Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0226/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0226/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

20.5.2013 - (2013/2611(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Mairead McGuinness, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Ria Oomen-Ruijten, Mário David, Tokia Saïfi, Hans-Gert Pöttering, Giovanni La Via, Laima Liucija Andrikienė, Filip Kaczmarek, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Michèle Striffler, Alf Svensson, Anne Delvaux, Roberta Angelilli, Daniel Caspary, Sari Essayah, Mariya Gabriel, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0199/2013

Proċedura : 2013/2611(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0226/2013
Testi mressqa :
B7-0226/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0226/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

(2013/2611(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tal-2011, l-2012 u l-2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-2011, l-2012 u l-2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar is-Sirja mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar is-Sirja mill-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, skont stima tan-NU, mill-bidu tat-trażżin vjolenti ta' dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, inqatlu tal-inqas 80 000 ruħ li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu ċivili; billi l-vjolenza estrema, bħall-użu tal-artillerija ta' kalibru kbir u l-bumbardamenti fuq żoni popolati, u l-qtil orribbli mill-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-ġellieda Shabiha, kif ukoll minn diversi forzi tal-oppożizzjoni, żdiedu kontinwament;

B.  billi l-militarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-Sirja jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni ċivili tagħha, li diġà qed taffaċċja sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora rapidament, u tkompli taffettwa wkoll ir-reġjun usa', b'mod partikolari l-Ġordan u l-Libanu, f'termini ta' sigurtà u stabbiltà, b'implikazzjonijiet u konsegwenzi imprevedibbli;

C. billi f'Mejju 2013 aktar minn 1.2 miljun persuna mis-Sirja ġiet irreġistrata bħala rifuġjat fir-reġjun, u aktar minn 230 000 persuna qed tistenna r-reġistrazzjoni; billi hemm aktar minn 462 000 rifuġjat fil-Libanu u aktar minn 460 000 fil-Ġurdan, kif ukoll hemm aktar minn 320 000 fit-Turkija u aktar minn 145 000 fl-Iraq, u aktar minn 66 000 fl-Eġittu; billi l-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jipprevedi total ta' 3.5 miljun rifuġjat mis-Sirja sal-aħħar tal-2013;

D. billi l-influss kontinwu tar-rifuġjati mis-Sirja qed iżid il-piż fuq il-pajjiżi ġirien u qed iżid it-tensjonijiet f'ċerti żoni;

E.  billi huwa stmat li 6.5 miljun persuna hija affettwata mill-vjolenza fis-Sirja u tinħtieġ għajnuna umanitarja; billi huwa stmat ukoll li 4 250 000 persuna ġiet spustata ġewwa s-Sirja;

F.  billi r-rifuġjati li jgħixu fis-Sirja (ta' oriġini Palestinjana, Iraqina, Afgana, Somali u Sudaniża) qed isiru aktar vulnerabbli; billi l-Palestinjani b'mod partikolari qed jinġibdu fil-kunflitt;

G. billi l-Pjan ta' Rispons Reġjonali tas-Sirja jfassal ir-rispons konġunt tal-55 aġenzija mdaħħla fl-għajnuna tar-rifuġjati Sirjani ġewwa ħames pajjiżi u għandu erba' oqsma ta' prijorità: il-protezzjoni, ir-rispons għall-emerġenza, l-għajnuna għal rifuġjati mhux tal-kampijiet u t-tħejjija għall-emerġenzi;

H. billi fit-22 ta' April 2013, l-ammont total ta' għajnuna umanitarja impenjat mill-UE bħala rispons għall-kriżi Sirjana kien kważi €473 miljun, inklużi €200 miljun mill-UE nnifisha u kważi €273 miljun mill-Istati Membri; billi fit-12 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni ħabbret iffinanzjar addizzjonali ta' €65 miljun; billi l-UE hija bil-kbir l-akbar donatur;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' vjolenza indiskriminata mill-awtoritajiet Sirjani kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, b'mod partikolari l-qtil immirat fuq it-tfal u n-nisa u l-eżekuzzjonijiet tal-massa fil-villaġġi; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità awtorizzati u/jew imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-milizji affiljati; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim tal-President Assad;

2.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Sirjan li qed jiġġieled għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija, u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom;

3.  Itenni l-istedina tiegħu lill-atturi armati kollha sabiex jieqfu minnufih mill-vjolenza fis-Sirja; jistieden lill-Gvern Sirjan jirtira l-armata Sirjana minn bliet assedjati bla dewmien, u jeħles minnufih id-dimostranti detenuti kollha, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti; jitlob li ssir tranżizzjoni politika paċifika u ġenwina mmexxija mis-Sirjani lejn demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi u l-komponenti demokratiċi kollha fis-soċjetà Sirjana, bl-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika dettaljat, li tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata rikonċiljazzjoni nazzjonali u li tkun impenjata favur l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi, kulturali u oħrajn;

4.  Jappoġġja s-sejħa konġunta magħmula mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov biex iniedu, kemm jista' jkun malajr, konferenza tal-paċi internazzjonali dwar is-Sirja bħala segwitu għall-Konferenza ta' Ġinevra ta' Ġunju 2912;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jippermettu l-għoti rapidu ta' għajnuna umanitarja u aċċess sħiħ lill-organizzazzjonijiet umanitarji, u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' waqfiet umanitarji li jippermettu l-forniment sikur ta' għajnuna umanitarja; jerġa' jenfasizza li d-dritt umanitarju internazzjonali jrid jitħares bis-sħiħ minn dawk kollha involuti fil-kriżi; jistieden lill-partijiet kollha involuti jipproteġu ċ-ċivili, jippermettu aċċess sħiħ u mhux imfixkel għall-ikel, ilma u elettriku, u jieqfu milli jużaw il-forom kollha ta' intimidazzjoni u vjolenza kontra l-pazjenti, it-tobba, il-ħaddiema tas-saħħa u l-ħaddiema tal-għajnuna medika; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iwasslu għajnuna umanitarja lill-poplu tas-Sirja minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet kollha;

6.  Jilqa' t-tnedija f'Marzu 2013 min-NU ta' investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet tal-użu possibbli ta' armi kimiċi fis-Sirja;

7.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol ta' persuni involuti reġjonali differenti, inkluż fil-forniment ta' armi, u huwa preokkupat dwar l-effetti sekondarji tal-kunflitt Sirjan fil-pajjiżi ġirien; jikkundanna bil-qawwa l-attakk tal-bomba fil-karozza fil-11 ta' Mejju 2013 li qatlet u darbet tużżani ta' persuni ħdejn bażi tar-rifuġjati Sirjana fil-belt ta' Reyhanli, fil-provinċja ta' Hatay fix-Xlokk tat-Turkija;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 li temenda miżuri restrittivi kontra s-Sirja sabiex jiġu provduti appoġġ mhux letali u għajnuna teknika akbar għall-protezzjoni taċ-ċivili; jistieden lis-SEAE jipprovdi ħarsa dettaljata tal-kompożizzjoni tal-oppożizzjoni Sirjana, billi jindika liema partijiet tal-oppożizzjoni huma l-aktar marbutin mal-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u għalhekk liema jkunu l-aktar xierqa bħala benefiċjarji tal-appoġġ Ewropew;

9.  Ifaħħar l-isforzi kontinwi tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja biex jospitaw u jagħtu għajnuna umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja u jitlob aktar appoġġ u għajnuna internazzjonali f'dan il-kuntest; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jinstab rispions sostenibbli għall-kriżi umanitarja kemm fis-Sirja kif ukoll fost ir-rifuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi tal-viċinat; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat jibqgħu jagħtu protezzjoni lir-rifuġjati mis-Sirja u lill-persuni spustati u biex jieqfu, skont l-obbligi internazzjonali tagħhom, milli jkeċċu u jirritornaw lil dawn il-persuni fis-Sirja; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mas-Salib l-Aħmar; jilqa' t-tħejjija tal-UE biex toffri appoġġ addizzjonali, inklużi riżorsi finanzjarji, biex jiġu megħjuna l-pajjiżi ġirien ħalli jospitaw in-numru dejjem jikber ta' rifuġjati mis-Sirja;

10. Jinnota li l-affollament tal-kampijiet tar-rifuġjati fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja qed jiżdied, li qed jitfa' piż kbir fuq is-sanità u qed jikkontribwixxi għat-tfaqqigħ ta' mard u tensjonijiet; jenfasizza li huwa importanti li jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet tar-rifuġjati li jgħixu ġewwa u barra l-kampijiet;

11. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi tat-23 ta' April 2013 li "minħabba r-riskji ta' eċċess, għandna bżonn noħorġu b'pakkett komprensiv ta' miżuri biex ngħinu r-rifuġjati Sirjani u nappoġġaw il-pajjiżi ospitanti tagħhom";

12. Jilqa' l-USD 1,5 biljun mwiegħed mill-Istati Membri u oħrajn waqt il-Konferenza tad-Donaturi tal-Kuwait fit-30 ta' Jannar 2013; jinnota li dan l-iffinanzjar il-ġdid se jżid b'mod parzjali l-Pjan ta' Rispons Reġjonali tas-Sirja; iħeġġeġ lid-donaturi kollha biex jonoraw l-impenn tagħhom bis-sħiħ;

13. Jistieden lill-UE biex tappoġġja t-twaqqif ta' postijiet ta' kenn mal-fruntiera tat-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll biex jinħolqu kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali;

14. Jilqa' l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-18 ta' April 2013 dwar is-Sirja; jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari lir-Russja u ċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom biex jintemmu l-vjolenza u r-ripressjoni kontra l-poplu Sirjan, inkluż bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-KSNU bbażata fuq l-istqarrija għall-istampa tal-KSNU tat-18 ta' April 2013;; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel ħilitha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, li teżerċita pressjoni diplomatika effikaċi kemm fuq ir-Russja kif ukoll fuq iċ-Ċina; jistieden lill-UE biex tkompli tesplora fil-KSNU l-possibilitajiet kollha fil-qafas tar-Responsabilità għall-Protezzjoni (R2P), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex jgħinu lill-poplu Sirjan u jwaqqfu t-tixrid tad-demm; jitlob lill-KSNU biex tirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal investigazzjoni formali; jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u jilqa’ r-rapport aġġornat;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Libanu, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Iraq, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.