Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0230/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0230/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx

20.5.2013 - (2013/2638(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0223/2013

Proċedura : 2013/2638(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0230/2013
Testi mressqa :
B7-0230/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0230/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien f'fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx

(2013/2638(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Jannar 2013[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-30 ta' April 2013 mill-VP/RGħ Catherine Ashton u minn Karel de Gucht, il-Kummissjarju għall-Kummerċ,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-ILO wara t-tiġrif tal-bini Rana Plaza, u b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' livell għoli tal-ILO fil-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra l-Qbil dwar is-Sikurezza tal-Bini u kontra n-Nar fil-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-24 ta' April 2013 il-bini ta' tmien sulari Rana Plaza, li jinsab f'Savar, qrib Daka, iġġarraf u ħalla mill-inqas 1 127 persuna mejta, filwaqt li ħafna persuni għadhom neqsin, u madwar 2 500 persuna sfaw midruba;

B.  billi t-tiġrif tal-bini Rana Plaza huwa l-agħar diżastru industrijali li qatt seħħ fil-Bangladexx u l-falliment strutturali aċċidentali fl-istorja moderna li ħalla l-aktar persuni mejta;

C. billi l-bini kien ġie evakwat il-jum ta' qabel meta tfaċċaw xquq kbar fil-ħitan; billi fl-għodwa tat-tiġrif il-ħaddiema ma xtaqux jidħlu fil-bini, iżda jingħad li s-superviżuri qalulhom li l-bini kien sikur jew li ġew mhedda li jitilfu xogħolhom;

D. billi t-tiġrif tal-bini Rana Plaza huwa l-aħħar f'sensiela twila ta' traġedji f'bini ta' fabbriki fil-Bangladexx, inkluż in-nar fil-fabbrika Tazreen f'Novembru 2012, li fih mietu 'l fuq minn 110 persuni;

E.  billi hemm aktar minn 5 000 fabbrika tat-tessuti fil-Bangladexx, li jimpjegaw madwar 4 miljun persuna; billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjoni għall-ħwejjeġ u l-prodotti tat-tessuti esportati mill-Bangladexx;

F.  billi diversi għexieren ta' ditti internazzjonali tal-ħwejjeġ iffirmaw il-Qbil dwar is-Sikurezza tal-Bini u Kontra n-Nar fil-Bangladexx, li b'hekk ikopri aktar minn 1 000 fabbrika fornitriċi; billi l-Qbil jinkludi dispożizzjonijiet dwar reġim ta' spezzjonijiet kredibbli, rimedji, programm ta' taħriġ dwar is-sikurezza tal-bini u kontra n-nar, proċess ta' lmenti u klawżoli ta' appoġġ finanzjarju; billi dan daħal fis-seħħ nhar is-16 ta' Mejju 2013;

G. billi l-UE fil-preżent qed tagħti appoġġ lill-Ministeru tax-Xogħol u l-Impjiegi tal-Bangladexx u lill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi u l-Esportaturi tal-Ħwejjeġ tal-Bangladexx (BGMEA) fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-l-konformità tal-fabbriki tiġi awditjata u jħarrġu spetturi tax-xogħol u awdituri tal-konformità tal-fabbriki;

H. billi anke pajjiżi oħrajn b'industriji kbar tal-esportazzjoni tal-ħwejjeġ kellhom inċidenti f'fabbriki, bl-aktar mod partikolari l-Pakistan, fejn mijiet ta' persuni mietu f'nirien f'fabbrika tat-tessuti fl-2012;

1.  Huwa maħsud u mnikket bit-tiġrif tal-bini Rana Plaza, il-kobor innifsu tat-traġedja, kif ukoll il-mewt u l-qerda li kkawżat; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li mietu u lil dawk li sfaw midruba;

2.  Itenni t-tħassib profond u dejjem jikber tiegħu dwar il-fenomenu rikorrenti ta' inċidenti f'fabbriki tat-tessuti fil-Bangladexx u fi nħawi oħra u l-kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi u magħrufa sew fis-settur tal-ħwejjeġ;

3.  Jitlob lill-Gvern tal-Bangladexx ikompli l-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-kawżi tat-tiġrif, jiżgura li l-investigazzjonijiet ikunu indipendenti u trasparenti, u jieħu passi kontra dawk li jinstabu responsabbli; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Bangladexx jespandi u jimmodernizza s-sistema tiegħu ta' spezzjonijiet tax-xogħol;

4.  Jinnota l-approvazzjoni mill-Kabinett tal-Bangladexx, fit-13 ta' Mejju 2013, tal-Att (ta' emenda) dwar ix-Xogħol tal-2013 tal-Bangladexx, li jippermetti li l-ħaddiema tal-ħwejjeġ tal-pajjiż jiffurmaw trejdjunjins mingħajr il-bżonn li jitolbu permess mingħand is-sidien tal-fabbriki, u jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni kollettiva u s-servizzi tas-saħħa tal-fabbriki; iħeġġeġ lill-Parlament tal-Bangladexx jadotta din l-emenda mingħajr dewmien fis-sessjoni li jmiss tiegħu;

5.  Jilqa' l-Qbil dwar is-Sikurezza tal-Bini u Kontra n-Nar fil-Bangladexx, u jħeġġeġ lill-firmatarji u partijiet oħra involuti biex jimplimentaw il-miżuri tiegħu, inklużi, iżda mhux biss: il-ħatra ta' Spettur tas-Sikurezza kwalifikat; spezzjoni inizzjali rapida ta' kull fabbrika koperta mill-Qbil; id-dritt ta' ħaddiem li jirrifjuta xogħol li hu jew hi jkollhom ġustifikazzjoni raġonevoli li jemmnu li huwa perikoluż, mingħajr ma jsofru diskriminazzjoni jew tnaqqis fil-paga; u t-twaqqif ta' kumitati dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki firmatarji kollha; iħeġġeġ lill-firmatarji, barra minn hekk, jiżviluppaw u jaqblu fuq pjan ta' implimentazzjoni fi żmien 45 jum mid-dħul fis-seħħ tal-Qbil;

6.  Jilqa' b'tifħir l-impenn magħmul pubblikament minn diversi ditti tal-ħwejjeġ li jikkumpensaw il-vittmi tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u qrabathom; iħeġġeġ lid-ditti tal-ħwejjeġ jibbażaw il-kalkoli tagħhom fuq l-istandards tal-ILO u jiżguraw li l-kumpens jilħaq lill-ħaddiema kollha milquta;

7.  Jistieden lis-sidien tal-fabbriki kollha fil-Bangladexx, inklużi dawk mhux koperti mill-Qbil, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirrevedu l-proċeduri ta' sikurezza eżistenti fil-fabbriki tagħhom u jwettqu verifiki fuq il-bini, inkluż fir-rigward tas-sikurezza elettrika u strutturali u b'effett immedjat;

8.  Jistieden lid-ditti tal-ħwejjeġ Ewropej u globali kollha jinvestigaw b'mod kritiku l-ktajjen ta' provvista tagħhom u jikkooperaw mas-sottokuntratturi tagħhom sabiex isaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha jiġġieldu l-korruzzjoni fil-katina ta' provvista, li tista' twassal għal sitwazzjonijiet ta' theddida għall-ħajja bħal dawk ikkawżati minn ċertifikati ta' sikurezza ffalsifikati jew miksuba b'mod illegali;

10. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi b'industriji kbar tal-manifattura u l-esportazzjoni tal-ħwejjeġ, inklużi l-Bangladexx, iċ-Ċina, l-Indja, il-Pakistan u l-Kambodja, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw li jseħħu aktar inċidenti f'fabbriki tat-tessuti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi li jimmanifatturaw it-tessuti jirrispettaw il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi, barra minn hekk, jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw it-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO;

11. Jilqa' l-isforzi tal-Bangladexx li rnexxilhom inaqqsu x-xogħol tat-tfal fis-settur tal-ħwejjeġ u jħeġġeġ lil pajjiżi oħrajn, b'mod partikolari l-Pakistan, jintensifikaw l-impenn tagħhom li jieħdu azzjoni kontra x-xogħol tat-tfal;

12. Jilqa' l-appoġġ li qed jingħata mill-Kummissjoni lill-Ministeru tax-Xogħol u l-Impjiegi tal-Bangladexx u l-BGMEA; jitlob li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ u titwessa' għal pajjiżi oħra fir-reġjun, skont ma jkun f'loku;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern, lill-Parlament u lill-Ministeru tal-Intern tal-Bangladexx, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Pakistan, l-Indja u l-Kambodja, lill-Gvern u l-Kungress Popolari taċ-Ċina, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.