinvolvi spezzjonijiet indipendenti, kumitati ta' saħħa u sikurezza mmexxija mill-ħaddiema u aċċess għall-fabbriki mill-unjonijiet sindikalisti, imma jiddispjaċih dwar il-fatt li kien hemm bżonn traġedja biex tittieħed tali azzjoni;

4.  Iħeġġeġ bis-saħħa lil dawk il-kumpaniji li rrifjutat li jiffirmaw il-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom u jiffirmaw il-ftehim mingħajr dewmien;

5.  Ifakkar li l-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva hija objettiv appoġġjat mill-Unjoni Ewropea, u li l-Kummissjoni hi tal-fehma li l-Unjoni għandha tiżgura li l-politiki esterni li timplimenta jagħtu kontribut ġenwin għall-iżvilupp sostenibbli u għall-iżvilupp soċjali tal-pajjiżi kkonċernati, u li l-azzjonijiet tal-korporazzjonijiet Ewropej, kulfejn jinvestu u joperaw, ikunu konformi mal-valuri Ewropej u n-normi miftiehma f’livell internazzjonali;

6.  Jemmen li l-Ftehim dwar is-sikurezza huwa l-ewwel pass, imma li huma meħtieġa azzjonijiet iktar deċiżivi biex ikun jista' jkun hemm tibdil storiku fl-industrija tat-tessuti fil-Bangladexx; jitlob li l-Ftehim jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun; ifakkar li l-Bangladexx mhux l-uniku pajjiż li qed iħabbat wiċċu ma' tali traġedji, u jemmen li l-bejjiegħa għandu jkollhom strateġija internazzjonali koerenti dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva;

7.  Jistieden lid-ditti internazzjonali l-kbar tal-ħwejjeġ jinvestigaw b'mod kritiku l-ktajjen ta' provvista tagħhom, jikkooperaw mas-sottokuntratturi tagħhom sabiex itejbu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u jiżguraw li jiġi applikat livell għoli ta' standards ta' sikurezza fil-produzzjoni tal-merkanzija esportata mill-Bangladexx;

8.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Gvern tal-Bangladexx naqas milli jinforza r-regolamenti dwar il-binjiet nazzjonali; jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet ġudizzjarji relevanti jinvestigaw dwar l-allegazzjonijit li dawk ir-regolamenti ma ġewx implimentati minħabba kollużjoni bejn uffiċjali korrotti u s-sidien li provaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jimplimenta l-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx, b'mod proattiv u b'effett immedjat, u b'mod partikolari billi jgħin biex il-ħaddiema jiġu edukati dwar kif jistgħu jħarsu d-drittijiet tagħhom u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirrifjutaw xogħol mhux sikur;

10. Jitlob lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta' inizjattivi relatati; hu tal-fehma li jekk isir progress mhux sodisfaċenti, l-Unjoni Ewropea għandha tqis x'miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu biex tgħin biex tiġi ffaċilitata l-azzjoni, inkluża l-possibilità ta' restrizzjonijiet kummerċjali speċifiċi, pereżempju permezz tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati, li permezz tagħha l-Bangladexx attwalment jirċievi aċċess bla dazji u bla kwoti għas-suq tal-UE taħt l-iskema 'Kollox ħlief Armi', sabiex jinħolqu inċentivi għall-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen ta' provvista li jinvolvu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi attivament imġiba kummerċjali responsabbli fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra , b'enfasi speċjali fuq l-iżgurar ta' ottemperanza stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom, b'mod partikolari mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jinnota li l-kumpaniji li jużaw ir-responsabilità soċjali korporattiva bħala għodda għall-kummerċjalizzazzjoni għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li kwalunkwe lment li jsir ikun eżatt;

12. Jistieden lill-kumpaniji multinazzjonali, il-bejjiegħa, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-atturi l-oħra kollha involuti, inkluża, meta xieraq, il-Kummissjoni, jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw standard ta’ tikkettar li jiżgura li l-prodotti ttikkettati ġew manifatturati b’konformità mal-istandards tax-xogħol ċentrali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u biex isaħħu l-kontrolli tal-konformità ma' tali tikketti; jinnota li dan jiżgura wkoll li l-konsumaturi jiġu provduti b'iktar informazzjoni dwar il-manifattura ta' prodott;

13. Jiddispjaċih dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta għal regolament dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini għal ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza tal-proposta bħala mezz biex jingħata valur lill-produzzjoni ta' kwalità għolja u l-istandards ambjentali u soċjali;

14. Jilqa' r-riformi riċenti mibdija mill-Gvern tal-Bangladexx, inkluża d-deċiżjoni li ilha mistennija ħafna, bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni Tripartitiku, li jippermetti li l-4 miljun ħaddiem fis-settur tal-ħwejjeġ tal-pajjiż jifformaw unjonijiet sindikalisti mingħajr il-permess ta' sidien il-fabbriki;

15. Jilqa' l-proposta tal-imsieħba Tripartitiċi fir-rigward tal-pakkett ta' riforma tal-liġi tax-xogħol, valutazzjoni tal-istandards tas-sikurezza strutturali tal-bini u tas-sikurezza kontra n-nirien fil-fabbriki tal-ħwejjeġ attivi kollha fil-Bangladexx, li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2013, u l-firxa ta' miżuri immedjati, bħar-rilokazzjoni tal-fabbriki mhux sikuri; jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' tali proposti;

16. Jappoġġja l-imsieħba Tripartitiċi fit-talba tagħhom lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex tnedi programm ta' ħiliet u taħriġ għall-ħaddiema midruba wara t-traġedji fil-kumpaniji Tazreen Fashions Ltd, Smart Export Garments u Rana Plaza;

17. Jiddispjaċih li l-Bangladexx s'issa rrifjuta li jiffirma l-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv jew il-Konvenzjonijiet 29 u 105 dwar il-ġlieda kontra x-xogħol sfurzat u t-tneħħija tiegħu;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Bangladexx u l-Pakistan u lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.