Proċedura : 2013/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0265/2013

Testi mressqa :

B7-0265/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2013 - 8.22
CRE 12/06/2013 - 8.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0271

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kWORD 59k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0256/2013
5.6.2013
PE509.894v01-00
 
B7-0265/2013

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2013/2637(RSP))


Judith Sargentini, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda, Eva Lichtenberger f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2013/2637(RSP))  
B7‑0265/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2008)0229 tat-30 ta' April 2008 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni COM(2011)0137 tal-21 ta' Marzu 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0229), adottat fil-15 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti (O-000113/2012B7‑0055/2012 u O-000133/2012B7-0075/2012),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kompla saħħaħ l-obbligi ta' trasparenza tal-UE u stabbilixxa l-aċċess għad-dokumenti bħala dritt fundamentali;

B.  billi t-trasparenza hi għodda essenzjali li tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u timmonitorja wkoll dak il-proċess u l-azzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali mil-lat ta' kontabbiltà;

C. billi t-trasparenza hi ferm aktar importanti fil-proċeduri leġiżlattivi, fost l-oħrajn fid-dawl tal-prerogattivi msaħħa tal-UE fil-qasam tal-liġi kriminali, li teffettwa l-aktar id-drittijiet fundamentali ewlenin; billi l-Parlament f'diversi okkażjonijiet sejjaħ għal trasparenza msaħħa fil-proċedura leġiżlattiva, inkluża trasparenza fir-rigward tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet legali fil-proċeduri leġiżlattivi, u trasparenza akbar fit-'trilogi';

D. billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Ombudsman Ewropew sostanzjalment influenzaw il-fehim tar-Regolament 1049/2001; billi din il-każistika, speċjalment fir-rigward tal-użu ta' raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent fi proċedura leġiżlattiva, bħal Turco u Access Info, għandha tkun riflessa fil-leġiżlazzjoni;

E.  billi r-Regolament Nru 1049/2001 hu meqjus miċ-ċittadini tal-UE u mill-pubbliku tal-UE bħala leġiżlazzjoni importanti li tipprovdi l-għodda għal superviżjoni adegwata tal-azzjonijiet tal-UE; billi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għad trid tiġi mtejba, kif deher minn diversi każijiet trattati mill-Ombudsman;

F.  billi fl-2008 l-Kummissjoni pproponiet tfassil mill-ġdid tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi ma rtiratx din il-proposta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; billi l-Parlament informa kif xieraq lill-Kummissjoni dwar l-użu mhux kif xieraq tal-proċedura ta' tfassil mill-ġdid u billi, bħala konsegwenza, il-Parlament stess kellu jibdel it-test propost biex ikun adattat għat-Trattat ta' Lisbona;

G. billi fl-2011 il-Kummissjoni għamlet proposta addizzjonali li b'mod impliċitu biss testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE; billi l-Parlament għaqqad flimkien il-proċeduri tal-2008 u tal-2011 fi proċedura unika;

H. billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011, u t-trilogi bdew taħt il-Presidenza Daniża fl-ewwel nofs tal-2012; billi l-Kummissjoni ma qablitx mal-kompromessi possibbli li ġew proposti, u dan wassal għal impass ta' aktar minn sena;

I. billi l-presidenza Ċiprijotta u dik Irlandiża ma rnexxilhomx isolvu l-impass fil-Kunsill u jinbdew negozjati oħra minħabba r-reżistenza tal-Kummissjoni, li wasslet għal rekwiżit unanimu mill-Kunsill dwar ċerti punti;

J.   billi, minħabba l-obbligi ta' trasparenza msaħħa inklużi fit-Trattati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kull reviżjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tbaxxi l-livell attwali ta' trasparenza;

K. billi n-nuqqas ta' ftehim dwar verżjoni ġdida tar-Regolament Nru 1049/2001 tista' tibgħat messaġġ żbaljat dwar in-natura tal-UE liċ-ċittadini tagħha, u billi dan in-nuqqas jista' jdgħajjef il-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjoni tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej ewlenin li dalwaqt ikunu magħna;

1.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE biex jimplimentaw b'mod sħiħ ir-Regolament Nru 1049/2001;

2.  Iqis li l-emendar tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u jiddispjaċih li nħoloq dan l-impass; jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu flimkien biex tinstab soluzzjoni malajr kemm jista' jkun;

3.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jirrevedi r-Regolament Nru 1049/2001, li għandu, meta meħud kollu kemm hu, jagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess aktar miftuħ u mtejjeb għad-dokumenti tal-UE;

 

4.  Jinsisti li test emendat, bħala minimu assolut, u bi qbil mar-rekwiżiti tat-Trattat. għandu, b'mod espliċitu, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE; isaħħaħ it-trasparenza leġiżlattiva, fejn l-użu ta' eċċezzjonijiet fil-proċedura leġiżlattiva jikkostitwixxi eżenzjoni mir-regola ġenerali tat-trasparenza leġiżlattiva; jiċċara r-relazzjoni bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data; jinkludi l-Konvenzjoni Aarhus; ma jinkludix limitazzjoni fuq id-definizzjoni ta' 'dokument', u ma jintroduċi l-ebda eżenzjoni ġenerali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja b'mod sħiħ lilha nnifisha, fil-livelli politiċi u tekniċi, biex ir-Regolament Nru 1049/2001 jiġi adattat skont it-Trattat ta' Lisbona;

6.  Jistieden lill-Kunsill biex immedjatament jerġa' jibda d-diskussjoni dwar ir-Regolament Nru 1049/2001, biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u biex ikompli n-negozjati;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza