MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
5.6.2013 - (2013/2657(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Michael Gahler, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Mairead McGuinness, Krzysztof Lisek, Tunne Kelam, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0260/2013
B7‑0262/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari[1],
– wara li kkunsidra l-proċess ta' rieżami, li għaddej bħalissa fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM), fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni, li, skont l-Artikolu 15 tagħha, għandha tiġi rieżaminata tliet snin wara l-adozzjoni tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità[2],
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta' armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005[3],
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kontroll tas-sensarija tal-armi[4],
– wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea fil-forma aġġornata tagħha tas-27 ta' Frar 2012[5],
– wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, li tiġi aġġornata regolarment[6],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontroll ta' Esportazzjonijiet ta' Armi Konvenzjonali u Oġġetti u Teknoloġiji b'Użu Doppju flimkien mal-listi aġġornati fl-2011 u fl-2012 ta’ dawn l-oġġetti, teknoloġiji u munizzjon[7],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin adottati fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2012 li jesprimu l-appoġġ tal-UE għal Trattat Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi li jistabbilixxi standards komuni u vinkolanti dwar il-kummerċ globali tal-armi konvenzjonali[8], u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-27 u t-28 ta’ Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2007 dwar is-Seba' u t-Tmien Rapporti Annwali tal-Kunsill skont id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 rigward in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi[10],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-esportazzjoni tal-armi jista' jkollha, fost l-oħrajn, effetti sinifikanti mhux biss fuq is-sigurtà, iżda wkoll fuq l-iżvilupp, u billi għaldaqstant huwa importanti li tissaħħaħ il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontroll tal-esportazzjoni għat-teknoloġija u t-tagħmir militari;
B. billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK hija qafas legalment vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji, u billi jekk dawk il-kriterji ma jiġux sodisfatti, dan għandu jwassal għaċ-ċaħda ta' liċenzja għall-esportazzjoni (fil-każ tal-kriterji 1 sa 4) jew tal-anqas għall-kunsiderazzjoni ta’ ċaħda (fil-każ tal-kriterji 5 sa 8);
C. billi l-pajjiżi terzi Bosnja-Ħerżegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja allinjaw ruħhom b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni;
D. billi skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jistabbilixxu biss standards minimi u ma jippreġudikawx miżuri aktar restrittivi tal-Istati Membri għall-kontroll tal-armi;
E. billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiddikjara biċ-ċar li l-Istati Membri, fejn xieraq, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett ta’ esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, u li dawn il-fatturi ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq.
F. billi l-Pożizzjoni Komuni tiddefinixxi l-usa’ fehim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji u tagħmir militari għall-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll nazzjonali ta’ esportazzjoni;
G. billi ġie osservat żvilupp lejn sistema ta’ verifika u rappurtar aktar b'saħħitha mill-preżentazzjoni tar-rapporti annwali tal-Kunsill 'l hawn skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari; billi l-Istati Membri għandhom jissuperaw ostakoli leġiżlattivi u organizzattivi sabiex itejbu l-konformità mat-tmien kriterji vverifikati b'mod indipendenti;
H. billi sar progress sinifikanti fl-ilħuq ta' ftehim bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, prinċipalment permezz tal-Gwida għall-Utent tal-Pożizzjoni Komuni, imfassla mill-COARM, li tagħti definizzjonijiet dettaljati tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji;
I. billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq (MENA) urew li l-Pożizzjoni Komuni ġiet implimentata b’mod effettiv; billi dawn l-avvenimenti fil-fatt ġew diskussi kważi f'kull laqgħa tal-COARM li saret mill-bidu tal-2011, u billi dawn il-laqgħat għamluha possibbli li ssir armonizzazzjoni tar-reviżjoni meħtieġa tal-politiki nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi kkonċernati; billi dan il-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-Istati Membri ġie akkumpanjat minn miżuri msaħħa ta’ diliġenza, miżuri ta’ sospensjoni u miżuri għall-posponiment tal-awtorizzazzjoni, u billi, b'riżultat tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni kemm fi ħdan il-COARM u kemm barra minnu, diversi Stati Membri setgħu jieħdu dawn id-deċiżjonijiet malajr;
J. billi fis-snin li għaddew Stati Membri, fi gradi differenti, esportaw teknoloġija u tagħmir militari lejn diversi reġjuni fid-dinja;
K. billi l-industrija qed titlob espansjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi sabiex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis previst fid-domanda fi ħdan l-UE, bħala kontribut għat-tisħiħ tal-bażi tal-industrija tal-armi Ewropea;
L. billi l-industrija tad-difiża tibqa’ industrija u impjegatur importanti fl-UE, u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-impjiegi u l-iżvilupp, fattur ta’ valur partikolari fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u finanzjarja;
M. billi r-R&Ż fl-industrija tad-difiża għandha effett konsegwenzjali importanti li jikkontribwixxi għal għadd ta’ applikazzjonijiet ċivili;
N. billi minħabba t-tnaqqis sinifikanti fil-baġits tad-difiża sa mill-bidu tal-kriżi ekonomika fl-2008, l-esportazzjonijiet għandhom rwol dejjem aktar importanti għall-industrija tad-difiża;
1. Jinnota li skont l-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI), l-Istati tal-Unjoni Ewropea kollha f'daqqa huma l-akbar esportaturi tal-armi fid-dinja qabel l-Istati Uniti u r-Russja[11] u li parti dejjem akbar minn dawn l-esportazzjonijiet ta’ armi, 61 % fl-2011[12], ġiet esportata lejn pajjiżi barra mill-UE;
2. Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea hija l-unika unjoni ta’ stati li għandha qafas legalment vinkolanti, waħdieni fid-dinja, li permezz tiegħu il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jitjieb, inkluż f’reġjuni fi kriżi u f’pajjiżi b'rekords problematiċi ta’ drittijiet tal-bniedem, u jilqa' f'dan ir-rigward l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi Ewropej u mhux Ewropej mas-sistema ta' kontroll għall-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni; jinnota madankollu li t -tmien kriterji jiġu applikati u interpretati b’livelli ta’ riġidità differenti fl-Istati Membri tal-UE; jitlob, għalhekk, interpretazzjoni u implimentazzjoni aktar uniformi tal-Pożizzjoni Komuni, bl-obbligi kollha tagħha;
3. Jieħu nota tal-fatt li l-kontroll tal-konformità mal-kriterji jsir skont ir-regolamenti nazzjonali; huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali jew korpi parlamentari speċifiċi għandhom jiżguraw il-kontroll effettiv tal-applikazzjoni tal-kriterji;
4. Jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-verżjoni aġġornata tal-Lista ta' Munizzjon tal-Ftehim ta' Wassenaar, fejn jiġu kkunsidrati t-tibdiliet kollha fil-lista ta' munizzjon li saru fl-2011; jistieden lill-Kunsill jadotta wkoll l-aħħar tibdiliet li saru fl-2011 fil-Lista ta' Oġġetti b'Użu Doppju, fost l-oħrajn, maqbula minn grupp ta’ esperti f'Diċembru 2012;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex, rigward il-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-applikazzjoni tat-tmien kriterji, jagħtu aktar attenzjoni lit-teknoloġija u t-tagħmir militari kollu kif imsemmi fil-Pożizzjoni Komuni 288/944/PESK;
6. Jappella wkoll biex il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jiġu applikati aħjar qabel jiġu ssuġġeriti oħrajn ġodda;
7. Jenfasizza r-rwol importanti tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-infurzar, fil-livell nazzjonali u Ewropew, tal-istandards maqbula tal-Pożizzjoni Komuni u fit-twaqqif ta' sistema ta' kontroll trasparenti u responsabbli; jappella għalhekk għal mekkaniżmu ta' kontroll trasparenti u b'saħħtu li jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti;
8. Jenfasizza l-importanza u l-leġittimità tas-sorveljanza parlamentari fuq id-data relatata mal-kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi u ta’ kif jitwettaq dak il-kontroll, u jappella għalhekk għall-miżuri, l-appoġġ u l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat li din il-funzjoni ta’ sorveljanza titwettaq bis-sħiħ;
9. Jilqa’ l-konklużjoni, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) legalment vinkolanti dwar il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali wara seba’ snin ta’ negozjati twal, li joħloq sistema internazzjonali effettiva ta’ kontroll tal-armi, permezz ta' aktar trasparenza u responsabbiltà, u li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali, biex b'hekk l-użu irresponsabbli u illeċitu tal-armi konvenzjonali jsir dejjem aktar diffiċli;
10. Jirrikonoxxi li bl-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-komunità internazzjonali wriet impenn qawwi li tirregola l-kummerċ internazzjonali tal-armi bi qbil mal-prinċipji ta' trasparenza u responsabbiltà;
11. Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva u kredibbli tal-ATT;
12. Jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-appoġġ tal-proċess internazzjonali tal-ħolqien ta’ regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
- [2] ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
- [3] ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1; Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 5319/06, 13.1.2006.
- [4] ĠU L 156, 25.6.2003, p. 79.
- [5] ĠU C 85, 22.3.2012, p.1.
- [6] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9241/09, 29.4.2009.
- [7] http://www.wassenaar.org/
- [8] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, it-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012, Lussemburgu.
- [9] ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 210.
- [10] Testi adottati, P7_TA(2012)0251.
- [11] The top 20 Arms Exporters (L-akbar 20 Esportatur tal-Armi) 2007-2011, http://www.sipri.org/googlemaps/2012_of_at_top_20_exp_map.html
- [12] “EU arms exports figures remain level” (Il-figuri tal-esportazzjoni tal-armi tal-UE jibqgħu stabbli), Jane's Defence Weekly, l-4 ta' Jannar 2013.