MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
5.6.2013 - (2013/2637(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0256/2013
B7‑0259/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2008) 229 tat-30 ta' April 2008 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2011)0137 tal-21 ta' Marzu 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0229), adottat fil-15 ta’ Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti (O-000113/2012 – B7‑0055/2012 and O-000133/2012 – B7-0075/2012),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għoti ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti huwa element ewlieni fl-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet Ewropej liċ-ċittadini tagħhom u b'hekk jiżdiedu l-impenn u l-fiduċja tagħhom;
B. billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, sejjaħ għal trasparenza msaħħa fil-proċedura leġiżlattiva, inkluża, inter alia, trasparenza fir-rigward tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet legali fil-proċeduri leġiżlattivi, u trasparenza akbar fit-trilogi;
C. billi fl-2008 l-Kummissjoni ipproponiet ir-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi ma rtiratx dik il-proposta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; billi l-Parlament informa kif dovut lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ xerqa tal-użu tal-proċedura tar-riformulazzjoni;
D. billi fl-2011 il-Kummissjoni għamlet proposta addizzjonali li b'mod impliċitu biss testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE; billi l-Parlament għaqqad flimkien il-proċeduri tal-2008 u tal-2011 fi proċedura unika;
E. billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011 u t-trilogi nbdew mal-Presidenza Daniża fl-ewwel nofs tal-2012; billi l-Kummissjoni ma qablitx mal-kompromessi possibbli proposti, u bħala riżultat ta’ hekk ma kien hemm l-ebda ċaqlieq issa għal aktar minn sena;
F. billi l-presidenza Ċiprijotta u dik Irlandiża ma rnexxilhomx jiżblukkaw il-kwistjoni fil-Kunsill u jibdew aktar negozjati minħabba r-resistenza min-naħa tal-Kummissjoni, li tirriżulta f’ rekwiżit ta’ unanimità fil-Kunsill dwar ċerti punti;
G. billi n-nuqqas ta' ftehim dwar verżjoni ġdida tar-Regolament Nru 1049/2001 ikun jibgħat messaġġ żbaljat dwar in-natura tal-UE liċ-ċittadini tagħha, u billi dan in-nuqqas ikun idgħajjef il-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjoni tal-UE;
1. Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE jimplimentaw b'mod sħiħ ir-Regolament Nru 1049/2001;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja lilha nnifisha b'mod sħiħ, fil-livell politiku u fil-livell tekniku, fl-emendar tar-Regolament Nru 1049/2001;
3. Jistieden lill-Kunsill biex immedjatament jerġa' jibda d-dibattiti dwar ir-Regolament Nru 1049/2001, biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u biex ikompli n-negozjati;
4. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jirrevedi r-Regolament Nru 1049/2001; jappoġġ bis-saħħa l-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet li jistabbilixxu aċċess dirett għall-pubbliku għad-dokumenti tagħhom, u jemmen li hemm lok għal aktar disseminazzjoni proattiva tal-informazzjoni;
5. Jinsisti li test emendat, bħala minimu assolut, u skont ir-rekwiżiti tat-Trattat, għandu: espliċitament jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE; isaħħaħ it-trasparenza leġiżlattiva, li skont din it-trasparenza kwalunkwe użu ta’ eċċezzjonijiet fil-proċedura leġiżlattiva għandu jkun eżenzjoni mir-regola ġenerali tat-trasparenza leġiżlattiva; jirrikonoxxi informazzjoni sensittiva biss fejn il-fatti tal-każ ikunu ġenwinament jimmeritaw tali rikonoxximent; u jiċċara r-relazzjoni bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-dejta;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tiġġustifika kif suppost il-proposta biex jiġi ddefinit xi jfisser it-terminu “dokumenti” u tiggarantixxi li mhux se ssir l-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet ta’ kategorija;
7. Jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet malajr kemm jista’ jkun bil-għan li tagħmel progress fl-emendar tar-Regolament Nru 1049/2001;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.