MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
11.6.2013 - (2013/2664(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hannes Swoboda, Libor Rouček, Raimon Obiols, Ana Gomes, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Emine Bozkurt, Boris Zala, Michael Cashman, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0305/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija tat-3 ta’ Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[2] (is-“Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-pulizija Torka użat vjolenza eċċessiva – bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet politiċi – wara r-reazzjoni legali u paċifika ta’ nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2013 mill-poplu ta’ Istanbul għall-proġett ta’ kostruzzjoni fil-Park Taksim Gezi ta’ Istanbul (il-kostruzzjoni ppjanata tal-kwartieri militari ta’ Taksim u ta’ ċentru kummerċjali);
B. billi l-intervent wisq vjolenti tal-pulizija, inizjalment f’Istanbul iżda aktar tard fi bliet oħra wkoll, jikser id-dritt li dak li jkun, b’mod paċifiku, jingħaqad ma’ ħaddieħor u jipprotesta; billi tlieta min-nies ġew irrappurtati mejta u eluf indarbu bħala riżultat tal-intervent tal-pulizija; billi nies li jirrappreżentaw sezzjonijiet differenti tas-soċjetà Torka ħadu sehem fid-dimostrazzjonijiet u billi d-dimostrazzjonijiet kisbu appoġġ wiesa’;
C. billi l-gass tad-dmugħ intuża b’mod estensiv kontra d-dimostranti u billi ċ-ċilindri tal-gass tad-dmugħ ġew sparati direttament lejn id-dimostranti, fatt li minħabba fih bosta ndarbu serjament, fi ksur ċar tal-prinċipji tan-neċessità u l-propopzjonalità; billi f’diversi okkażjonijiet l-awtoritajiet impedew lid-dimostranti midruba milli jkollhom aċċess għal trattament mediku;
D. billi l-akkużi ibsin tal-Gvern Tork, u tal-Prim Ministru Erdogan b’mod partikolari, jidher li kienu kontroproduċenti u komplew tefgħu l-ħatab fuq in-nar u qawwew il-protesti;
E. billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Torka jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun jorganizza laqgħat u dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux armati; billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Torka jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u l-Artikoli 27 u 28 tal-Kostituzzjoni jiggarantixxu ‘l-libertà tal-espressjoni’ u ‘d-disseminazzjoni bla xkiel tal-ħsieb’;
F. billi l-protesti huma wkoll espressjoni tat-tħassib min-naħa ta’ sezzjonijiet sinifikanti tas-soċjetà Torka rigward deċiżjonijiet u atti leġiżlattivi reċenti li ġew ipperċepiti bħala tentattivi min-naħa tal-gvern biex jimponi l-istil ta’ ħajja li jippreferi fuq iċ-ċittadini, u bħala att politiku u retoriku ta’ marġinalizzazzjoni u diskriminazzjoni kontra diversi gruppi fis-soċjetà abbażi tal-istili ta’ ħajja tagħhom u t-twemmin tagħhom;G. billi l-midja ewlenin fit-Turkija baqgħu siekta rigward id-dimostrazzjonijiet u billi l-utenti ta’ Twitter ġew arrestati;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv ta’ forza mill-pulizija Torka fir-risposta tagħha għall-protesti paċifiċi u leġittimi fil-Park Gezi ta’ Istanbul; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tad-dimostranti u tal-pulizija li tilfu ħajjithom matul il-protesti; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jinvestigaw bir-reqqa dwar il-vjolenza tal-pulizija u jipproċedu kontra dawk responsabbli;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiggarantixxu u jirrispettaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, għall-għaqda paċifika u għall-protesta paċifika taċ-ċittadini kollha; jappella għar-rilaxx immedjat tad-dimostranti paċifiċi kollha li ġew arrestati u jitlob informazzjoni dwar in-numru preċiż ta’ persuni detenuti u dawk midruba;
3. Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Tork Recep Tayyip Erdogan li ma laqax it-tħassib leġittimu tad-dimostranti paċifiċi u ta’ dawk li jappoġġawhom minħabba li jqishom inkompatibbli mal-valuri ta’ soċjetà verament pluralista u demokratika; iwissi li ż-żieda fir-retorika ostili u t-theddid qed tapprofondixxi l-polarizzazzjoni tas-soċjetà Torka, iżżid ir-riskju ta’ diżordni ċivili u tkun ta’ ħsara għall-prospetti għall-konsolidazzjoni demokratika; jisħaq fuq ir-responsabbiltà partikolari tal-Prim Ministru Erdogan li jikkalma t-tensjonijiet u jagħti widen lill-avversarji; jilqa’ r-risposta moderata mill-President tar-Repubblika, Abdullah Gül, u l-apoloġiji li l-Viċi Prim Ministru Bulent Arinç għamel lid-dimostranti midruba; iħeġġeġ lill-gvern jieħu impenn minnufih favur id-djalogu mad-dimostranti paċifiċi;
4. Jisħaq il-fatt li l-eliminazzjoni tal-użu eċċessiva ta’ forza, tortura u trattament ħażin se tkun possibbli biss wara li tiġi indirizzata l-kultura tal-impunità fl-aġenziji Torok tal-infurzar tal-liġi; jisħaq fuq il-bżonn ta’ taħriġ intensiv kontinwu tal-forza tal-pulizija u tal-ġudikatura kemm fl-edukazzjoni formali tagħhom kif ukoll waqt il-karrieri attivi tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Istanbul (ġabra ta’ linji gwida internazzjonali kontra t-tortura u t-trattament ħażin) u wkoll dwar il-preminenza tad-drittijiet u l-libertajiet individwali;
5. Ifakkar lit-Turkija li, f’demokrazija inklużiva u pluralista, iċ-ċittadini kollha għandhom iħossu li huma rrappreżentati u li l-maġġoranza għandha r-reponsabbiltà li tinkludi lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili fil-proċess deċiżjonali;
6. Jirrimarka r-rwol kruċjali ta’ sistema ta’ kontroll u bilanċ fil-governanza ta’ stat demokratiku modern, li jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, u fuq iż-żamma ta’ ekwilibrju bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa – u fuq kultura politika parteċipattiva li tassew tirrifletti l-pluralità ta’ soċjetà demokratika;
7. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej u li soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista tirrikjedi libertà reali tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni hija applikabbli mhux biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu favorevolment jew li jitqiesu inoffensivi, imma wkoll, bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw lill-istat jew lil kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni; jiġbed, għalhekk, l-attenzjoni għall-arresti reċenti ta’ għexieren ta’ nies talli użaw ‘espressjonijiet provokattivi’ fil-midja soċjali;
8. Jinsab imħasseb dwar il-proċessi li għaddejjin bħalissa u l-perjodi twal ta’ detenzjoni preventiva li jolqtu, fost l-oħrajn, lill-ġurnalisti, billi minħabba dan it-Turkija saret wieħed mill-akbar ħabsijiet għall-ġurnalisti fid-dinja; itenni s-sejħiet preċedenti tiegħu lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiffinalizzaw ir-rieżami tal-qafas ġuridiku dwar il-libertà tal-espressjoni u biex mingħajr dewmien iġibuh konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
9. Jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta’ ċensura u dwar l-awtoċensura li qed tikber u li tirrenja fil-midja Torok, inkluż fl-internet; jistieden lill-Gvern Tork biex iħares il-prinċipju tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, u f’dan il-kuntest, jindika r-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-libertà tal-istampa, biex b’hekk tiggarantixxi spazju pubbliku għal dibattitu ħieles;
10. Jemmen li l-mewġa kurrenti ta’ protesti qed tkompli tenfasizza l-bżonn li jkun hemm proċess kostituzzjonali tassew inklużiv u miftuħ; jinsab konvint li l-abbozzar ta’ Kostituzzjoni ġdida joffri pjattaforma unika lill-gvern biex jimpenja ruħu fi djalogu strutturat mal-partiti tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili, inklużi l-movimenti ġodda li oriġinaw mill-protesti, bil-ħsieb li d-demokrazija tat-Turkija tissaħħaħ u ssir aktar profonda; isostni li jekk din l-opportunità ma tintużax se jkun hemm konsegwenzi avversi għall-istabbiltà politika u l-koeżjoni soċjali fuq perjodu twil;
11. Josserva li l-mewġa bla preċedent ta’ protesti tirrifletti wkoll it-tħassib leġittimu ta’ ħafna ċittadini Torok li l-gvern qed jaspira li jimponi ġabra unika ta’ valuri etiċi u twemmin reliġjuż fuq is-soċjetà Torka kollha kemm hi; itenni li, f’soċjetà demokratika, il-gvernijiet jeħtiġilhom iħeġġu t-tolleranza u jiżguraw il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin għaċ-ċittadini kollha; jistieden lill-gvern jirrispetta l-pluralità u r-rikkezza tas-soċjetà Torka;
12. Iqis li hemm bżonn urġenti li jinfetħu l-Kapitoli 23 u 24 dwar id-drittijiet fundamentali u l-ġudikatura fil-proċess tan-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE, bħala għodda li biha jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tat-Turkija f’dawn l-oqsma; ifakkar fl-impenn tiegħu biex il-proċess ta’ negozjar jibqa’ miftuħ;
13. Jemmen li, per se, l-organizzazzjoni ta’ protesti paċifiċi u leġittimi tixhed kemm hija vibranti s-soċjetà ċivili Torka, kif ukoll turi r-reżiljenza tal-valuri Ewropej fit-Turkija, u li dan għandu jsaħħaħ l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn il-perspettiva Ewropea tat-Turkija;
14. Iwissi li r-ripressjoni mill-pulizija ddgħajjef il-kredibbiltà tar-rwol reġjonali tat-Turkija bħala kampjun tal-bidla demokratika fil-viċinat tan-Nofsinhar; huwa tal-fehma li l-ġrajjiet reċenti jnaqqsu l-leġittimità u l-attraenza tal-partit AKP bħala mudell awtodikjarat għall-partiti demokratiċi naxxenti u futuri fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
- [2] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.