MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) - Azzjoni Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
10.6.2013 - (2013/2673(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hannes Swoboda f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0270/2013
B7‑0279/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) - Azzjoni Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 intitolata "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni ta' akkumpanjament tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 intitolata "Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi" (COM(2012)727),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2012/2901(RSP)),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2013 dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 22,8 % taż-żgħażagħ fl-UE attwalment huma qiegħda, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jaqbeż il-50 % f'uħud mill-Istati Membri;
B. billi 8.3 miljun Ewropew taħt il-25 sena u 6.5 miljun żagħżugħ aktar bejn l-età ta' 25–29 mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarġu (NEETs); u billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u qed joħolqu r-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa;
C. billi ż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni, ir-Roma, il-persuni b'diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra huma f'periklu akbar li jispiċċaw is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika ta' livell ta' edukazzjoni sekondarja ogħla;
D. billi 15 % tat-tfal jitilqu kmieni mill-iskola mingħajr ma jlestu l-edukazzjoni sekondarja, u 10 % taċ-ċittadini Ewropej qed jgħixu f'unità domestika mingħajr xogħol;
E. billi l-ewwel indikazzjonijiet li żagħżugħ x'aktarx jitlaq mill-iskola huma sinjal ta' twissija bikrija ta' ċirku vizzjuż ta' faqar;
1. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew fl-aħħar irrikonoxxa l-importanza tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-prosperità tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħala parti minn pass usa' għall-garanzija tad-drittijiet soċjali u għall-indirizzar tal-iżbilanċi soċjali fl-Unjoni Ewropea;
Il-Qgħad fost iż-Żgħażagħ bħala żbilanċ soċjali
2. Jissottolinja l-effetti makroekonomiċi negattivi speċjalment l-impatt fuq it-tkabbir, l-impjegabilità u l-produttività futuri tal-iżbilanċi soċjali rigward l-impjieg taż-żgħażagħ bejn l-Istati Membri; għalhekk jitlob li jittieħdu azzjonijiet tal-UE biex jitneħħew dawn l-iżbilanċi fil-qafas tas-simestru Ewropew;
3. Jistieden f'dan il-kuntest lill-Kunsill biex jaqbel dwar l-inklużjoni ta' indikaturi soċjali fil-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, inklużi indikaturi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kunsill jaqbel b'mod parallel dwar l-iżvilupp ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi soċjali komuni inklużi indikaturi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ u li tinkludi mekkaniżmu ta' twissija għall-progress ta' monitoraġġ fl-Istati Membri;
4. Jissottolinja li l-mobilità taż-żgħażagħ biss ma tistax titqies bħala tweġiba sostenibbli għall-impjiegi taż-żgħażagħ peress li tista' twassal għal "eżodu ta' mħuħ" kif ukoll tnaqqis fil-kapital soċjali u l-protezzjoni soċjali f'ħafna Stati Membri; jistieden lill-Kunsill biex jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq it-titjib tal-mobilità volontarja ekonomika fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu evitati l-eżiljati ekonomiċi, u biex tissaħħaħ il-portabilità tal-pensjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-protezzjoni soċjali fl-UE kollha;
5. Jissottolinja li l-impjieg indipendenti taż-żgħażagħ ma jistax jitqies bħala tweġiba prinċipali għall-qgħad fost iż-żgħażagħ peress li ż-żgħażagħ f'impjieg indipendenti qed jiffaċċjaw rati ogħla ta' faqar, insolvenza u xogħol indipendenti fittizju; jenfasizza aktar dan il-punt dwar in-numru eċċessivament għoli ta' żgħażagħ qiegħda f'ħafna Stati Membri;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill jibda jaħdem fuq il-ħolqien ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fil-livell tal-UE, billi jibda bil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex jiġu assorbiti xokkijiet ekonomiċi speċifiċi għal kull pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni telabora dwar il-fattibilità u l-valur miżjud tal-introduzzjoni ta' allowance minima tal-qgħad fiż-żmien medju;
7. Jenfasizza li l-aktar strument effiċjenti għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul huwa t-tkabbir ekonomiku sostenibbli li huwa appoġġat mill-istabbiliment ta' Unjoni bankarja tal-UE sabiex terġa' tinbena l-kapaċità ta' investiment fi Stati Membri periferiċi;
Garanzija għaż-Żgħażagħ
8. Jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2013 dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, jitlob l-implimentazzjoni malajr tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhijiex garanzija ta’ impjieg iżda strument li jiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE u r-residenti legali sal-età ta' 30 sena li jkunu qiegħda, issirilhom offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta jsibu ruħhom bla xogħol jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali; jissottolinja b’mod partikolari li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom itejbu l-qagħda taż-żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarġu (NEETs), kif ukoll dawk minn gruppi soċjali partikolarment vulnerabbli;
9. Għandu l-fehma li l-finanzjament tal-UE għall-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollu rwol ewlieni, u jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, għall-antiċipazzjoni tal-EUR 6 biljuni allokati għall-Inizjattiva l-ġdida favur l-Impjieg għaż-Żgħażagħ fl-ewwel sentejn tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu implimentati l-garanziji għaż-żgħażagħ fir-reġjuni NUTS 2 li fl-2012 kellhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 20 % (minn hawn 'il quddiem "reġjuni eliġibbli"), jew fir-reġjuni NUTS 3 li fl-2012 kellhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 22.5 %;
10. Jilqa' l-EUR 6 biljuni allokati għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jenfasizza madankollu, li l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ fiż-Żona tal-Euro biss huma stmati għal EUR 21 biljun mill-ILO u għalhekk huma meħtieġa aktar fondi sinifikanti; Jenfasizza li l-investiment soċjali favur in-NEETs inaqqas it-telf attwali għall-ekonomija kkawżat mid-diżimpenn taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol, li huwa stmat mill-Eurofound li jammonta għal EUR 153 biljun, jew 1.2 % tal-PDG tal-UE; jitlob għalhekk, li l-allokazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiġi riveduta 'l fuq fil-kuntest ta' reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, fejn jeħtieġ li tingħata flessibilità, speċjalment fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
11. Jenfasizza wkoll li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) b’mod partikolari għandu jkun strutturat b’tali mod li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun tista’ tiġi ffinanzjata, u li l-FSE għaldaqstant għandu jiġi allokat tal-anqas 25 % tal-allokazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni; jemmen, madankollu, li għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn finanzjament mill-UE u dak mill-Istati Membri;
12. Iħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, pereżempju billi jorbot is-self mal-ħolqien tal-impjiegi u mal-postijiet ta’ taħriġ, jew billi jappoġġa l-iżvilupp ta' sistemi ta’ edukazzjoni doppja; jissottolinja li tali mekkaniżmi ta' self għandhom ikunu estiżi għall-krediti bankarji kollha; jenfasizza, madankollu, li s-self tal-BEI għandu jitqies bħala suppliment għall-finanzjament mill-UE fil-forma ta’ għotjiet, u mhux bħala sostitut għalih;
13. Jinsisti li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati minn qafas ta’ kwalità sabiex jiżgura li l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħlijiet offerti jkunu jinkludu kundizzjonijiet ta' paga, xogħol u saħħa u standards tas-sigurtà xierqa;
14. Jitlob l-inklużjoni kmieni tas-sħab soċjali matul l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;
Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali
15. Jenfasizza li l-investiment fl-impjiegi għaż-żgħażagħ jeħtieġu jkunu kompenent ewlieni tal-istrateġiji nazzjonali ta' investiment; it-tkabbir inklużiv għandu jipproteġi lil dawk is-setturi tas-soċjetà li huma kapaċi jmexxu lis-soċjetà 'l quddiem, u għalhekk, jistieden lill-Istati Membri jeskludu l-investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ mill-miri tad-defiċit nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri qawwija biex jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment permezz ta' azzjoni preventiva kontra t-tluq kmieni mill-iskola jew minn skemi ta' taħriġ jew apprendistat (pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' sistema edukattiva doppja jew tipi oħra ta' oqfsa ugwalment effiċjenti), u jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarġu (NEETs); jenfasizza wkoll ir-rwol importanti tas-sħab soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza wkoll ir-responsabilità tal-impriżi li jikkontribwixxu għall-esperjenza ta' taħriġ ta' kwalità għolja fuq ix-xogħol miż-żgħażagħ;
16. Jinnota li l-investiment soċjali fiż-żgħażagħ jista’ jkollu firxa wiesgħa ta’ forom inkluż fost l-oħrajn il-forma ta’ żvilupp ta’ sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ u n-negozji lokali u reġjonali, provvediment ta’ programmi ta’ taħriġ u internship għaż-żgħażagħ ta’ kwalità għolja, skemi vokazzjonali b’kooperazzjoni mal-impriżi; skemi ta’ sponserizzazzjoni tal-impjegati biex jiġu reklutati u mħarrġa ż-żgħażagħ fuq ix-xogħol jew biex tiġi żgurata tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà; u tiġi promossa mobilità reġjonali, Ewropea u internazzjonali, permezz ta' progress ulterjuri lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet; jenfasizza wkoll li l-investiment soċjali jista’ jmur id f’id ma’ inċentivi effiċjenti, bħalma huma sussidji tal-impjiegi jew kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għaż-żgħażagħ, li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti, bil-għan li min iħaddem, fis-settur pubbliku u f’dak privat, jirreklutaw żgħażagħ, jinvestu sew fil-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ kif ukoll fit-taħriġ kontinwu u fit-titjib tal-ħiliet mat-tul kollu tal-impjieg, u jappoġġaw l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA-(2012)0224.