MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
5.6.2013 - (2013/2657(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0260/2013
B7‑0267/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari[1],
– wara li kkunsidra l-proċess ta' rieżami tal-Pożizzjoni Komuni li għaddej bħalissa fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM), li skont l-Artikolu 15 tagħha għandha tiġi riveduta tliet snin wara l-adozzjoni tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità[2],
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta' armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta' kalibru żgħir u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005[3],
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/CFSP tat-23 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kontroll tas-sensarija tal-armi[4],
– wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea fil-forma aġġornata tagħha tas-27 ta' Frar 2012[5],
– wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, li tiġi aġġornata regolarment[6],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoniji għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju flimkien mal-listi aġġornati fl-2011 u fl-2012 dwar dawn il-prodotti, teknoloġiji u munizzjonijiet[7],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2012 li jesprimu l-appoġġ tal-UE għal Ftehim Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armamenti fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti li jistabbilixxi standards komuni u vinkolanti dwar il-kummerċ globali tal-armi konvenzjonali[8],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tas-27 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2007 dwar is-Seba' u t-Tmien Rapporti Annwali tal-Kunsill skond id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 rigward in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi[10],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tirrappreżenta qafas legalment vinkolanti u fiha huma stabbiliti tmien kriterji, li l-ksur tagħhom għandu jkun iwassal għal ċaħda tal-liċenzja ta' esportazzjoni (Kriterji 1-4) jew tal-anqas għal kunsiderazzjoni ta' ċaħda (Kriterji 5-8);
B. billi l-istati terzi Bosnja-Ħerżegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja aderixxew b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;
C. billi skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jiddefinixxu biss standards minimi, u l-miżuri restrittivi politiċi għall-kontroll tal-armi tal-Istati Membri b'rabta ma' dan jibqgħu mhux mittiefsa; billi d-deċiżjonijiet dwar jekk jinħarġux liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi jew le b'konformità mal-kriterji huma, f'kull każ, kompetenza tal-Istati Membri individwali;
D. billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni juri biċ-ċar li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett ta’ esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, u billi dawn il-fatturi ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq.
E. billi l-Pożizzjoni Komuni tiddefinixxi l-usa’ fehim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji u tagħmir militari għall-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll nazzjonali ta’ esportazzjoni;
F. billi sar progress sinifikanti fl-ilħuq ta' ftehim bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, prinċipalment bis-saħħa tal-Gwida għall-Utent tal-Pożizzjoni Komuni, imfassla mill-Grupp COARM, li tagħti definizzjonijiet dettaljati tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji;
G. billi l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika wrew li l-Pożizzjoni Komuni ġiet implimentata b’mod effettiv;
H. billi diġà jeżisti mekkaniżmu sabiex l-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin dwar id-deċiżjonijiet ta' liċenzjar nazzjonali tagħhom bis-saħħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) u l-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;
I. billi, idealment, il-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi għandhom ikunu organizzati fuq bażi internazzjonali permezz tat-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi;
J. billi l-industrija tad-difiża għadha industrija ta' importanza strateġika vitali kif ukoll għajn ta' impjieg fl-UE, u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-impjiegi, l-iżvilupp teknoloġiku u l-inġinerija; billi t-tnaqqis fil-baġits nazzjonali tad-difiża fis-snin riċenti jfisser li l-esportazzjonijiet huma ta' importanza dejjem akbar għall-industriji tad-difiża;
1. Jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jipproċedu skont il-politiki nazzjonali tagħhom, filwaqt li jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt u mal-ftehimiet internazzjonali;
2. Jinnota li l-UE hija l-unika organizzazzjoni li għandha qafas legali vinkolanti għall-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, u jilqa' l-fatt li pajjiżi Ewropew u mhux Ewropej ingħaqdu mas-sistema ta' kontroll għall-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni; jinnota, madankollu, li l-livell ta' rigorożità li bih jiġu applikati u interpretati t-tmien kriterji fl-Istati Membri tal-UE jvarja; jappella, għalhekk, għal interpretazzjoni u implimentazzjoni aktar ċara tal-Pożizzjoni Komuni flimkien mal-obbligi kollha tagħha;
3. Jilqa' l-konklużjoni, taħt il-partroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) li huwa legalment vinkolanti dwar il-kummerċ internazzjonali ta' armi konvenzjonali wara seba' snin ta' negozjati, li ħoloq sistema ta' kontroll tal-armi internazzjonali effettiva;
4. Jirrikonoxxi li, fuq bażi ta' kull każ għalih, jista' jintlaħaq ftehim dwar eċċezzjonijiet għall-Pożizzjoni Komuni;
5. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm implimentazzjoni effettiva u kredibbli tal-ATT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiffukaw l-isforzi internazzjonali tagħhom fuq ħidma favur l-iffirmar universali u d-dħul fis-seħħ bikri tiegħu;
6. Jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-Istati Membri tal-UE favur proċess internazzjonali biex jiġu stabbiliti regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq dawk il-pajjiżi li għadhom ma aderixxewx mal-ftehimiet internazzjonali;
7. Jinnota r-rwol importanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-infurzar, fil-livell nazzjonali u Ewropew, tal-istandards tal-Pożizzjoni Komuni li jkun intlaħaq ftehim dwarhom, u fit-twaqqif ta' sistema ta' kontroll trasparenti b'obbligu ta' rendikont;
8. Jappella, barra minn hekk, għall-applikazzjoni xierqa tal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK kif inhi bħalissa, u sabiex ma jiġux introdotti miżuri ġodda;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
- [2] ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
- [3] ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1; Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 5319/06, 13.1.2006.
- [4] ĠU L 156, 25.6.2003, p. 79.
- [5] ĠU C 85, 22.3.2012, p.1.
- [6] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9241/09, 29.4.2009.
- [7] http://www.wassenaar.org/
- [8] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, it-3179 Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012 fil-Lussemburgu.
- [9] ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 210.
- [10] P7_TA(2012)0251.