MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
11.6.2013 - (2013/2664(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hélène Flautre, Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Franziska Keller, Ulrike Lunacek, Isabelle Durant, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda, Nikos Chrysogelos, Ana Miranda, Malika Benarab-Attou, Catherine Grèze f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0305/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija tat-3 ta’ Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[2] (is-“Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-Karta Urbana Ewropea II, kif ġiet adottata mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu fid-29 ta’ Mejju 2008,
– wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (EIA), dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (SEA) u dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2013 il-pulizija Torka għamlet sforz biex tferrex grupp ta’ dimostranti, li kienu ilhom ġimgħat jipprotestaw kontra l-qtugħ tas-siġar ippjanat bil-ħsieb ta’ proġett ġdid ta’ kostruzzjoni fil-Park Gezi ta’ Istanbul, fl-inħawi tal-Pjazza Taksim;
B. billi l-intervent tal-pulizija wassal għal skontri mad-dimostranti li malajr infirxu għal bliet oħra fit-Turkija, u billi dawn l-iskontri wasslu għal imwiet, għall-feriment ta’ bosta persuni, għal arresti tal-massa kif ukoll għal ħsara serja lill-proprjetà privata u pubblika; billi d-dimostrazzjonijiet rebħu l-appoġġ minn saffi differenti tas-soċjetà Torka;
C. billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Torka jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun, mingħajr permess, jorganizza laqgħat u dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux armati;
D. billi l-protesti huma marbutin ukoll mat-tħassib fis-socjetà Torka rigward sensiela ta’ deċiżjonijiet u atti leġiżlattivi reċenti dwar kwistjonijiet bħal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-alkoħol, il-projbizzjoni tad-dimostrazzjonijiet fil-Pjazza Taksim, riformi edukattivi, l-isem tat-“tielet pont” fuq il-Bosforu; eċċ.;
E. billi l-Kummissarju Füle irreaġixxa minnufih għal dawn il-ġrajjiet, filwaqt li s-SEAE naqas milli jagħti risposta f’waqtha;
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tad-dimostranti u tal-pulizija li tilfu ħajjithom u jawgura lill-bosta midruba fejqan ta’ malajr;
2. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dimostranti paċifiċi u jappella għar-rilaxx immedjat tad-dimostranti paċifiċi kollha li ġew arrestati;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv ta’ forza mill-pulizija Torka fir-risposta tagħha għall-protesti paċifiċi u leġittimi fil-Park Gezi ta’ Istanbul u jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija jinvestigaw bir-reqqa u b’mod imparzjali dwar il-vjolenza tal-pulizija u jipproċedu kontra dawk responsabbli;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija jiggarantixxu u jirrispettaw id-dritt għall-informazzjoni u d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-protesta paċifika taċ-ċittadini kollha;
5. Jiddeplora r-reazzjonijiet ħorox tal-Gvern Tork u tal-Prim Ministru Erdoğan, billi n-nuqqas ta’ rieda tagħhom li jieħdu passi favur ir-rikonċiljazzjoni, in-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jagħmlu apoloġija u n-nuqqas ta’ rieda tagħhom li jippruvaw jifhmu r-reazzjonijiet ta’ parti mill-popolazzjoni Torka kkontribwew biss għall-polarizzazzjoni ulterjuri tas-soċjetà Torka; jilqa’ t-tweġiba moderata mill-President Gül u l-apoloġiji li l-Viċi Prim Ministru Arinç għamel lid-dimostranti midruba, kif ukoll id-djalogu tagħhom mal-pjattaforma ta’ Taksim u mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika sabiex itaffu t-tensjonijiet; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu bejn il-gvern Tork u d-dimostranti paċifiċi;
6. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-oppożizzjoni li tiġi kkanċellata laqgħa politika sabiex jiġi evitat li l-vjolenza tkompli teskala; għall-istess raġuni, iħeġġeġ lill-gvern jipposponi ż-żewġ dimostrazzjonijiet tal-massa skedati għall-15 u s-16 ta’ Ġunju 2013 f’Ankara u f’Istanbul;
7. Jilqa’ d-deċiżjoni tas-Sitt Qorti Amministrattiva ta’ Istanbul favur is-sospensjoni temporanja tat-tnedija tax-xogħol fuq il-proġett ta’ żona pedonali f’Taksim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali fit-Turkija biex jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet pubbliċi u biex jikkunsidraw lil dawk kollha li joqogħdu fl-inħawi tal-viċin fir-rigward tal-pjanijiet kollha ta’ żvilupp urban u reġjonali, bħalma huma t-‘tielet pont’, it-tielet ajruport ta’ Istanbul, id-diga ta’ Illisu, l-impjanti nukleari f’Sinop u Akkuju u l-proġetti idroelettriċi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; ifakkar fil-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-fatturi soċjali, ambjentali, kulturali u storiċi; ifakkar fl-importanza tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli;
8. Jappella sabiex il-proġetti kollha fit-Turkija jkunu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali, mingħajr eċċezzjoni; f’dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Kapitolu 27 (Ambjent);
9. Ifakkar lit-Turkija li, f’demokrazija inklużiva u pluralista, iċ-ċittadini kollha għandhom jiġu rispettati u rappreżentati u li l-maġġoranza għandha r-reponsabbiltà li tinkludi lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili fil-proċess deċiżjonali;
10. Jinsab imħasseb dwar il-konfrontazzjoni li għaddejja bħalissa bejn il-partiti politiċi u dwar in-nuqqas ta’ rieda kemm min-naħa tal-gvern kif ukoll min-naħa tal-oppożizzjoni li jsir sforz biex jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi ewlenin, bħar-riforma tal-Kostituzzjoni u tal-proċess ta’ paċi, li t-tnejn jikkostitwixxu opportunitajiet storiċi sabiex tiġi żgurata ċittadinanza mġedda u inklużiva u sabiex jiġu żgurati wkoll id-drittijiet individwali u kollettivi fit-Turkija; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha, lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-pluralità politika fl-istituzzjonijiet tal-istat u jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-istat u tas-soċjetà;
11. Jirrimarka r-rwol kruċjali ta’ sistema ta’ kontroll u bilanċ fil-governanza ta’ stat demokratiku modern, għall-Unjoni, għall-Istati Membri tagħha u għat-Turkija; Jemmen li tali sistema għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u l-bilanċ bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa – u fuq kultura politika parteċipattiva li tassew tirrifletti l-pluralità ta’ soċjetà demokratika;
12. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej u li soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista tirrikjedi libertà reali tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni hija applikabbli mhux biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu favorevolment jew li jitqiesu inoffensivi, imma wkoll, bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw lill-istat jew lil kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni;
13. Jinsab imħasseb li l-midja ewlenin fit-Turkija naqsu milli jirrappurtaw b’mod adegwat u f’ħin opportun dwar id-dimostrazzjonijiet; jinnota li l-midja soċjali Torok saru s-sors ewlieni ta’ informazzjoni differenti u f’waqtha dwar il-ġrajjiet; jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta’ ċensura u dwar l-awtoċensura li qed tikber fil-midja Torok; jistieden lill-Gvern Tork iħares il-prinċipji tal-libertà tal-istampa u d-dritt għall-informazzjoni; jenfasizza li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, u f’dan il-kuntest, jindika r-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-libertà tal-istampa, biex b’hekk tiggarantixxi spazju pubbliku għal dibattitu ħieles; huwa mħasseb dwar in-numru kbir ta’ ġurnalisti li jinsabu l-ħabs u l-bosta proċessi li għaddejjin bħalissa fil-konfront tal-ġurnalisti;
14. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li konglomerati kbar b’firxa wiesgħa ta’ interessi tan-negozju huma s-sidien tal-parti l-kbira tal-midja Torok u jikkonċentrawha f’idejhom; mill-ġdid jistieden lit-Turkija, kif ukoll lil xi Stati Membri tal-UE, biex jadottaw leġiżlazzjoni ġdida dwar il-midja li tindirizza, inter alia, il-kwistjonijiet tal-indipendenza, is-sjieda u l-kontroll amministrattiv;
15. Jitlob li l-Gvern Tork ma jerfax ir-responsabbiltà għall-istatus quo ta’ bħalissa fin-negozjati u ma jitlifx l-opportunità li jippreżentaw l-‘aġenda pożittiva’ tal-Kummissjoni u t-talba tal-Parlament li jinfetħu l-Kapitoli 15, 19, 22, 23 u 24, liema opportunità għandha ġġib magħha dinamika ġdida fin-negozjati;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
- [2] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.