Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0261/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0261/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

5.6.2013 - (2013/2637(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sonia Alfano, Anneli Jäätteenmäki, Sophia in ‘t Veld, Renate Weber, Nils Torvalds, Cecilia Wikström, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, Andrea Zanoni f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0256/2013

Proċedura : 2013/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0261/2013
Testi mressqa :
B7-0261/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0261/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

(2013/2637(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2008) 229 tat-30 ta' April 2008 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2011)0137 tal-21 ta' Marzu 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0229), adottat fil-15 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011)[1],

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti (O-000113/2012B7‑0055/2012 and O-000133/2012B7-0075/2012),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kompla saħħaħ l-obbligi ta' trasparenza tal-UE u stabbilixxa l-aċċess għad-dokumenti bħala dritt fundamentali;

B.  billi t-trasparenza hi għodda essenzjali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll tippermettilhom jimmonitorjaw dak il-proċess u l-azzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali mil-lat tal-obbligu ta’ rendikont;

C. billi t-trasparenza hi jerġa’ aktar importanti fil-proċeduri leġiżlattivi, filwaqt ukoll li jitqiesu l-prerogattivi msaħħa tal-UE fil-qasam tal-liġi kriminali li li jmissu l-essenza nfisha tad- drittijiet fundamentali; billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, sejjaħ għal trasparenza msaħħa fil-proċedura leġiżlattiva, inkluża, inter alia, trasparenza fir-rigward tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet legali fil-proċeduri leġiżlattivi, u trasparenza akbar fit-'trilogi';

D. billi l-Parlament iddispjaċih ukoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fl-aġenziji tal-UE, fin-negozjati internazzjonali u fid-djalogu tal-Kummissjoni mal-Istati Membri, b’mod partikolari meta jkun hemm fin-nofs id-drittijiet fundamentali jew l-interess taċ-ċittadini Ewropej[2];

E.  billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Ombudsman Ewropew influenzaw sostanzjalment il-fehim tar-Regolament 1049/2001; billi din il-każistika, speċjalment fir-rigward tal-użu ta' bażi mhux ta' rikonoxximent fi proċedura leġiżlattiva, bħal Turco u Access Info, għandha tkun riflessa fil-leġiżlazzjoni;

F.  billi r-Regolament Nru 1049/2001 hu meqjus miċ-ċittadini tal-UE u mill-pubbliku tal-UE bħala leġiżlazzjoni ewlenija li tipprovdi l-għodda għal superviżjoni adegwata tal-azzjonijiet tal-UE; billi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għad trid tiġi mtejba, kif deher minn diversi każi trattati mill-Ombudsman;

G. billi fl-2008 l-Kummissjoni ipproponiet ir-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi ma rtiratx dik il-proposta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; billi l-Parlament informa kif dovut lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ xerqa tal-użu tal-proċedura ta' riformulazzjoni, u billi l-Parlament stess, bħala konsegwenza, kellu jibdel it-test propost biex jiġi adattat skont it-Trattat ta’ Lisbona;

H. billi fl-2011 il-Kummissjoni għamlet proposta addizzjonali li b'mod impliċitu biss testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi kolla tal-UE; billi l-Parlament għaqqad flimkien il-proċeduri tal-2008 u tal-2011 fi proċedura unika;

I.   billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011, u t-trilogi bdew mal-Presidenza Daniża fl-ewwel nofs tal-2012; billi l-Kummissjoni ma qablitx mal-kompromessi possibbli li ġew proposti, u dan wassal għal impass ta’ aktar minn sena;

J.   billi l-presidenza Ċiprijotta u dik Irlandiża ma rnexxilhomx jiżblukkaw il-kwistjoni fil-Kunsill u jibdew aktar negozjati minħabba r-resistenza min-naħa tal-Kummissjoni, li tirriżulta f’ rekwiżit ta’ unanimità fil-Kunsill dwar ċerti punti;

K. billi, minħabba l-obbligi ta' trasparenza msaħħa inklużi fit-Trattati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tbaxxi l-livell attwali ta' trasparenza;

L.  billi n-nuqqas ta' ftehim dwar verżjoni ġdida tar-Regolament Nru 1049/2001 ikun jibgħat messaġġ żbaljat dwar in-natura tal-UE liċ-ċittadini tagħha, u billi dan in-nuqqas ikun idgħajjef il-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjoni tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej ewlenin li dalwaqt ikunu magħna;

1.  Jenfasizza l-importanza tad-dritt fundamentali tal-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti, tat-trasparenza u l-ftuħ tal-istituzzjonijiet u tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, li huma l-pilastri tad-demokrazija u jistgħu jqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE, b'mod partikolari lejliet l-elezzjonijiet Ewropej;

2.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE jimplimentaw b'mod sħiħ ir-Regolament Nru 1049/2001;

3.  Iqis li l-emendar tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u jiddispjaċih li inħoloq dan l-impass; jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu flimkien biex tinstab soluzzjoni malajr kemm jista' jkun;

4.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jirrevedi r-Regolament Nru 1049/2001, li, meta meħud kollu kemm hu, għandu jagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess aktar wiesa’, imtejjeb u aktar estensiv għad-dokumenti u l-informazzjoni tal-UE;

5.  Jinsisti li test emendat, bħala minimu assolut, u skont ir-rekwiżiti tat-Trattat, għandu: espliċitament jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE; isaħħaħ it-trasparenza leġiżlattiva, li skont din it-trasparenza kwalunkwe użu ta’ eċċezzjonijiet fil-proċedura leġiżlattiva għandu jkun eżenzjoni speċifikament raġunata mir-regola ġenerali tat-trasparenza leġiżlattiva, u kwalunkwe ċaħda ta’ aċċess għal dokumenti m’għandhiex tmur lil hinn mill-kelmiet speċifiċi li jistgħu leġittimament jinżammu mill-pubbliku abbażi ta’ eċċezzjoni legali; iħassar eċċezzjonijiet għall-opinjonijiet tas-servizz legali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jiżgura aċċess għad-dokumenti relatati man-negozjati u l-ftehimiet internazzjonali; jiċċara r-relazzjoni bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-dejta; jinkludi l-Konvenzjoni Aarhus; abbażi tad-definizzjoni attwali, ikompli jiżviluppa u jkabbar aktar id-definizzjoni ta’ “dokument”, u m'għandu jintroduċi l-ebda eżenzjoni ta’ kategorija; jippubblika l-identità tad-delegazzjonijiet fid-dokumenti ta’ ħidma tal-Kunsill biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont demokratiku; u jiżgura t-trasparenza finanzjarja fir-rigward tal-fondi tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja lilha nnifisha b'mod sħiħ, fil-livell politiku u fil-livell tekniku, fit-tibdil tar-Regolament Nru 1049/2001 biex jiġi adattat skont it-Trattat ta' Lisbona;

7.  Jistieden lill-Kunsill biex immedjatament jerġa' jibda d-dibattiti dwar ir-Regolament Nru 1049/2001, biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u biex ikompli n-negozjati;

8.  Jitlob li r-reġim attwali li jirregola l-aċċess għad-dokumenti jiġi żviluppat biex isir Att tal-EU dwar il-Libertà tal-Informazzjoni komplut kif għandu jkun;

9.  Jimpenja lilu nnifsu li jwettaq rieżami tar-regoli u l-prattiki interni tiegħu biex isaħħaħ it-trasparenza u l-ftuħ fil-ħidma u l-proċeduri tiegħu, u jagħti istruzzjonijiet lill-korpi kompetenti biex jagħmlu u jadottaw proposti b’dan il-għan qabel l-elezzjonijiet, abbażi tat-talbiet li ilhom jeżistu tal-PE dwar il-kwistjoni[3];

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.