MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi
20.5.2013 - (2013/2549(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Ramona Nicole Mănescu f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0190/2013
B7‑0229/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 0248),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Alpina,
– wara li kkunsidra l-komunuikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (COM(2010)0715) u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkumpanja l-istrateġija (SEC(2009)0712/2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011, li fihom il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex ‘ikomplu jaħdmu b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar strateġiji makro-reġjonali ġejjiena potenzjali’,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (COM(2011)0611),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija magħmula lill-Kummissjoni dwar strateġika makro-reġjonali għall-Alpi (O-0016/2013 – B7‑0118/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-istrateġiji makro-reġjonali għandhom l-għan li jagħmlu użu aħjar tar-riżorsi eżistenti biex jiġu trattati kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp territorjali, jidentifikaw risponsi konġunti għal sfidi komuni u jagħtu spinta lill-effikaċja ta’ diversi politiki u sħubiji appoġġati mill-UE bejn amministrazzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
B. billi l-Kummissjoni qed tipproponi li tittejjeb il-parti transnazzjonali tal-politika ta’ kooperazzjoni territorjali u li kwalunkwe strateġija makro-reġjonali ġdida għandha tiġi inizjata fuq bażi volontarju filwaqt li tislet mill-esperjenza u mill-aħjar prattika tal-passat;
C. billi t-territorji tar-reġjun Alpin jikkondividu diversi karatteristiċi komuni, bħal pereżempju l-fatt li ż-żoni ta' muntanji għolja tagħhom huma ġeografikament uniċi, kif ukoll l-interazzjonijiet mill-qrib tagħhom mal-bliet il-kbar taċ-ċirku peri-Alpin;
D. billi l-istrateġija makro-reġjonali għall-Alpi, li għandha tkun kumparabbli għall-istrateġiji adottati mill-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u dak tad-Danubju, se toffri opportunità ta’ dimensjoni ġdida u sinifikat ikbar għall-Alpi fil-kuntest tal-UE, f’termini ta’ aċċess aħjar għall-finanzjament;
E. billi r-reġjun tal-Alpi jappartjeni lil diversi Stati Membri tal-UE kif ukoll lil pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE, u jikkostitwixxi makro-reġjun interkonness b’kapaċitajiet ekonomiċi eteroġeni, tibdil demografiku, infrastruttura tat-trasport u kwistjonijiet relatati mal-enerġija;
F. billi l-koordinament tal-politiki interni u esterni tal-partijiet konċernati kollha fir-reġjun tal-Alpi jista’ jipproduċi riżultati aħjar u valur miżjud;
G. billi l-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tikseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE kollha;
1. Jemmen li l-iżvilupp ta’ strateġiji fuq skala kbira, bħal strateġiji makro-reġjonali, għandu jgħin biex jikber ir-rwol tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, u li l-prinċipju tal-governanza b’diversi livelli għandu jkun ċentrali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-Alpi;
2. Ifakkar ir-riżultati tal-esperjenza ta’ tagħlim li joffru l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tad-Danubju rigward it-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-allokazzjoni ta’ finanzjament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni speċifiku għal din iż-żona li jqis l-iżvantaġġi strutturali li jiffaċċaw ir-reġjuni muntanjużi u joħloq il-kundizzjonijiet xierqa għat-tkabbir ekonomiku u soċjali u l-koeżjoni territorjali fir-reġjun;
3. Jenfasizza r-rwol pożittiv ta' għodod leġiżlattivi tal-UE bħalma homa r-Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT) f’relazzjoni mal-makro-reġjuni, għax dawn jipprovdu appoġġ reġjonali għal aspetti ta’ kooperazzjoni konkreti u l-iskambju tal-prattiki tajba kif ukoll għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-iżvilupp territorjali li jippermettu kooperazzjoni bejn awtoritajiet f’livelli differenti;
4. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi hi għodda effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni territorjali Ewropea fir-reġjun konċernat billi jiġi implimentat approċċ ‘bottom-up’ u billi tiżdied il-kooperazzjoni permezz ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli, u b’hekk jiġi faċilitat il-koordinament tal-politiki li jinvolvu diversi setturi;
5. Jemmen li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi trid tikkoordina l-fondi eżistenti tal-UE, b'mod partikolari taħt il-politika ta' koeżjoni, biex timplimenta proġetti li jkollhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni;
6. Jemmen li l-ambitu ġeografiku ta’ strateġija għall-Alpi jrid ikun limitat għat-territorju kopert mill-Konvenzjoni Alpina, biex b’hekk issir distinzjoni mir-reġjun extra-Alpin, li jinkludi fih bliet akbar u ċentri tal-industrija;
7. Jindika li hu importanti li l-kontenut tal-istrateġija għall-Alpi jiġi allinjat mal-Konvenzjoni Alpina filwaqt li jqis il-kooperazzjoni u n-netwerking eżistenti; jemmen li d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija għandha twassal għall-iżvilupp konkret tal-idea ta’ koeżjoni territorjali;
8. Jenfasizza li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi għandha tqis il-konservazzjoni tal-użu tradizzjonali tal-art (primarjament għall-agrikultura), biex titrawwem il-bijodiversità, kif ukoll għall-konservazjoni ta’ żoni protetti eżistenti;
9. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-Artikolu 174 tat-TFUE b’mod ġenwin, permezz ta' pjan strateġiku, bil-għan li jingħelbu l-iżvantaġġi strutturali ta' territorji muntanjużi u jiġi stimulat l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;
10. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali potenzjali għall-Alpi tkun konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, u b’hekk tiżgura l-konformità mal-impenn tal-UE għal tkabbir smart, sostenibbli u inklużiv;
11. Jenfasizza li hu importanti li tiżdied, permezz ta' strateġija tali, il-kapaċità innovattiva tar-reġjun tal-Alpi, permezz tal-ħolqien ta’ sħubiji u l-kooperazzjoni bejn parteċipanti ewlenin, li ż-żgħażagħ attivi jinżammu fiż-żona, li tiġi appoġġata l-kreattività u mtejba l-kapaċità tar-reġjuni differenti fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet l-oħra relevanti.
- [1] ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 30.