MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) - Azzjoni Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
10.6.2013 - (2013/2673(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gabriele Zimmer, Inês Cristina Zuber, Paul Murphy, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Alda Sousa, Nikolaos Chountis, Willy Meyer, Kyriacos Triantaphyllides, Younous Omarjee, Jacky Hénin f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0280/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) - Azzjoni Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Qgħad Fost iż-Żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, adottati fil-Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi tat-28-29 ta' Ġunju 2012, li jenfasizza l-ħtiega li jiġi miġġieled il-qgħad li qed jikber fost iż-żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tas-7 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fil-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni konġunta tal-gvernijiet ta' Franza u tal-Ġermanja fit-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill tas-27-28 ta' Ġunju 2013 bit-titolu 'Franza u l-Ġermanja – Flimkien għal Ewropa ta' Stabbiltà u Tkabbir aktar b'saħħitha' (30 ta' Mejju 2013),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'Semestru Ewropew 2013: Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiż – Immexxu l-Ewropa lil hinn mill-kriżi' (COM (2013) 350),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni – bħal ħafna drabi fis-snin li għaddew – kellha tbaxxi l-previżjonijiet ekonomiċi inizjalment aktar ottimisti għall-2013/2014: il-PDG tal-UE-27 hu mistenni jonqos b'0.1 % fl-2013, u l-PDG taż-żona euro hu mistenni jinżel b'04 % fl-2013, wara tnaqqis ta' 0.6 % fl-2012; billi bosta Stati Membri tal-UE b'hekk għadhom qed jiffaċċaw reċessjoni jew staġnar ekonomiku għall-futur prevedibbli, bl-Istati Membri tan-Nosfinhar l-aktar milquta b'dawn l-iżviluppi;
B. billi r-rata tal-qgħad taż-żona tal-euro hi mistennija li togħla aktar u tilħaq it-12.2 % fl-2013, mill-11.4 % tal-2012; billi fi Frar 2013 23.5 % ta' żgħażagħ attivi fl-UE kienu bla xogħol, bil-qgħad taż-żgħażagħ jeċċedi l-50 % u anke s-60 % f'xi Stati Membri; billi f'bosta Stati Membri kategoriji differenti ta' żgħażagħ, pereżempju ħaddiema part-time b'impjieg mhux adegwat għalihom jew persuni sanzjonati għaliex ma jikkonformawx ma' skemi tar-rata ta' xogħol ('workfare'), mhumiex inklużi f'dawn iċ-ċifri u għalhekk iċ-ċifri reali dwar il-qgħad taż-żgħażagħ huma ogħla;
C. billi fl-2011, 7.5 miljun żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena u 6.5 miljun bejn il-25 u d-29 sena la kienu f'edukazzjoni jew f'taħriġ u lanqas impjegati (NEETs); billi t-telf ekonomiku minħabba dan l-għadd għoli ta' NEETs kien stmat li jlaħħaq l-EUR 153 biljun, ċifra li tikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE[1]; billi d-deregolamentazzjoni tas-swieq tax-xogħol tal-aħħar deċenni ħalliet il-maġġoranza taż-żgħażagħ b'aċċess għal impjieg l-aktar permezz ta' kuntratti ta' terminu fiss, ta' impjiegi part-time, ta' skemi ta' reklutaġġ tax-xogħol bla ħlas u ta' forom ġenerali ta' impjieg prekarju, minkejja l-aspettattivi preċedenti li t-tixjiħ demografiku se jagħmilha aktar faċli għalihom li jsibu impjieg permanenti b'paga deċenti, drittijiet u protezzjoni soċjali;
D. billi r-'riformi' tas-sistemi edukattivi, pereżempju permezz tal-proċess ta' Bologna, u l-politiki ta' awsterità imposti fuq diversi Stati Membri żarmaw ħafna mill-passi li saru biex ikun hemm sistema ta' edukazzjoni aktar aċċessibbli; billi għalhekk il-ħtieġa għal sistema edukattiva pubblika, mmexxija b'mod demokratiku, aċċessibbli għal kulħadd u mingħajr ħlas meta tintuża saret aktar uġenti biex taqdi ż-żgħażagħ – b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli – b'aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità;
E. billi l-qgħad taż-żgħażagħ hu fattur li jikkontribwixxi sew biex tiżdied l-emigrazzjoni taż-żgħażagħ minn għadd ta' Stati Membri, l-aktar gravi minn dawk imsejħa 'PIIGS' għal Stati Membri aktar sinjuri; billi din il-migrazzjoni massiva – ta' spiss ta' żgħażagħ bi kwalifiki għolja – ċaħħdet lil dawn il-pajjiżi minn faxxa importanti ta' persuni l-aktar dinamiċi u għandha effett devastanti fuq il-komunitajiet lokali u l-prospetti futuri għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;
F. billi l-awsterità, it-trażżin fiskali u r-'riformi strutturali' neo-liberali promossi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew sa mill-2010, u segwiti minn bosta Stati Membri - partikolarment dawk taħt it-tutela tat-troika tal-KE/BĊE/FMI f'hekk imsejħa 'pajjiżi taħt programm' - żiedu l-pressjoni deflazzjonarja fuq ekonomija diġà fraġli, fuq pagi ferm baxxi, fuq domanda interna u introjtu tat-taxxi, żarmaw l-'istabbilizzaturi soċjali' bħas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-investiment pubbliku u b'hekk ikkostrinġew il-parti l-kbira tal-ekonomija tal-UE f'reċessjoni doppja, biex b'hekk qerdu wkoll il-proposti preċedenti li mhux biss id-defiċit attwali tal-baġit, imma wkoll il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG jista' jitnaqqas sostanzjalment u jintlaħaq konsolidament fiskali permezz ta' dan l-approċċ;
G. billi dawn il-politiki neo-liberali kkontribwew sew biex jiżdied il-qgħad b'mod ġenerali u l-qgħad taż-żgħażagħ b'mod partikolari, filwaqt li ġġeneraw aktar esklużjoni soċjali u faqar, u b'hekk wasslu għal regressjoni soċjali severa, ekonomija aktar dgħajfa u destabilizzazzjoni tal-integrazzjoni u tad-demokrazija Ewropea;
H. billi l-Kunsill ta' Ġunju 2012 ippromova l-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, filwaqt li wiegħed kapaċità addizzjonali ta' self tal-BEI ta' EUR 60 biljun, il-mobilizzazzjoni ta' EUR 55 biljun x'aktarx flus mill-Fondi Strutturali 'mhux allokati' u EUR 4.5 biljun maħsuba għall-'Bonds tal-Proġetti' biex jinġabru EUR 120 biljun (1 % tal-ING tal-UE) għal 'miżuri li jwasslu għal azzjoni veloċi' li tibbenefika l-SMEs u tikkontribwixxi wkoll biex tnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ;
I. billi l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) sa tmiem l-2012 irċieva żieda ta' kapital imħallas ta' EUR 10 biljun kif imwiegħed mill-Kunsill; billi, madankollu, firem ġodda attwali għal self tal-BEI naqsu minn EUR 72 biljun fl-2010 għal EUR 61 biljun fl-2011, għal EUR 52 biljun fl-2012, b'hekk kien hemm inqas 'miżuri li jsaħħu t-tkabbir' mis-sentejn preċedenti, u dan fl-isfond tal-pajjjiżi tal-UE tan-nofsinhar li komplew isofru mir-reċessjoni u mill-istaġnar ekonomiku li nfirex f'aktar Stati Membri;
J. billi t-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea u l-attivitajiet tagħha għar-riprogrammar tal-flus tal-Fondi Strutturali fl-2012 dwar 8 Stati Membri b'rati verament għoljin ta' qgħad taż-żgħażagħ wasslu biex EUR 16-il biljun ikunu mogħti għall-SMEs u bħala miżuri li jsaħħu t-tkabbir, b'hekk potenzjalment jibbenefikaw 780 000 żagħżugħ u żagħżugħa; billi, madankollu, skont il-Kummissjoni, iċ-ċifri dwar dawn ir-riallokazzjonijiet ma 'humiex deċisivi, diversi deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali għadhom pendenti u l-kalkoli tal-impatt ta' diversi miżuri jistgħu jiġu reveduti fiż-żmien'; billi l-ebda informazzjoni affidabbli ma tidher li teżisti dwar kemm mill-EUR 55 biljun presumibilment maħsuba bħala flus 'mhux allokati' tal-Fondi Strutturali ġew mobilizzati fl-2012 jew attwalment huma programmati mill-Istati Membri għall-2013;
K. billi Dokument ta' Ħidma attwali tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament[2] wera li huma mistennija pagamenti mgħoddija għas-sena ta' wara (kontijiet mhux imħallsa' mill-Istati Membri) li jammontaw għal madwar EUR 19-il biljun fl-2013 li huma biss tal-programmi operazzjonali tal-2007-2013 l-aktar taħt il-politika ta' koeżjoni (l-akbar parti minnhom jaqgħu taħt l-Intestatura 1b koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-baġit tal-UE), minħabba l-bidu kajman tal-programmi tal-2007-2013 minħabba l-kriżi ekonomika u l-awsterità imposta li wasslet f'pagamenti straordinarjament baxxi matul l-ewwel nofs tal-perjodu ta' pprogrammar u għalhekk dawk il-pagamenti posposti se jkollhom isiru fl-aħħar sena tal-perjodu attwali (2013) u x'aktarx ukoll fil-QFP li jmiss (2014-2020);
L. billi din l-analiżi tiddeskrivi b'mod ċar li l-baġit tal-UE tal-2013 u possibilment baġits li jmiss - fi kliem sempliċi - effettivament qed jiffunzjonaw b'defiċit minflok ma jipprovdu riżorsi kbar ta' 'flus mhux allokati tal-Fondi Strutturali' kif issemma aktar qabel mill-Kummissjoni (madwar EUR 82 biljun f'Jannarż 2012) jew il-Patt tal-Kunsill għat-Tkabbir u l-Impjiegi (EUR 55 biljun);
M. billi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-QFP 2014-2020 adottata fi Frar 2013 għall-ewwel darba fl-istorja tal-Komunità Ewropea/Unjoni Ewropea tipprevedi tnaqqis għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni u tnaqqis mill-baġits annwali tal-UE tul dak il-perjodu lejn l-2020; billi l-parti l-kbira ta' tnaqqis previst se jaffettwa l-koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi; billi EUR 6 biljun għall-Inizjattiva tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ previsti mill-Kunsill għal dak il-perjodu jistgħu jesiġu tnaqqis għal FSE jew għall-infiq tal-politika ta' koeżjoni fi bandi oħra; billi anke l-allokazzjoni ta' sehem minimu ta' 25 % tal-infiq tal-politika ta' koeżjoni għall-FSE kif issuġġerit mill-Kummissjoni u mill-Parlament x'aktarx twassal biex ħafna Stati Memrbi jagħmlu tnaqqis kbir meta mqabbel mal-livelli ta' fondi 2007-2013 fuq l-FSE u l-FEŻR;
1. Jaqbel mal-opinjonijiet tal-ekonomisti kritiċi li stimulu ta' 1 % tal-ING tal-UE matul 5 snin kif previst mill-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi hu ftit wisq biex ikollu effett tanġibli fuq it-tnaqqis tal-qgħad b'mod ġenerali u tal-qgħad taż-żgħażagħ b'mod partikolari fl-EU; jirrimarka li effetti negattivi multiplikaturi ta' politika ta' awsterità kontinwa kif ammettew l-esperti tal-FMI b'mod partikolari jżommu l-ekonomiji tal-Istati Membri f'reċessjoni u/jew staġnar ekonomiku tant depressiv li tali antiċipazzjoni żgħira ta' miżuri ta' tisħiħ għat-tkabbir ma tistax tikkumpensa għat-telf tal-PDG li ħolqu dawn il-politiki neo-liberali;
2. Iqis, għalhekk, li l-islogan uffiċjali tal-UE li tfittex tkabbir b'konsolidament fiskali differenzjat hu biss diskors satiriku Orwelljan quddiem il-fatti u l-iżviluppi reali f'ħafna Stati Membri; ifakkar li l-BEI iddikkjara li qed ikollu diffikultajiet biex isib proġetti tajba u sostenibbli għall-finanzjament, partikolarment f'dawk l-Istati Membri li huma l-aktar milquta mill-kriżi, minħabba nuqqas ta' kapaċità ta' investiment pubbliku u privat; iqis li f'dan il-kuntest ta' self li qed jonqos tal-BEI fl-2012, il-pagamenti mistennija għall-politika ta' koeżjoni 2013-2014, il-QFP ta' awsterità tal-UE għall-2014-2020 u l-istimulu tal-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi ta' EUR 120 biljun hu r-riżultat ta' 'kontabbiltà kreattiva' u mhux il-fatt li ġie provdut infiq reali sostanzjali s'issa;
3. Jieħu nota tal-kontribut ta' Franza u l-Ġermanja (Flimkien għal Ewropa ta' Stabbiltà u Tkabbir aktar b'saħħitha) bi tħejjija għall-Kunsill ta' Ġunju 2013; jieħu nota li fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ, il-kontribut ta' Franza u tal-Ġermanja essenzjalment isemmi l-estensjoni tal-programm 'Erasmus għal kulħadd', bl-użu tal-FSE u l-antiċipazzjoni ta' EUR 6 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); iqis, madankollu, li l-ammonti li jistgħu ikunu mobilizzati minn dawn il-programmi u l-BEI huma ferm baxxi biex ikollhom impatt konsiderevoli ta' tnaqqis tal-qgħad taż-żgħażagħ u biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tiegħu; jirrimarka li l-Inizjattiva tal-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ preċedenti tal-Kummissjoni imnedija f'Diċembru 2011 ma kellha ebda effett tanġibbli fuq ir-rati aċċellerati tal-qgħad taż-żgħażagħ fil-pajjiżi fil-mira;
4. Ifakkar li għadd ta' żgħażagħ mingħajr impjieg jew b'impjieg mhux adegwat għalihom huma ferm aktar mill-impjiegi disponibbli, għalhekk jikkundanna b'mod ċar kull tentattiv li r-responsabbiltà tal-kriżi tal-qgħad tintefa' fuq iż-żgħażagħ mingħajr xogħol u jikkundanna kull interpretazzjoni li turi aspett wieħed biss li dan hu kkawżat minn 'diskrepanza tal-ħiliet';
5. Jirrimarka li l-kriżi u l-politika ħażina u mħallta tal-UE ta' awsterità u ta' riformi strutturali neo-liberali wasslet għal livell storikament baxx ta' investiment tas-settur privat fl-ekonomija, minħabba li l-kapaċità tal-akkwist naqset, id-domanda interna hi batuta, u żdiedu l-inugwaljanza tal-introjtu u l-faqar; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ ifittxu bidla radikali fil-politiki makroekonomiċi favur impjiegi ta' kwalità għolja li jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema u protezzjoni soċjali deċenti fil-qalba tagħhom sabiex jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku; jitlob it-tmiem tal-politiki ta' awsterità, fosthom fil-pajjiżi taħt it-tutela tat-Troika;
6. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-EMU se jwassal biex jiġu appronfonditi l-politiki attwali li huma responsabbli għall-ammont kbir ta' qgħad fl-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, partikolarment f'dawk hekk imsejħa 'Memorandum ta' Fehim';
7. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu t-taxxi fuq il-kapital mill-introjtu (dividendi, rati ta' interess), fuq il-qliegħ mill-kapital, fuq l-assi likwidi ta' kumpaniji kbar u fuq fortuni kbar u wirt, bl-użu tad-dħul minn dawn biex jiżdied l-investiment immexxi mis-settur pubbliku għal żvilupp ambjentali u soċjali sostenibbli flimkien mal-pussess demokratiku pubbliku tal-ekonomija, jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jipprovdu tnaqqis fl-infiq militari u f'sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent biex jgħinu l-iżvilupp mill-ġdid u sostenibbli tal-ekonomija u b'hekk joħolqu impjiegi utli u ta' kwalità għolja u jikkontribwixxu biex jinqered il-qgħad taż-żgħażagħ;
8. Jissuġġerixxi li l-investiment immexxi mis-settur pubbliku għandu jkun indirizzat lejn l-iżvilupp sostenibbli, bħall-iffrankar tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, il-produzzjoni nadifa u l-prevenzjoni tal-iskart, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-akkomodazzjoni, il-biedja organika, is-sajd sostenibbli u l-preservazzjoni tal-ekosistemi, it-titjib tal-ilma u tal-effiċjenza tar-riżorsi, ir-rikonverżjoni tal-industrija tal-armamenti, l-espansjoni u t-titjib tas-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura fuq perjodu twil, is-servizzi soċjali u l-ekonomija soċjali, l-appoġġ favur il-bini tal-akkomodazzjoni pubblika, is-setturi tal-kura u tal-edukazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi 'ħodor' u 'bojod' iddikjarati;
9. Barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li jkunu indirizzati partikolarment il-fergħat tal-industrija l-aktar milquta mill-kriżi: ir-rikonverżjoni tal-industrija tal-karozzi lejn servizzi tat-trasport sostenibbli, l-estensjoni tan-netwerks ferrovjarji u l-provvista ta' servizzi spazjalment inklużivi u komprensivi tal-ferroviji reġjonali (Programm Rail Europe 2025), il-promozzjoni ta' bini ta’ bastimenti 'ħodor' u l-istabbilizzazzjoni tal-industrija tal-azzar f'dak il-kuntest; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw din ir-rikonverżjoni b'miżuri favur iż-żamma tal-impjiegi, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u l-iżvilupp tal-ħiliet, u bi tranżizzjonijiet siguri għall-ħaddiema fl-industriji kkonċernati;
10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni, mingħajr telf ta’ pagi għall-ħaddiema, u l-ħolqien ta' impjiegi addizzjonali sabiex tiġi evitata żieda fl-ammont ta' xogħol, din tista’ tiġi megħjuna b'għajnuniet li jonqsu b’mod gradwali lin-negozji tul perjodu tranżitorju matul l-istaġnar ekonomiku;
11. Jenfasizza li l-qgħad taż-żgħażagħ jista' biss jinqered jekk ikun hemm politiki makroekonomiċi, tal-implieg u politiki soċjali li jindirizzaw il-qgħad b'mod ġenerali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali; itenni li l-attenzjoni attwali tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-qgħad taż-żgħażagħ dwar miżuri min-naħa tad-domanda (l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ vokazzjonali, it-titjib tal-'impjegabbiltà', 'l-attivazzjoni' eċċ.) – importanti daqs kemm huwa importanti l-iżvilupp xieraq tal-ħiliet u l-kompetenzi – hi nieqsa minn attenzjoni mhux inqas importanti minħabba nuqqas ta' miżuri dwar il-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ l-aktar fil-livell lokali jew reġjonali;
12. Jikkritika bil-qawwa l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż dwar 'il-ġlieda kontra l-qgħad' billi żżid aktar il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol u tnaqqas 'l-ispejjeż relattivament għolja tax-xogħol' eċċ.; jirrimarka li kienu u huma dawn 'ir-riformi strutturali' neo-liberali tas-swieq tax-xogħol segwiti mill-Istati Membri li huma responsabbli għaż-żieda drastika fil-forom ta' impjieg prekarju, ta' livell aktar baxx ta' protezzjoni soċjali u l-espansjoni tas-setturi ta' pagi baxxi tant ikkundannati mir-Rapporti dwar l-Impjiegi tal-Kummissjoni, żviluppi li partikolarment jaffettwaw iż-żgħażagħ u l-prospetti tal-impjiegi tagħhom b'mod negattiv;
13. Jirrimarka li f'ħafna Stati Membri – jew fuq inizjattiva tagħhom jew wara xi rakkomandazzjoni speċifika tal-pajjiż tal-Kunsill dwar 'riformi strutturali' fil-politiki tas-suq tax-xogħol – japplikaw strateġiji ta' 'Ix-Xogħol irendi finanzjarjament' u 'attiva s-suq tax-xogħol' li bihom b'mod partikolari żgħażagħ mingħajr xogħol huma furzati jaċċettaw kull impjieg b'paga baxxa jew ta' kwalità baxxa jew inkella jkollhom iħabbtu wiċċhom ma tnaqqis jew it-telf totali tal-benefiċċji soċjali tagħhom; jenfasizza li partikolarment żgħażagħ mingħajr xogħol fuq perjodu twil jew żgħażagħ vulnerabbli b'mod ieħor jerġgħu jsibu lilhom infushom mingħajr xogħol wara interventi ta' 'soluzzjoni ta' malajr' mill-aġenziji tal-impjiegi, minħabba li ma jiġux provduti soluzzjonijiet fuq perjodu twil għal integrazzjoni sostenibbli fl-impjieg;
14. Jirrimarka li ħafna Stati Membri japplikaw skemi ta' rata ta' xogħol (aħdem għall-benesseri tiegħek) li permezz tagħhom żgħażagħ mingħajr xogħol huma furzati li jipparteċipaw f'reklutaġġ mingħajr ħlas jew skemi ta' esperjenza ta' xogħol fis-settur privat jew f'servizz komunitarju sempliċement biex iżommu l-benefiċċji soċjali tagħhom; jenfasizza li dawn l-iskemi ta' rata ta' xogħol ta' spiss iwasslu biex jissostitwixxu impjieg imħallas fis-setturi rispettivi koperti minn tali skemi;
15. Jenfasizza li ħafna 'attivazzjoni ta' skemi tas-suq tax-xogħol' u ta' rata ta' xogħol b'mod ġenerali mhumiex konformi mal-Konvenzjoni ta' Prijorità tal-ILO Nru 122 li l-Istati Membri kollha barra tnejn irratifikaw u li titlob lill-pajjiżi ratifikanti 'jiddikjaraw u jsegwu politika attiva mfassla biex tippromovi impjieg sħiħ, produttiv u magħżul liberament'; jenfasizza li tali skemi ma għandhomx ikunu aċċettati bħala li jkopru r-rekwiżiti ta' Skema ta' Garanzija taż-Żgħażagħ kif imniżżla mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2013 (offerta ta' kwalità tajba ta' jew impjieg, tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew skema ta' taħriġ) u ma jistgħux ikunu eliġibbli għal fondi skont l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jistieden lill-Istati Membri jabbandunaw tali skemi;
16. Jenfasizza li l-azzjonijiet kollha li jiġġieldu l-qgħad taż-żgħażagħ m'għandhox ikuni bbażati fuq l-approċċ tal-flessigurtà, iżda minflok għandhom jibdew mill-kunċett ta' "Ħidma Tajba" bħala l-punt ta' riferiment ċentrali tagħhom, b'iffukar qawwi fuq il-promozzjoni tal-kwalità fix-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-inklużjoni soċjali mtejba, it-tisħiħ tad-drittijiet eżistenti tal-ħaddiema, l-introduzzjoni ta' drittijiet ġodda, il-promozzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, ġestjoni aħjar tar-riskji soċjali u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri effettivi biex inaqqsu gradwalment l-impjiegi prekarji u atipiċi u jippromovu kuntratti tal-impjieg permanenti;
17. Jenfassizza li l-Garanzija taż-Żgħażagħ għandha tiġi stabbilita għaż-żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena immedjatament kif jiffaċċjaw il-qgħad; jenfasizza li l-fondi allokati għall-YEI huma ferm taħt dak li hu meħtieġ biex ikun hemm impatt reali fuq il-qgħad taż-żgħażagħ; jirreferi f'dan il-kuntest għall-istudju tal-ILO 'Il-kriżi taż-Żona tal-Euro: xejriet u ripons ta' politika' li jqajjem il-ħtieġa li jkunu injettati 21 biljun euro biex ikun hemm impatt fuq il-livell ta' impjieg għaż-żgħażagħ;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw oqsfa ta' kwalità għolja għal skemi ta' taħriġ u jiżguraw li dawn l-iskemi ta' taħriġ ikunu mfassla għall-ħtiġijiet taż-żgħżagħ u jinkludu ħlas deċenti, drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions u kundizzjonijiet tax-xogħol li ma jdgħajfux l-impjiegi, il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema eżistenti, li jkunu sostnuti minn appoġġ finanzjarju u monitoraġġ obbligatorju, kif ukoll minn standard ta' kwalità komuni għal skemi ta' taħriġ;
19. jinsisti dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti limiti minimi effettivi għall-pagi fl-iktar livelli baxxi tas-suq tax-xogħol (salarji minimi, u wkoll il-kunċett ta' paga għall-għajxien) kif ukoll limiti massimi (salarji massimi, pereżempju għoxrin darba aktar mis-salarju medju), l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament u paga indaqs għal xogħol indaqs, jew xogħol ta' valur ugwali fl-istess post tax-xogħol, filwaqt li jkun hemm il-possibilità ta' żviluppi fil-pagi għoljin bħala kumpens għall-inflazzjoni, iż-żidiet fil-produttività u komponent qawwi ta' distribuzzjoni mill-ġdid; jenfasizza l-importanza ta' tali politiki partikolarment fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħl;
20. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] Eurofound (2012), ‘NEETs – Żgħażagħ li mhumiex impjegati, f'edukazzjoni jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u rispons ta' politika fl-Ewropa'. Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
- [2] Dokument ta' Ħidma dwar l-impenji li għad fadal (RAL) u l-kwistjoni tal-pagamenti: il-qagħda attwali u perspettiva għall-QFP li jmiss; Rapporteur: Jan Mulder, Anne E. Jensen, Giovanni La Via; 08/05/2013, PE510.689v01-00