MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
5.6.2013 - (2013/2657(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sabine Lösing, Willy Meyer, Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0258/2013
B7‑0264/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,
– wara li kkunsidra t-tlettax u l-erbatax-il rapport annwali tal-COARM[1],
– wara li kkunsidra l-lista ta' oġġetti u t-teknoloġija b'użu doppju fl-Annessi għar-Regolament (UE) Nru 1232/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju,
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontroll ta' Esportazzjonijiet ta' Armi Konvenzjonali u Oġġetti u Teknoloġiji b'Użu Doppju flimkien mal-listi aġġornati fl-2011 u fl-2012 dwar dawn l-oġġetti, teknoloġiji u munizzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta’ April 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-esportazzjoni u t-trasferiment tal-armi għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjoekonomiku, u billi għalhekk huwa importanti li tissaħħaħ il-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ teknoloġija u tagħmir militari, liema politika għandha tiġi inkorporata fi ħdan sistema ta’ kontroll tal-armi trasparenti, effikaċi u li tkun definita u aċċettata komunement;
B. billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tirrappreżenta qafas legalment vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji li l-ksur tagħhom għandu jwassal għal ċaħda ta’ liċenzja għall-esportazzjoni (Kriterji 1-4) jew tal-anqas kunsiderazzjoni għal ċaħda (Kriterji 5-8);
C. billi dawn il-kriterji huma maħsuba, fost l-oħrajn, għall-prevenzjoni tal-esportazzjoni tal-armi li taf twassal għall-intensifikazzjoni tal-kunflitti (Kriterji 3 u 4) jew għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem (Kriterju 2) jew taffettwa b’mod negattiv il-perspettivi ta’ żvilupp ta’ pajjiż benefiċjarju (Kriterju 8); billi l-Pożizzjoni Komuni ma tinkludi l-ebda limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u għaldaqstant it-tmien kriterji japplikaw kemm għal esportazzjonijiet fi ħdan l-UE kif ukoll għal trasferimenti tal-armi f’pajjiżi assoċjati mill-qrib mal-UE;
D. billi, skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jistabbilixxu biss standards minimi u ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jieħdu miżuri aktar restrittivi għall-kontroll tal-armi;
E. billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiddikjara li filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-interess ta’ esportazzjonijiet proposti mill-perspettiva ekonomika, soċjali, kummerċjali u industrijali, tali kunsiderazzjonijiet ma jridux jaffettwaw l-applikazzjoni tal-kriterji li fuqhom hija bbażata l-Pożizzjoni Komuni;
F. billi xi żviluppi lejn sistema ta' verifika u rappurtar aktar b'saħħitha ġew osservati minn mindu ġew ippreżentati r-rapporti annwali tal-Kunsill skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK; billi, madanakollu, ma hemm l-ebda sistema standardizzata ta' verifika u rappurtar u l-Istati Membri japplikaw u jinterpretaw it-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni b’mod differenti meta jawtorizzaw jew jiċħdu l-esportazzjoni tal-istess kategoriji ta’ oġġetti militari lejn l-istess destinazzjonijiet; billi hemm, għalhekk, il-ħtieġa li jingħelbu l-ostakli leġiżlattivi u operazzjonali sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu japplikaw it-tmien kriterji aħjar u b'mod aktar ambizzjuż;
G. billi l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni kienet is-suġġett ta’ riċerka akkademika u ta’ pubblikazzjonijiet min-naħa tas-soċjetà ċivili; billi m’hemm l-ebda possibbiltà li l-konformità mat-tmien kriterji tiġi vverifikata b’mod indipendenti;
H. billi fis-snin li għaddew ġew approvati miżuri għall-kummerċ ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir bħall-protokoll tan-NU dwar l-armi tan-nar; billi oqsma bħall-kontroll fuq is-senserija fil-bejgħ tal-armi, il-produzzjoni awtorizzata b’liċenzja barra l-Unjoni Ewropea u l-kontroll tal-utenti aħħarija ġew inkorporati fl-aġenda u, sa ċertu punt, fil-Pożizzjoni Komuni stess;
I. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar oġġetti b'użu doppju tirregola l-esportazzjoni, it-trasferiment, is-senserija, u t-transitu ta' dawn l-oġġetti u hija rregolata mir-Regolament (UE) Nru 388/2012 tad-19 ta' April 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009; billi Lista aġġornata ta’ Oġġetti u Teknoloġiji b'Użu Doppju skont il-Ftehim ta’ Wassenaar ġiet adottata fi Frar 2012, iżda l-maġġoranza kbira ta’ prodotti b’użu doppju, b’mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġija għas-sorveljanza, għadhom mhumiex koperti b’sistema legalment vinkolanti ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni;
J. billi għadd kbir ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza u prodotti ta’ softwer ta’ sorveljanza kif ukoll ħafna oġġetti oħra użati f’għadd kbir ta’ pajjiżi benefiċjarji għal miżuri ripressivi kontra l-popolazzjoni tagħhom stess ma huma inklużi la fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea u lanqas fil-lista ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE;
K. billi l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għadhom iċ-ċentru ewlieni ta’ interess ta' attivitajiet marbutin mal-bejgħ barrani tal-armi mill-fornituri tal-armi; billi, matul il-perjodu 2004-2011, il-valur tal-ftehimiet għat-trasferiment tal-armi man-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw kien jammonta għal żewġ terzi tal-ftehimiet kollha ta’ dan it-tip mad-dinja kollha; billi t-trasferimenti irresponsabbli tal-armi u d-dejn relatat mal-armi qed idgħajfu l-possibbiltà ta’ bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG);
L. billi l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħarġu liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi b'valur totali ta' EUR 37,52 biljun fl-2011;
M. billi ġrajjiet bħar-Rebbiegħa Għarbija fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA) għal darb’oħra wrew li r-rabta problematika bejn id-demokratizzazzjoni u l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iġġib magħha responsabbiltà f’dak li huwa kummerċ tal-armi ma’ tali pajjiżi; billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija wrew għal darb’oħra l-ħtieġa u l-importanza assoluti tal-Pożizzjoni Komuni u t-tmien kriterji tagħha, kif ukoll ta’ ftehimiet internazzjonali usa’ bħat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; billi permezz tal-kapaċità ta’ previżjoni għandu jkun possibbli li inizjattivi u rapporti futuri jagħmlu użu minn tali tagħlimiet, speċjalment fil-każ tat-tixrid ta’ armi mibjugħa lil atturi mhux statali bħal fil-każ tal-Libja;
N. billi fis-snin li għaddew il-pajjiżi MENA kienu u għadhom fost ix-xerrejja ewlenin tal-armi Ewropej; billi fl-2010 u fl-2011, l-Istati Membri tal-UE esportaw armi b'valur totali ta' EUR 8 324,3 miljun u ta' EUR 7 975,2 miljun rispettivament lejn il-pajjiżi MENA, bil-ġustifikazzjoni ta' promozzjoni tal-istabilità politika[4]; billi bejn l-2006 u l-2010, biss biss fil-każ tal-Libja, l-Istati Membri tal-UE ħarġu liċenzji għall-esportazzjoni b'valur totali ta' EUR 1 056 miljun, filwaqt li fl-istess perjodu ta' żmien ġew miċħuda 54 applikazzjoni biex jiġu esportati l-armi lejn il-Libja abbażi tal-Kriterji 2, 7 u 5 (f'bosta każijiet abbażi tal-Kriterju 2)[5];
O. billi l-kummerċ internazzjonali tal-armi huwa meqjus minn Transparency International bħala wieħed mit-tliet negozji l-aktar korrotti fid-dinja;
1. Jinnota li, billi skont l-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI), l-Istati Membri tal-UE, meta jitqiesu flimkien, huma t-tieni l-akbar esportaturi tal-armi fid-dinja, issuperati bi ftit biss mill-Istati Uniti, u billi proporzjon dejjem jikber ta’ armi esportati – 61 % fl-2011 – qed jingħata lil pajjiżi barra mill-UE;
2. Jilqa’ l-fatt li l-pajjiżi terzi Ewropej u oħrajn li mhumiex Ewropej ingħaqdu mas-sistema tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT); jikkunsidra, madankollu, bi tħassib li t-tmien kriterji mhux qegħdin jiġu applikati u interpretati b’mod konsistenti fl-Istati Membri individwali tal-UE; jitlob, għalhekk, interpretazzjoni u implimentazzjoni standard, aktar uniformi u riveduti tal-Pożizzjoni Komuni flimkien mal-obbligi kollha tagħha, filwaqt li jiġi pprovdut mekkaniżmu fejn ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet ta’ sigurtà ta’ Stat Membru fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi; jinnota li l-UE hija l-unika unjoni ta’ stati li għandha qafas legalment vinkolanti, uniku fid-dinja, li permezz tiegħu l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jittejjeb, inkluż b’rabta mar-reġjuni fi kriżi u pajjiżi b’rekord dubjuż tad-drittijiet tal-bniedem u b’rabta ma’ pajjiżi li jippreżentaw riskju bil-provi ta’ diverżjoni tal-oġġetti trasferiti b’mod mhux awtorizzat lejn utenti finali oħrajn;
3. Huwa tal-fehma li fid-dawl tal-effetti negattivi li n-nefqa fuq l-armi għandha fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp ta' pajjiżi benefiċjarji foqra, il-valur tal-Kriterju 8 għandu jogħla billi ċ-ċaħda tal-liċenzji għall-esportazzjoni ssir awtomatika jekk dawn ma jkunux kompatibbli mal-iżvilupp;
4. Ifakkar li, peress li jseħħ permezz ta’ proċessi mhux trasparenti, ix-xiri tal-armi kkontribwixxa b’mod sinifikanti għad-dejn eċċessiv ta’ xi pajjiżi, inkluż numru ta’ Stati Membri; jinsisti, għalhekk, li għandu jkun hemm trasparenza akbar fir-rigward tax-xiri u l-bejgħ tal-armi u li l-informazzjoni dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-armi għandha tibqa’ tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-UE;
5. Iqis neċessarju li tinħoloq sistema standardizzata ta’ verifika u rappurtar sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni pubblika dwar jekk il-valutazzjonijiet tar-riskju u d-deċiżjonijiet b’rabta mal-esportazzjoni ta’ Stati Membri individwali tal-UE jkunux ġew iggwidati mit-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni u sa liema punt dan ikun seħħ, sabiex ikun hemm lok għal konklużjonijiet dwar sa liema punt il-kriterji jkunu ġew applikati min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali; iqis importanti li sistema bħal din tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-trasparenza;
6. Jinsisti, fid-dawl tal-proċess ta’ rieżami, li l-formulazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ċċarata u tkun anqas ambigwa sabiex jiġi żgurat li l-kriterji jiġu interpretati u applikati b’mod aktar uniformi; jinsisti b’mod partikolari li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiġi rispettat; jitlob li l-Gwida għall-Utent tippreżenta linji gwida aktar dettaljati fir-rigward tal-Kriterju 2 u l-Kriterju 7, kif ukoll aġġornament tal-Annessi I sa IV, inkluża referenza għall-istrateġiji nazzjonali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Jitlob l-inklużjoni fil-Pożizzjoni Komuni tas-sett ta' għodod ta' wara l-embargo li għandhom jintegraw jew jagħtu bidu għall-aspetti li ġejjin: (a) valutazzjonijiet regolari, bil-parteċipazzjoni ta' unitajiet u gruppi ta' ħidma oħra relevanti tal-UE għajr il-Grupp COARM, kif ukoll gvernijiet u awtoritajiet nazzjonali bil-ħsieb li jiġi ċċarat jekk l-UE għandhiex terġa' timponi embargo, tħallih taħt miżuri speċjali, jew tinnormalizza aktar il-kontrolli, (b) l-operat ta' politika ta' preżunzjoni ta' ċaħda fil-konfront tal-istat li kien taħt embargo, (c) l-applikazzjoni tal-ekwivalenti tal-avviż ta' ċaħda/mekkaniżmu ta' konsultazzjoni eżistenti fir-rigward tat-trasferimenti potenzjali kollha għall-istat li kien taħt embargo, (d) rapporti tal-istat dwar trasferimenti individwali sabiex jiġu inklużi fir-Rapport Konsolidat, (e) l-Istati Membri għandhom jirriservaw id-dritt li jwettqu spezzjonijiet wara t-trasferiment għal raġunijiet ta' verifika tal-użu aħħari, u (f) il-kontroll tal-użu aħħari fuq oġġetti b'użu doppju għal stati taħt embargo għandu jiġi estiż sabiex jiġu inklużi dawn l-istati;
8. Jistieden lill-Istati Membri, fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tat-tmien kriterji, sabiex jagħtu attenzjoni akbar lill-oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari, bħal pereżempju t-teknoloġija għas-sorveljanza, u bl-istess mod għal spare parts u prodotti li huma adatti għat-taqbid militari ċibernetiku jew li jistgħu jintużaw għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ma jwassalx għall-mewt ta' xi ħadd;
9. Barra minn hekk jitlob li l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jiġu applikati aħjar, jissuġġerixxi li t-tmien kriterji jiġu estiżi, fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni, anke għal servizzi marbutin mal-esportazzjonijiet tal-armi, kif ukoll mal-għarfien u t-taħriġ tal-armi; jitlob – fil-każ tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u ta' oġġetti b'użu doppju – biex il-kompatibbiltà mat-tmien kriterji tiġi vverifikata, dejjem jekk jeżistu raġunijiet biex wieħed jaħseb li l-esportazzjoni ta' tali oġġetti u teknoloġiji tkun fi ksur ta' wieħed mit-tmien kriterji;
10. Jiddispjaċih li fl-2010 kienu biss 63 % tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li fornew settijiet kompleti ta' data dwar l-armi li esportaw; jinnota li dawk il-pajjiżi li ripetutament ifornu data mhux kompluta huma wkoll fost l-akbar esportaturi tal-armi kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja;
11. Jinnota li fl-Istati Membri jeżistu metodi differenti għall-ġbir ta’ data dwar l-esportazzjoni tal-armi kif ukoll prattiki differenti għall-pubblikazzjoni tas-settijiet ta’ data miġbura, u dan wassal sabiex ir-rapport annwali tal-COARM jinkludi informazzjoni standardizzata dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa iżda ma jkunx jinkludi ċerta informazzjoni importanti dwar l-esportazzjoni reali tal-armi; jitlob, konsegwentement, l-introduzzjoni ta' proċedura standardizzata għar-rappurtar ta' informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet attwali li għandha tapplika b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha; jilqa' inizjattivi mill-Istati Membri biex itejbu s-sitwazzjoni u biex iressqu u jippublikaw informazzjoni preċiża, aġġornata u eżawrjenti; jitlob li ċ-ċaħdiet ta’ liċenzji individwali jkunu rrappurtati fir-rapport annwali tal-COARM b’referenza għan-numri tal-kriterji li fuqhom ikunu bbażati ċ-ċaħdiet u għall-Istat Membru kkonċernat;
12. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni addizzjonali aktar aġġornata li, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ tintuża bħala bażi għat-tfassil ta’ lista konġunta ta’ dawk l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti tal-armi ta’ pajjiżi individwali li jkunu fi ksur ta’ wieħed jew aktar mit-tmien kriterji, u bħala bażi għal fehim aħjar u kontrolli aħjar min-naħa ta’ korpi superviżorji nazzjonali u oħrajn internazzjonali li jkun hemm qbil komuni dwarhom, u tkun tista’ tintuża wkoll għar-rapport annwali tal-COARM; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, it-tfassil ta' mekkaniżmu ta' kontroll ta' wara l-esportazzjoni;
13. Jitlob sabiex fir-rapport annwali tal-COARM tiġi inkluża wkoll informazzjoni dwar id-destinazzjoni finali tal-esportazzjonijiet fi ħdan l-Ewropa, dwar it-trasferimenti possibbilment problematiċi lejn pajjiżi terzi u dwar il-produzzjoni awtorizzata b’liċenzja barra l-UE; jissuġġerixxi wkoll li r-rapport annwali tal-COARM jinkludi segwitu tal-kwistjonijiet b’rabta mal-esportazzjoni tal-armi identifikati fir-rapporti preċedenti, kif ukoll il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;
14. Jinnota li l-uffiċjali tal-gvern responsabbli għall-ħruġ ta' liċenzji nazzjonali għall-esportazzjoni qed jiġu kkonsultati, u għandhom jiġu kkonsultati fuq bażi aktar regolari, fil-laqgħat tal-COARM, f’kooperazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), billi dawn jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni skambjata; iqis, barra minn hekk, li l-konsultazzjonijiet għandhom jiġu estiżi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għar-rappreżentanti tal-industrija tad-difiża li jindirizzaw il-kwistjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi;
15. Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew kemm fl-implimentazzjoni u l-infurzar fil-livell nazzjonali u Ewropew tal-istandards tal-Pożizzjoni Komuni kif ukoll biex jistabbilixxu sistema ta' kontroll trasparenti u b'obbligu ta' rendikont; jappella għalhekk għal mekkaniżmu ta' kontroll trasparenti u b'saħħtu li jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili;
16. Jieħu nota tal-fatt li l-kontroll tal-konformità mal-kriterji jitwettaq skont ir-regolamenti nazzjonali, li m'hemm l-ebda possibbiltà li l-konformità mat-tmien kriterji tiġi vverifikata b'mod indipendenti u li ma hemm l-ebda konsegwenza għall-ksur tat-tmien kriterji minn Stat Membru; huwa tal-fehma li għandhom ikunu previsti possibilitajiet ta' verifika indipendenti tal-ksur tal-Pożizzjoni Komuni; huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali jew korpi parlamentari speċifiċi bħall-kumitati superviżorji parlamentari għandhom jiżguraw il-kontroll effettiv tal-applikazzjoni tal-kriterji; jistieden lill-Istati Membri jfittxu li jiksbu applikazzjoni uniformi u ambizzjuża tat-tmien kriterji; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu wkoll livell ħafna aktar għoli ta' trasparenza billi jippubblikaw settijiet ta' data aktar kompleti u f'waqthom dwar l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri kollha; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili;
17. Itenni mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-konklużjoni ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) robust u legalment vinkolanti fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali, taħt il-partroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza, għalhekk, li dan l-objettiv irid jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffavorixxu is-sodezza fir-rigward tal-isħubija u l-implimentazzjoni tat-trattat, minflok ma jiffavorixxu trattat dgħajjef approvat universalment. barra minn hekk, bi qbil mal-Artikolu 5.3 tat-Trattat, iħeġġeġ lill-istati kollha japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu għall-abkar firxa possibbli ta' armi konvenzjonali;
19. Jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmi ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà fl-implimentazzjoni effettiva ta’ kull ftehim internazzjonali dwar il-kontroll tal-armi; jitlob, għalhekk, l-inklużjoni ta’ mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Parteċipanti, fir-rigward ta' deċiżjonijiet relatati mal-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-trasferiment tal-armi, flimkien ma’ dispożizzjonijiet b’saħħithom u ċari għar-rappurtar pubbliku annwali min-naħa tal-Istati Parteċipanti dwar id-deċiżjonijiet kollha dwar it-trasferiment tal-armi; inkluża informazzjoni dwar it-tipi, l-ammonti u l-benefiċjarji tat-tagħmir awtorizzat għat-trasferiment kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni sħiħ u tad-dispożizzjonijiet tat-trattat;
20. Jenfasizza u jilqa’ l-fatt li t-trattat speċifikament jipprojbixxi t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali speċifiċi, inklużi armi ta’ kalibru żgħir, jekk dan ikun fi ksur ta’ sanzjonijiet u embargoes partikolari fuq l-armi imposti skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, jekk dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tal-istat esportatur skont il-ftehimiet internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari dawk relatati mat-trasferiment jew mat-traffikar illeċitu tal-armi konvenzjonali, u jekk ikun hemm għarfien li l-armi u l-oġġetti esportati għandhom il-potenzjal li jintużaw għal xi ġenoċidju, għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u għal attakki kontra l-popolazzjoni ċivili.
21. Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tissodisfa r-responsabbiltà akbar tagħha għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja permezz ta' limitazzjonijiet ulterjuri tal-armi u inizjattivi ta' diżarm, u li għandu jkollha rwol attiv fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni tal-armi, id-diżarm globali u kontrolli fuq it-trasferiment tal-armi;
22. Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tfassal strateġija komprensiva għall-konverżjoni; jirrakkomanda li, b’rabta ma’ din l-istrateġija, jitfassal pjan dwar kif il-produzzjoni tal-armi tista' tinbidel kemm jista' jkun malajr għal produzzjoni ta' beni ċivili;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 382, 30.12.2011, p. 1; ĠU C 386, 14.12.2012, p.1.
- [2] ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1; Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 5319/06, 13.1.2006.
- [3] http://www.wassenaar.org/
- [4] Rapport tal-2012 dwar l-esportazzjoni tal-armi tal-Gemeinsame Konferenz Kirche und Entwicklung (GKKE) (Konferenza Konġunta dwar il-Knisja u l-Izvilupp), p. 9.
- [5] ‘The Review of the EU Common Position on Arms Exports: prospects for strengthened controls’, Mark Bromley, Non-Proliferation Papers, Nru 7, Jannar 2012, p. 12.