MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
11.6.2013 - (2013/2664(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Niki Tzavela, Nikolaos Salavrakos, Fiorello Provera, Lorenzo Fontana, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0305/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[2] (ls-“Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sat-Tnejn, it-3 ta’ Ġunju 2013 aktar minn 60 mill-81 provinċja tat-Turkija kienu qed jesperjenzaw xi forma ta’ protesta;
B. billi t-Turkija hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, alleata importanti u membru tan-NATO;
C. billi l-kriterji ta’ Kopenħagen għall-adeżjoni mal-UE jeħtieġu li l-pajjiżi kandidati jikkonformaw mal-prinċipji u l-elementi bażiċi tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
D. billi l-libertà ta’ għaqda, il-libertà ta' espressjoni (anki permezz tal-midja soċjali kemm onlajn kif ukoll offlajn) u l-libertà tal-istampa huma prinċipji fundamentali tal-UE;
E. billi l-proġett ta' bini fil-Park Gezi jidher li kien katalist aktar milli r-raġuni tal-protesti;
F. billi, skont diversi rapporti, aktar minn 3 000 dimostranti ġew arrestati fuq skala nazzjonali u tal-anqas 1 500 kienu żgħażagħ;
G. billi ġie rrapportat li mietu erba’ ċittadini;
H. billi l-maġġoranza tad-dimostranti huma ċittadini ordinarji, ħafna drabi mħeġġa min-netwerks tal-midja soċjali; billi ħafna minnhom għandhom impjieg regolari, u jinkludu bankiera, avukati, akkademiċi u impjegati oħra fis-settur privat; u billi hemm numru kbir sew ta’ nisa li qed jattendu dawn il-protesti;
1. Jinsab imħasseb sew dwar l-evidenza tal-brutalità mill-pulizija, u jikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija Torka fil-konfront tad-dimostranti;
2. Jappella lill-awtoritajiet Torok jipproċedu kontra dawk responsabbli mill-użu eċċessiva u spoporzjonata tal-forza u joffru kumpens lill-vittmi;
3. Jappella għal investigazzjoni sħiħa tal-inċidenti li seħħew u jitlob li l-pulizija żżomm lura kompletament;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jirtiraw il-pulizija mid-dimostrazzjonijiet u l-għaqdiet paċifiċi u jużawhom biss sabiex jipproteġu l-proprjetà fil-każ ta' vandaliżmu jew sakkeġġ;
5. Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li waqt li bdew iseħħu l-avvenimenti fit-Turkija, it-trażmissjonijiet tal-midja Torok ma pprovdew l-ebda rapportaġġ adegwat tal-avvenimenti; jinkoraġġixxi rapportaġġ kemm jista' jkun komplet tal-avvenimenti fuq l-istazzjonijiet televiżivi prinċipali Torok;
6. Jirrimarka li l-President tar-Repubblika tat-Turkija osserva li d-demokrazija ma tikkonsistix biss fir-rebħ tal-elezzjonijiet, iżda li l-poplu jkollu l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-President ikompli jaqdi r-rwol ta’ medjatur bejn il-pubbliku u l-Gvern Tork;
7. Jistieden lill-Gvern Tork jidħol f’djalogu mad-dimostranti prinċipali u jippermettilhom jesprimu t-tħassib tagħhom; jenfasizza li l-Prim Ministru tat-Turkija jista’ jiddikjara proċess deċiżjonali aktar inklussiv dwar il-futur ta’ spazji bħall-Park Gezi u spazji oħra ta’ importanza nazzjonali;
8. Jitlob lill-awtoritajiet Torok jiddikjaraw li jistgħu jinżammu dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pjazza Taksim;
9. Jinsab imħasseb ħafna dwar r-riperkussjonijiet li l-kriżi fis-Sirja qed ikollha fuq is-sitwazzjoni interna fit-Turkija; jinnota bi tħassib li l-estrimisti Sunni qed jiċċaqalqu b’mod kostanti min-naħa għall-oħra tal-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja u li d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-komunitajiet Alewite fit-Turkija qed tiżdied b'mod allermanti;
10. Jinnota li din il-kriżi għandha tintuża bħala imbuttatura għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta’ riforma tat-Turkija, li kien waqaf;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
- [2] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.