MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura
10.6.2013 - (2013/2672(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Roberto Gualtieri f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/ALE
B7‑0271/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ‘proposti leġiżlattivi futuri dwar il-UEM: rispons għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni’[1], il-Parlament hu tal-fehma li l-koordinazzjoni ex ante formali tar-riformi tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE għandha tkun: (i) imsaħħa abbażi tal-metodu Komunitarju, (ii) allinjata mal-istrumenti tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u (iii) iddisinjata b’mod konġunt ma’ strumenti ġodda bbażati fuq is-solidarjetà u l-inċentivi;
B. billi l-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti għall-koordinazzjoni ex ante għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u għandhom ikunu miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni;
C. billi fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-23 ta’ Mejju 2013, il-Parlament hu tal-fehma li kwalunkwe Strument għall-Konverġenza u l-Kompetittività (ICC) ġdid propost għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ikun ibbażat fuq il-metodu Komunitarju u jipprovdi għal skrutinju xieraq mill-Parlament; billi l-Parlament jirrimarka li tali mekkaniżmu għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' faċilità ġdida attivata u rregolata skont il-metodu Komunitarju bħala parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda b’mod separat mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ; billi huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istrumenti għall-konverġenza u l-kompetittività huma l-ewwel elementi fundamentali ta’ kapaċità fiskali ġenwina li tappoġġja s-solidarjetà u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali sostenibbli li jsaħħu t-tkabbir;
D. billi l-Kummissjoni għandha tressaq proposti immedjatament, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sabiex tittrasponi f’leġiżlazzjoni sekondarja l-impenji magħmula mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tat-28 ta’ Ġunju 2012 fir-rigward tal-‘patt għat-tkabbir u l-impjiegi’;
E. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta’ Mejju 2013 l-Parlament jenfasizza l-ħtieġa li ssir l-adozzjoni, skont is-Semestru Ewropew, ta' kodiċi ta' konverġenza bbażat fuq l-istrateġija Ewropa 2020 u li jkun jinkludi pilastru soċjali;
1. Isib li n-nuqqas ġenerali u predominanti ta’ ambizzjoni li qed juri l-Kunsill fir-rispons tiegħu għall-kriżi huwa ta’ tħassib kbir; jinsab imħasseb, barra minn hekk, dwar l-influwenza negattiva li ċ-ċikli elettorali nazzjonali qed ikollhom fuq l-abilità tal-Unjoni li tieħu deċiżjonijiet awtonomi; jiddeplora l-posponiment ulterjuri tad-deċiżjonijiet kollha dwar l-arkitettura futura tal-UEM; bl-istess mod jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew darbtejn ittratiena d-deċiżjonijiet antiċipati tiegħu dwar il-futur tal-UEM u li jista’ jerġa' jagħmel l-istess għal darba oħra fis-samit li jmiss;
2. Jinsab imħasseb serjament li l-obbligu ta’ rendikont demokratiku fl-UEM (ir-raba’ element fundamentali) s’issa għadu ma ġiex indirizzat kif għandu jkun fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill; iqis li dan il-fatt huwa deplorabbli għalkollox;
3. Itenni għal darba oħra li kwalunkwe inizjattiva ulterjuri għal UEM profonda u ġenwina bbażata fuq l-istabilità, it-tkabbir sostenibbli, is-solidarjetà u d-demokrazija għandha imperattivament tiġi stabbilita skont il-metodu Komunitarju; jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej huma rekwiżiti li jipprattikaw kooperazzjoni reċiproka sinċiera; ifakkar lill-Kunsill Ewropew li ma għandu l-ebda prerogattiva bbażata fuq it-Trattati ta’ inizjattiva leġiżlattiva u li għandu jieqaf jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-forma u/jew il-kontenut ta’ kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ulterjuri u għandu jieqaf jinjora r-rwoli koordinattivi, eżekuttivi u maniġerjali tal-Kummissjoni kif stabbiliti fit-Trattati;
4. Iwissi lill-Kunsill Ewropew, f’dan ir-rigward, li ma għandux jindaħal iż-żejjed fil-proċess tas-Semestru Ewropew, u li għandu jiżgura li l-proċeduri li sar qbil dwarhom jiġu segwiti;
5. Itenni li ma jista jaċċetta l-ebda elementi intergovernattivi ulterjuri fir-rigward tal-UEM u li se jieħu kull azzjoni meħtieġa u xierqa li għandu fil-prerogattivi tiegħu jekk tali twissijiet jiġu injorati; ifakkar li l-‘patt fiskali’ għandu jiġi integrat fid-dritt tal-UE fi żmien ta’ mhux aktar minn ħames snin, abbażi ta’ valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar Stabbiltà, Koordinazzjoni u Governanza fl-UEM;
6. Ifakkar fil-pożizzjoni fundamentali tiegħu li l-UEM msaħħa ma għandhiex tifred lill-UE imma, għall-kuntrarju, għandha tistabbilixxi integrazzjoni aktar profonda u governanza aktar b’saħħitha, li għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li m’għumiex fiż-żona tal-euro, fuq bażi volontarja;
7. Ifakkar lill-Kummissjoni li hi waħedha għandha d-dritt tal-inizjattiva leġiżlattiva; għalhekk jinsab konfuż dwar ir-raġuni għala l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx testi leġiżlattivi bbażati fuq il-proposti li jinsabu fil-‘Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew’ (COM(2012)0777) u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-regolamenti tat-‘Two-Pack’; jemmen li jekk il-Kummissjoni ma tiħux tali inizjattiva b’ħala kwistjoni ta' urġenza, se tkun qed tittraskura r-responsabilitajiet tagħha kemm dawk politiċi u kemm dawk ibbażati fuq it-Trattati;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, skont, is-Semestru Ewropew, proposta għall-adozzjoni ta' kodiċi ta' konverġenza bbażat fuq l-istrateġija Ewropa 2020 u li jkun jistabbilixxi pilastru soċjali b'saħħtu; jinsisti li l-Programmi ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandhom jiżguraw li l-kodiċi ta’ konverġenza jiġi implimentat mill-Istati Membri kollha, appoġġjati minn mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi;
9. Jenfasizza li l-fatt li l-munita tal-Unjoni hija l-euro, li l-parlament tagħha hu l-Parlament Ewropew u li l-arkitettura futura tal-UEM għandha tirrikonoxxi li l-Parlament huwa s-sedja tal-obbligu ta’ rendikont fil-livell tal-Unjoni; jitlob b’insistenza li kulmeta kompetenzi ġodda jiġu trasferiti għal-livell tal-Unjoni jew maħluqa fih jew kulmeta jitwaqqfu istituzzjonijiet ġodda tal-Unjoni, għandhom jiġu żgurati grad korrispondenti ta’ kontroll demokratiku mill-Parlament kif ukoll grad korrispondenti tal-obbligu ta’ rendikont quddiem il-Parlament;
10. Itenni t-talbiet insistenti ripetuti tiegħu li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jiġi integrat fl-acquis Komunitarju ħalli jkun jista’ jiġi mmaniġġjat skont il-metodu Komunitarju, u li jingħata l-obbligu ta' rendikont quddiem il-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal dak il-għan; ifakkar lill-Grupp tal-euro li l-Parlament irċieva assigurazzjonijiet bil-miktub li l-MES se jkun soġġett għall-iskrutinju tal-Parlament;
11. Ifakkar li l-parteċipazzjoni tal-UE fis-sistema tat-‘trojka’ għandha tkun soġġetta għall-iskrutinju demokratiku mill-Parlament u għall-obbligu ta' rendikont quddiemu;
12. Jinsab estremament inkwetat dwar id-dewmien biex tiġi stabbilita l-Unjoni Bankarja u l-modalitajiet prattiċi tar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-attivitajiet bankarji mill-MES; jinsab, b’mod partikolari, allarmat minħabba l-frammentazzjoni li qed isseħħ bħalissa tas-sistema bankarja tal-UE; jenfasizza li Unjoni Bankarja robusta u ambizzjuża hija komponent ewlieni ta’ UEM aktar profonda u ġenwina, u politika ewlenija li fuqha l-Parlament ilu jinsisti għal aktar minn tliet snin, b’mod partikolari mindu ġew adottati l-pożizzjonijiet tiegħu dwar ir-regolament dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea;
13. Jinsisti li fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa l-President tal-Parlament għandu jippreżenta l-fehmiet tal-Parlament dwar is-stħarriġ annwali dwar it-tkabbir; hu tal-fehma li għandu jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali sabiex il-Parlament jiġi involut fl-approvazzjoni tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u tal-linji gwida għall-politika ekonomika u l-impjiegi.
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0222.