Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0263/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0263/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK

5.6.2013 - (2013/2657(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Maria Eleni Koppa, Ana Gomes, Véronique De Keyser, Raimon Obiols, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0258/2013

Proċedura : 2013/2657(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0263/2013
Testi mressqa :
B7-0263/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0263/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK

(2013/2657(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta’ Novembru 2012 dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni,

–   wara li kkunsidra l-erbatax-il rapport annwali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM), imfassal f’konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari[2],

–   wara li kkunsidra l-proċess ta’ rieżami, li għaddej bħalissa fi ħdan il-COARM, fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni, li, skont l-Artikolu 15 tagħha, għandha tiġi rieżaminata tliet snin wara l-adozzjoni tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Wassenaar tat-12 ta’ Mejju 1996 dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali u ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju, flimkien mal-listi aġġornati fl-2011 u fl-2012 ta’ dawn l-oġġetti, teknoloġiji u munizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni tat-Trattat globali dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta’ April 2013 (Riżoluzzjoni 67/58 tal-AĠNU) u t-test sħiħ tat-Trattat li nfetaħ għall-iffirmar fit-3 ta’ Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri li jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (COM (2013) 273 final) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2013 li adottaw il-proposta u ħeġġew lill-Istati Membri jiffirmaw it-Trattat waqt iċ-ċerimonja solenni fi New York fit-3 ta’ Ġunju jew mill-aktar fis possibbli;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-esportazzjoni u t-trasferiment tal-armi għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjoekonomiku, u billi għalhekk huwa importanti li tissaħħaħ il-politika tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni fir-rigward ta’ teknoloġija u tagħmir militari, liema politika għandha tiġi inkorporata fi ħdan sistema ta’ kontroll tal-armi trasparenti, effikaċi u li tkun definita u aċċettata komunement;

B.  billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tirrappreżenta qafas legalment vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji li l-ksur tagħhom għandu jwassal għal ċaħda ta’ liċenzja għall-esportazzjoni (Kriterji 1-4) jew tal-anqas kunsiderazzjoni għal ċaħda (Kriterji 5-8); billi, madankollu, l-Istati Membri jżommu l-kontroll finali fuq l-aspetti kollha tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi u billi l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni mhijiex suġġetta għall-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE;

C. billi dawn il-kriterji huma maħsuba, fost l-oħrajn, għall-prevenzjoni tal-esportazzjoni tal-armi li taf twassal għall-intensifikazzjoni tal-kunflitti (Kriterji 3 u 4) jew għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem (Kriterju 2) jew taffettwa b’mod negattiv il-perspettivi ta’ żvilupp ta’ pajjiż benefiċjarju (Kriterju 8); billi l-Pożizzjoni Komuni ma tinkludi l-ebda limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u għaldaqstant it-tmien kriterji japplikaw kemm għal esportazzjonijiet fi ħdan l-UE kif ukoll għal trasferimenti tal-armi f’pajjiżi assoċjati mill-qrib mal-UE;

D. billi, skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jistabbilixxu biss standards minimi u ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jieħdu miżuri aktar restrittivi għall-kontroll tal-armi;

E.  billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jimplika biċ-ċar li l-konformità mat-tmien kriterji għandha preċedenza fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali jew industrijali tal-Istati Membri;

F.  billi l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jridu jiġu kkunsidrati wkoll fil-proċess ta’ ristrutturar tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa, li hija kruċjali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li joħolqu l-impjiegi;

G. billi ġie osservat żvilupp lejn sistema ta’ verifika u rappurtar aktar b’saħħitha mill-preżentazzjoni tar-rapporti annwali tal-Kunsill ’l hawn skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari; billi, madankollu, ma hemm l-ebda sistema standardizzata ta’ verifika u rappurtar u l-Istati Membri jeħtiġilhom jegħlbu l-ostakoli leġiżlattivi u operazzjonali sabiex jikbsu konformità aħjar mat-tmien kriterji;

H. billi l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni kienet is-suġġett ta’ riċerka akkademika u ta’ pubblikazzjonijiet min-naħa tas-soċjetà ċivili; billi m’hemm l-ebda possibbiltà li l-konformità mat-tmien kriterji tiġi vverifikata b’mod indipendenti;

I.   billi s-sistema għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni trid tiġi estiża wkoll biex tkopri l-istadju tal-manifattura;

J.   billi, minkejja l-eżistenza tal-Gwida għall-Utent, l-Istati Membri japplikaw u jinterpretaw it-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni b’modi differenti meta jawtorizzaw jew jiċħdu l-esportazzjoni tal-istess kategoriji ta’ oġġetti militari lejn l-istess destinazzjonijiet; billi, għalhekk, jeħtieġ isir sforz sabiex ikun hemm applikazzjoni omoġenja u ambizzjuża tal-kriterji mill-Istati Membri kollha;

K. billi r-rapport annwali tal-COARM huwa maħsub biex jinkludi l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u jżid it-trasparenza fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri; billi r-rapporti annwali tal-COARM ikkontribwixxew għal żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri u billi l-għadd ta’ linji gwida u kjarifiki fil-Gwida għall-Utent immultiplika; billi, minħabba l-Pożizzjoni Komuni, żdiedet il-kwantità ta’ informazzjoni dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi;

L.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar oġġetti b’użu doppju tirregola l-esportazzjoni, it-trasferiment, is-senserija, u t-tranżitu ta’ dawn l-oġġetti u hija rregolata mir-Regolament (UE) Nru 388/2012; billi fi Frar 2012 ġiet adottata lista aġġornata ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju skont il-Ftehim ta’ Wassenaar, iżda l-maġġoranza kbira ta’ oġġetti b’użu doppju, b’mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġija ta’ sorveljanza, għadhom mhumiex koperti b’sistema legalment vinkolanti għall-kontroll tal-esportazzjoni;

M. billi għadd kbir ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza u prodotti ta’ softwer ta’ sorveljanza kif ukoll ħafna oġġetti oħra użati f’għadd kbir ta’ pajjiżi benefiċjarji għal miżuri ripressivi kontra l-popolazzjoni tagħhom stess ma huma inklużi la fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea u lanqas fil-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE;

N. billi n-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw għadhom iċ-ċentru ewlieni ta’ interess tal-attivitajiet marbutin mal-bejgħ barrani ta’ armi mill-fornituri tal-armi; billi, matul il-perjodu 2004-2011, il-valur tal-ftehimiet dwar it-trasferiment tal-armi man-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw kien jammonta għal żewġ terzi tal-ftehimiet kollha ta’ dan it-tip mad-dinja kollha; billi t-trasferimenti irresponsabbli tal-armi u d-dejn relatat mal-armi qed idgħajfu l-possibbiltà ta’ bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG);

O. billi ġrajjiet bħar-Rebbiegħa Għarbija fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq għal darb’oħra wrew li r-rabta problematika bejn id-demokratizzazzjoni u l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iġġib magħha responsabbiltà f’dak li huwa kummerċ tal-armi ma’ tali pajjiżi; billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija wrew għal darb’oħra l-ħtieġa u l-importanza assoluti tal-Pożizzjoni Komuni u t-tmien kriterji tagħha, kif ukoll ta’ ftehimiet internazzjonali usa’ bħat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; billi permezz tal-kapaċità ta’ previżjoni għandu jkun possibbli li inizjattivi u rapporti futuri jagħmlu użu minn tali tagħlimiet, speċjalment fil-każ tat-tixrid ta’ armi mibjugħa lil atturi mhux statali bħal fil-każ tal-Libja u l-possibbiltà ta’ trasferimenti diretti lir-ribelli bħal fil-każ tas-Sirja;

P.  billi l-kummerċ internazzjonali tal-armi huwa meqjus minn Transparency International bħala wieħed mit-tliet negozji l-aktar korrotti fid-dinja; billi investigazzjonijiet li saru miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Bonn għall-Konverżjoni (BICC) urew li pereżempju fil-Ġermanja fl-2011, 5 149 mis-17 568 liċenzja li nħarġu għall-esportazzjoni tal-armi f’76 Stat differenti, jiġifieri ftit anqas minn 30 %, allegatament kienu jiksru wieħed mit-tmien kriterji jew aktar;

1.  Jinnota li, skont l-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI), l-Istati Membri tal-UE, meqjusa kollha f’daqqa, huma l-akbar esportatur tal-armi fid-dinja qabel l-Istati Uniti u r-Russja u li parti dejjem akbar minn dawn l-esportazzjonijiet ta’ armi, 61 % fl-2011, qed tintbagħat lejn pajjiżi barra mill-UE;

2.  Jilqa’ l-fatt li pajjiżi terzi Ewropej u oħrajn li mhumiex Ewropej ingħaqdu mas-sistema tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni u tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT); jinnota, madankollu, bi tħassib li t-tmien kriterji mhux qegħdin jiġu applikati u interpretati b’mod konsistenti fl-Istati Membri tal-UE; jitlob, għalhekk, interpretazzjoni u implimentazzjoni standard, aktar uniformi u riveduti tal-Pożizzjoni Komuni flimkien mal-obbligi kollha tagħha, filwaqt li jiġi pprovdut mekkaniżmu fejn ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet ta’ sigurtà ta’ Stat Membru fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi;

3.  Jinnota li l-UE hija l-unika unjoni ta’ stati li għandha qafas legalment vinkolanti, uniku fid-dinja, li permezz tiegħu l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jittejjeb, inkluż b’rabta mar-reġjuni fi kriżi u pajjiżi b’rekord dubjuż tad-drittijiet tal-bniedem u b’rabta ma’ pajjiżi li jippreżentaw riskju bil-provi ta’ diverżjoni tal-oġġetti trasferiti b’mod mhux awtorizzat lejn utenti finali oħrajn;

4.  Jinnota l-impenn tas-SEAE u tal-Istati Membri fil-qafas tal-Azzjoni 11(e) tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazjija, biex jiġi żgurat li r-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tikkunsidra d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob lis-SEAE jirrapporta dwar passi meħuda biex dan l-impenn jiġi onorat;

5.  Ifakkar li, peress li jseħħ permezz ta’ proċessi mhux trasparenti, ix-xiri tal-armi kkontribwixxa b’mod sinifikanti għad-dejn eċċessiv ta’ xi pajjiżi, inkluż numru ta’ Stati Membri; jinsisti, għalhekk, li għandu jkun hemm trasparenza akbar fir-rigward tax-xiri u l-bejgħ tal-armi u li l-informazzjoni dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-armi għandha tibqa’ tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-UE;

6.  Iqis neċessarju li tinħoloq sistema standardizzata ta’ verifika u rappurtar sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni pubblika dwar jekk il-valutazzjonijiet tar-riskju u d-deċiżjonijiet b’rabta mal-esportazzjoni ta’ Stati Membri individwali tal-UE jkunux ġew iggwidati mit-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni u sa liema punt dan ikun seħħ, sabiex ikun hemm lok għal konklużjonijiet dwar sa liema punt il-kriterji jkunu ġew applikati min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali; iqis importanti li sistema bħal din tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-trasparenza;

7.  Jinsisti, fid-dawl tal-proċess ta’ rieżami, li l-formulazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ċċarata u tkun anqas ambigwa sabiex jiġi żgurat li l-kriterji jiġu interpretati u applikati b’mod aktar uniformi; jinsisti b’mod partikolari li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiġi rispettat; jitlob li l-Gwida għall-Utent tippreżenta linji gwida aktar dettaljati fir-rigward tal-Kriterju 2 u l-Kriterju 7, kif ukoll aġġornament tal-Annessi I sa IV, inkluża referenza għall-istrateġiji nazzjonali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li m’hemm l-ebda possibbiltà li l-konformità mat-tmien kriterji tiġi vverifikata b’mod indipendenti, u li la jeżistu u lanqas ma huma ppjanati mekkaniżmi ta’ sanzjoni fil-każ li Stat Membru jikser it-tmien kriterji; huwa tal-fehma li għandhom ikunu previsti possibbiltajiet ta’ verifika indipendenti kif ukoll mekkaniżmi ta’ sanzjoni fil-każ ta’ ksur tal-Pożizzjoni Komuni;

9.  Jieħu nota tal-fatt li l-kontroll tal-konformità mal-kriterji jsir skont ir-regolamenti nazzjonali, li m’hemm l-ebda possibbiltà li l-konformità mat-tmien kriterji tiġi vverifikata b’mod indipendenti u li m’hemm l-ebda konsegwenza għall-ksur tat-tmien kriterji minn Stat Membru; huwa tal-fehma li għandhom ikunu previsti possibbiltajiet ta’ verifika indipendenti tal-ksur tal-Pożizzjoni Komuni; huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali jew korpi parlamentari speċifiċi bħall-kumitati superviżorji parlamentari għandhom iwettqu superviżjoni effettiva tal-applikazzjoni tal-kriterji;

10. Jistieden lill-Istati Membri u lir-RGħ/VP ifittxu li jiksbu applikazzjoni uniformi u ambizzjuża tat-tmien kriterji min-naħa tal-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri u lir-RGħ/VP jippromwovu wkoll livelli ħafna ogħla ta’ trasparenza billi jippubblikaw settijiet ta’ data aktar f’waqthom u kompluti dwar l-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri kollha; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili;

11. Jitlob, barra minn hekk, li l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jiġu applikati aħjar u jissuġġerixxi li tiġi studjata l-possibbiltà li t-tmien kriterji jiġu applikati u estiżi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni, ukoll għal servizzi marbutin mal-esportazzjoni tal-armi; jitlob – fil-każ tal-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju – sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà mat-tmien kriterji, jekk ikun hemm raġunijiet għaliex wieħed jaħseb li l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti u teknoloġiji tista’ tikser xi wieħed mit-tmien kriterji;

12. Jinnota li fl-Istati Membri jeżistu metodi differenti għall-ġbir ta’ data dwar l-esportazzjoni tal-armi kif ukoll prattiki differenti għall-pubblikazzjoni tas-settijiet ta’ data miġbura, u dan wassal sabiex ir-rapport annwali tal-COARM jinkludi informazzjoni standardizzata dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa iżda ma jkunx jinkludi ċerta informazzjoni importanti dwar l-esportazzjoni reali tal-armi; jitlob, konsegwentement, l-introduzzjoni ta’ proċedura standardizzata għar-rappurtar ta’ informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet reali li għandha tapplika b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha; jilqa’ inizjattivi mill-Istati Membri biex itejbu s-sitwazzjoni u biex iressqu u jippublikaw informazzjoni preċiża, aġġornata u eżawrjenti; jitlob li ċ-ċaħdiet ta’ liċenzji individwali jkunu rrappurtati fir-rapport annwali tal-COARM b’referenza għan-numri tal-kriterji li fuqhom ikunu bbażati ċ-ċaħdiet u għall-Istat Membru kkonċernat;

13. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni addizzjonali aktar aġġornata li, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ tintuża bħala bażi għat-tfassil ta’ lista konġunta ta’ dawk l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti tal-armi ta’ pajjiżi individwali li jkunu fi ksur ta’ wieħed jew aktar mit-tmien kriterji, u bħala bażi għal fehim aħjar u kontrolli aħjar min-naħa ta’ korpi superviżorji nazzjonali u oħrajn internazzjonali li jkun hemm qbil komuni dwarhom, u tkun tista’ tintuża wkoll għar-rapport annwali tal-COARM; jissuġġerixxi, f’dan il-kuntest, it-tfassil ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ wara l-esportazzjoni;

14. Jitlob sabiex fir-rapport annwali tal-COARM tiġi inkluża wkoll informazzjoni dwar id-destinazzjoni finali tal-esportazzjonijiet fi ħdan l-Ewropa, dwar it-trasferimenti possibbilment problematiċi lejn pajjiżi terzi u dwar il-produzzjoni awtorizzata b’liċenzja barra l-UE; jissuġġerixxi wkoll li r-rapport annwali tal-COARM jinkludi segwitu tal-kwistjonijiet b’rabta mal-esportazzjoni tal-armi identifikati fir-rapporti preċedenti, kif ukoll il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;

15. Jinnota b’sodisfazzjon li l-uffiċjali tal-gvern responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzji nazzjonali għall-esportazzjoni qed jiġu kkonsultati, u għandhom jiġu kkonsultati fuq bażi aktar regolari, fil-laqgħat tal-COARM, f’kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), billi dawn jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u jgħinu sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni skambjata; iqis, barra minn hekk, li l-konsultazzjonijiet għandhom jiġu estiżi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għar-rappreżentanti tal-industrija tad-difiża li jindirizzaw il-kwistjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi;

16. Itenni mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-konklużjoni ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) robust u legalment vinkolanti fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali, taħt il-partroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza, għalhekk, li dan l-objettiv irid jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE, u jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jiffirmaw l-ATT;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partijiet involuti fin-negozjati sabiex jiffirmaw l-ATT, jirratifikawh u jimplimentawh bis-sħiħ;

18. Jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmi ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà fl-implimentazzjoni effettiva ta’ kull ftehim internazzjonali dwar il-kontroll tal-armi; jitlob, għalhekk, l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Parteċipanti dwar id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-trasferiment tal-armi, flimkien ma’ dispożizzjonijiet b’saħħithom u ċari għar-rappurtar pubbliku annwali min-naħa tal-Istati Parteċipanti dwar it-trasferiment tal-armi;

19. Jenfasizza u jilqa’ l-fatt li t-trattat speċifikament jipprojbixxi t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali speċifiċi, inklużi armi ta’ kalibru żgħir, jekk dan ikun fi ksur ta’ sanzjonijiet u embargoes partikolari fuq l-armi imposti skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, jekk dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tal-istat esportatur skont il-ftehimiet internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari dawk relatati mat-trasferiment jew mat-traffikar illeċitu tal-armi konvenzjonali, u jekk ikun hemm għarfien li l-armi u l-oġġetti esportati għandhom il-potenzjal li jintużaw għal xi ġenoċidju, għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u għal attakki kontra l-popolazzjoni ċivili;

20. Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-impenji tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom; ifakkar li dawn l-impenji qegħdin hemm biex jassistu lil pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE fil-ġestjoni tal-istokkijiet tagħhom, l-immarkar u sforzi simili għall-kontroll tal-SALW u huma komplementari għall-arranġamenti tal-UE li jirregolaw it-trasferiment ta’ oġġetti militari, sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri tal-UE jissupplixxu armi lil pajjiżi fejn hemm il-periklu li dawn jintużaw ħażin;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.