MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
10.6.2013 - (2013/2673(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nadja Hirsch, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
B7‑0278/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 intitolata "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (test adottat, P7 TA(2013(0016))
– wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni ta' akkumpanjament tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 intitolata "Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi" (COM(2012)727),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Jannar 2013, 23% taż-żgħażagħ attivi kienu qiegħda, bir-rati li jvarjaw minn 9 % jew anqas fl-Awstrija u l-Ġermanja għal aktar minn 55 % fil-Greċja u fi Spanja, u b'hekk dan jindika differenzi ġeografiċi kbar;
B. billi 8.3 miljun Ewropew taħt l-età ta' 25 sena la qegħdin jaħdmu u lanqas jistudjaw jew jitħarġu (NEETs); u billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u qed joħolqu r-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa;
C. billi l-impatt ekonomiku taż-żgħażagħ li mhumiex qed jistudjaw, jaħdmu jew jitħarġu ġie stmat għal telf ta’ EUR 153 biljun fl-2011, li jikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE; billi dan jirrappreżenta piż soċjali u ekonomiku serju;
D. billi 15 % tat-tfal jitilqu mill-iskola mingħajr ma jlestu l-edukazzjoni sekondarja, u 10 % taċ-ċittadini tal-UE qed jgħixu f'familji mingħajr xogħol;
E. billi ż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni huma f'periklu akbar li jispiċċaw is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika ta' livell ta' edukazzjoni sekondarja ogħla;
F. billi xogħol diċenti huwa protezzjoni reali kontra l-faqar;
G. billi politiki attivi tas-suq tax-xogħol u strateġiji ta' attivazzjoni huma fatturi ewlenin li jgħinu lil dawk qiegħda jsibu impjieg deċenti;
H. billi gwida individwali u adegwata meta wieħed ikun qed ifittex xogħol hija importanti għat-titjib tal-opportunitajiet ta' suċċess;
I. billi minkejja livelli ġenerali għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ċerti setturi bħall-ICT u setturi tas-saħħa dejjem qed ikollhom iktar diffikultà biex jimlew postijiet vakanti b'persunal ikkwalifikat;
J. billi differenza li dejjem qed tiżdied bejn il-kwalifiki tal-gradwati u r-rekwiżiti tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol tista' tiġi osservata f'ċerti Stati Membri;
K. billi minħabba l-enfasi tagħha fuq ħiliet prattiċi, is-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali u tal-korsijiet tal-lawrja li jikkombinaw lati akkademiċi u vokazzjonali li titħaddem f’xi Stati Membri tat prova tas-siwi tagħha, b'mod partikolari tul il-kriżi, u l-livelli tal-qgħad taż-żgħażagħ żammithom baxxi billi liż-żgħażagħ ħejjiethom aħjar għax-xogħol;
L. billi riżorsi edukattivi miftuħa jtejbu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-ekwità tal-edukazzjoni u jiffaċilitaw proċess ta' tagħlim interattiv, kreattiv, flessibbli u personalizzat permezz tal-użu tal-ICT u teknoloġiji ġodda; billi edukazzjoni miftuħa ssaħħaħ l-impjegabilità sostenibbli billi tappoġġa t-tagħlim tul il-ħajja;
M. billi jista’ jiġi osservat nuqqas ta’ tlaqqigħ ġeografiku bejn il-provvista u d-domanda ta’ xogħlijiet u ħiliet kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom;
1. Jinsisti li s-soluzzjoni għall-problema urġenti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija t-titjib tal-ambjent ekonomiku ġenerali; jemmen li r-riformi tas-swieq huma neċessarji, bħat-tisħiħ tas-suq intern tas-servizzi, u li l-ftehimiet kummerċjali u l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment ta' negozji huma importanti għall-ekonomija li qed tikber fejn jinħolqu l-impjiegi; miżuri speċjali ffukati fuq iż-żgħażagħ huma importanti iżda jeħtieġ li jiġi żgurat li l-UE tiddependi fuq ekonomija b'saħħitha, kompetittiva u moderna;
2. jenfasizza li l-investiment fl-impjiegi għaż-żgħażagħ jeħtieġ ikun kompenent ewlieni tal-istrateġiji nazzjonali ta' investimement;
3. Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali urġenti li qed tiffaċċja l-UE, iżidu l-livell ta' investiment fil-kwalità tat-taħriġ u l-apprendistat vokazzjonali biex iħejju liż-żgħażagħ għall-proċess tal-integrazzjoi soċjali u professjonali;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri qawwija biex jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment permezz ta' azzjoni preventiva kontra t-tluq kmieni mill-iskola jew minn skemi ta' taħriġ jew apprendistat (pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' sistema edukattiva doppja jew tipi oħra ta' oqfsa ugwalment effiċjenti), u jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarġu (NEETs);
5. Jenfasizza li l-investiment soċjali favur in-NEETs inaqqas it-telf attwali għall-ekonomija kkawżat mid-diżimpenn taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol, li huwa stmat mill-Eurofound li jammonta għal EUR 153 biljun, jew 1.2 % tal-PDG tal-UE;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi xierqa għall-investiment soċjali, inkluża l-allokazzjoni ta' ammont fiss ta' 25 % tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għall-FSE;
7. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea titlob b'mod attiv għall-appoġġ u l-inizjattivi kif ukoll għall-forom oħra ta' kooperazzjoni mas-settur privat fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;
8. jilqa' l-investimenti fiż-żmien qasir u medju bħal pereżemju l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-żgħażagħ, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqas ta' miżuri strutturali fit-tul u n-nuqqas ta' riformi neċessarji biex jippermettu lis-sistemi tal-edukazzjoni f'ċerti Stati Membri jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur bl-għan li jiżguraw l-impjegabilità;
9. Jilqa' s-suċċessur propost għall-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress inkluż fil-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, bħala strument importanti li jiffaċilita l-impjieg indipendenti għaż-żgħażagħ;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jtejbu l-appoġġ għall-impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ; jistedinhom ineħħu l-burokrazija, jintroduċu politiki favorevoli tat-tassazzjoni, jistabbilixxu klima aktar favorevoli għal investimenti privati u jindirizzaw il-liġijiet sproporzjonatament punittivi dwar il-fallimenti;
11. Jinnota li l-investiment soċjali fiż-żgħażagħ jista’ jkollu firxa wiesgħa ta’ forom inkluż fost l-oħrajn il-forma ta’ żvilupp ta’ sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ u n-negozji lokali u reġjonali, provvediment ta’ programmi ta’ taħriġ u internship għaż-żgħażagħ ta’ kwalità għolja, skemi vokazzjonali b’kooperazzjoni mal-impriżi; skemi ta’ sponserizzazzjoni tal-impjegati biex jiġu reklutati u mħarrġa ż-żgħażagħ fuq ix-xogħol jew biex tiġi żgurata tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà; u tiġi promossa mobilità reġjonali, Ewropea u internazzjonali, permezz ta' progress ulterjuri lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor stejjer ta' suċċess mill-qasam tat-taħriġ taż-żgħażagħ u tippubblikahom fil-forma ta' manwal għall-użu minn Stati Membri oħra;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw l-istrateġiji tagħhom u jsibu soluzzjonijiet komuni għall-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li f'ċerti żoni ġeografiċi l-qgħad jista' jiġi indirizzat l-aħjar permezz ta' miżuri transkonfinali iżda wkoll peress li l-livell tal-qgħad jikkostitwixxi sfida għall-ekonomija ġenerali tal-UE;
14. Jenfasizza li s-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali u l-istudju fuq żewġ binarji, bil-konċentrazzjoni tagħhom fuq l-esperjenza prattika, il-kriżi ekonomika ssuperawha b’mod partikolarment tajjeb, u għenu biex ibaxxu l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi lil dawn tal-aħħar ħejjewhom aħjar għax-xogħol, u jistieden għalhekk, lill-Istati Membri milquta mill-kriżi biex iqisu li jirriformaw is-sistema ta' taħriġ tagħhom flimkien ma' dawn il-linji;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-prattiki tajba u ta' suċċess;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi rapport annwali dwar ir-riforma tas-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, biex b'hekk tagħti kontribuzzjoni strutturali fit-tul għat-titjib tal-impjegabilità taż-żgħażagħ;
17. Jistieden li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw objettivi u indikaturi ċari għall-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex effettivament ikunu fil-qagħda li jkejlu u jevalwaw l-impatt ta’ din l-inizjattiva;
18. Jenfasizza, madankollu, li l-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ma tistax tieħu post l-isforzi u r-riformi strutturali li f’ċerti Stati Membri għandhom jippreparaw is-sistemi tal-edukazzjoni u s-swieq tax-xogħol għall-isfidi tal-futur;
19. Jitlob frontloading tat-EUR 3 biljun allokati għall-Inizjattiva l-ġdida favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu implimentati l-garanziji għaż-żgħażagħ bħala kwistjoni ta' urġenza; jenfasizza li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-garanziji għaż-żgħażagħ madwar iż-żona tal-euro huma stmati mill-ILO għal EUR 21 biljun jilqa' l-estensjoni tal-grupp ta' eliġibbiltà għall-garanzija taż-żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Unjoni, partikolarment permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni f'waqtha u rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta' dawk l-inizjattivi;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli eżistenti għall-apprendistati, l-iskemi ta’ taħriġ, u l-internships transkonfinali, biex jilħqu aħjar il-provvista u d-domanda ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ, u b’hekk tittejjeb il-mobilità u l-impjegabilità, b’mod partikolari f’reġjuni tal-fruntiera;
22. Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali, sabiex jiġu ffaċilitati u mħeġġa l-mobilità tal-istudenti u l-mobilità taż-żgħażagħ impjegati u qiegħda;
23. Jirrikonoxxi każijiet li kienu diġà ta' suċċess iżda jħeġġeġ aktar inizjattivi tas-settur għat-titjib tat-tlaqqigħ tal-ħaddiema futuri meħtieġa u ż-żgħażagħ qiegħda sabiex ir-rappreżentanti ta' setturi speċifiċi ikunu jafu aħjar x'inhuma l-ħtiġijiet futuri tagħhom rigward ħiliet u taħriġ;
24. Jilqa' l-inizjattivi tal-mobilità taż-żgħażagħ tal-UE bħal pereżempju l-MobiPro fil-Ġermanja, li hija prova tal-isforzi nazzjonali li jipprovdu soluzzjoni għall-problemi f'diversi Stati Membri fl-istess ħin;
25. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-impriżi u s-settur edukattiv fil-livelli kollha bil-għan li jtejbu l-mod kif il-kurikula jorbtu mad-domanda tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jestendu l-Alleanzi tal-Ħiliet u Settorjali u l-Alleanzi tal-Għarfien; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm kurrikula aktar flessibbli li jippermettu adattament aħjar għal żviluppi tal-ġejjieni fis-suq tax-xogħol;
26. Jissottolinja l-importanza għaż-żgħażagħ li jiksbu ħiliet trasversali bħal pereżempju ħiliet fl-ICT, ħiliet ta' tmexxija, ħiliet fil-ħsieb kritiku u fil-lingwi, kif ukoll bl-istudju barra mill-pajjiż, biex jitjiebu l-prospetti taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-adattabilità tagħhom għal żviluppi futuri fis-suq tax-xogħol;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA-(2012)0224.
- [2] P7_TA-PROV(2013)0092.