Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0309/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0309/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija

11.6.2013 - (2013/2664(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Takis Hadjigeorgiou, Willy Meyer, Paul Murphy, Patrick Le Hyaric, Kyriacos Triantaphyllides, Marisa Matias, Alda Sousa, João Ferreira, Inês Cristina Zuber, Marie-Christine Vergiat, Jacky Hénin, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2013/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0309/2013
Testi mressqa :
B7-0309/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0309/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija

(2013/2664(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950 u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal-libertà tal-kelma,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu li jħadden il-libertà ta’ espressjoni u l-Artikoli 21 u 22 li jħaddnu l-libertà ta’ assoċjazzjoni, filwaqt li jfakkar ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt li jifformaw trejdjunjins, u huma prinċipji fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-2012 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2012)0336),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010, tal-5 ta’ Diċembru 2011 u tal-11 ta’ Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ progress dwar it-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, fin-negozjati ta’ adeżjoni tagħha, it-Turkija impenjat ruħha li twettaq riformi, tiżviluppa relazzjonijiet ta’ viċinat tajba u tallinja ruħha b’mod gradwali mal-UE, u billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija stess sabiex tkompli timmodernizza u tikkonsolida u ttejjeb aktar l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, l-istat tad-dritt u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

B.  billi l-Gvern Tork ipproċeda malajr għat-twettiq ta’ riformi ekonomiċi neoliberali u għad-deregulazzjoni marbuta mal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, iżda qed jipproċedi bil-mod ħafna għat-twettiq ta’ riformi politiċi u demokratiċi bħat-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

C. billi l-vjolenza sistematika kontra d-dimostranti saret fenomenu frekwenti fit-Turkija;

D. billi d-dimostrazzjonijiet tal-massa li bdew bħala protesta għall-iżvilupp mill-ġdid tal-Park Gezi (Istanbul) malajr saru moviment ta’ protesta kontra l-oppressjoni, u dan b’reazzjoni għall-brutalità mill-pulizija u l-vjolenza fuq id-dimostranti fil-pjażża Taksim;

E.  billi skont l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-unjins tat-tobba, il-vjolenza ta’ dawn l-aħħar ġranet infirxet mal-pajjiż kollu, u erba’ persuni mietu u hemm tal-anqas 1 500 feriti f’Istanbul, u aktar minn 700 feriti f’Ankara;

F.  billi ntuża sew iċ-ċilindri tal-gass tad-dmugħ mill-pulizija kontra l-protesti inizjalment paċifiċi, u li ħafna aktar ċilindri ntefgħu mill-ħelikopters fuq żoni residenzjali fejn ma kienx hemm dimostranti; billi diversi drabi ċ-ċilindri tal-gass tad-dmugħ ġew sparati ġo djar, bi ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità;

G. billi saru akkużi serji dwar il-fatt li l-Gvern tat-Turkija prova jibblokka n-netwerks soċjali u jneħħi l-aċċess għall-internet, sabiex jipprova jwaqqaf il-fluss ta’ informazzjoni mix-xeni ta’ rallies kontra l-gvern; billi l-Prim Ministru Recep Tayyip Erdogan iddenfixxa l-midja soċjali bħala “theddida”;

H. billi d-demostrazzjonijiet massivi qed jiġbdu l-attenzjoni għall-insabbiltà fil-pajjiż; billi, għalkemm il-mobilizzazzjonijiet popolari jirrapreżentaw spettru ideoloġiku wiesa’, dawn xorta jikkostitwixxu esternalizzazzjoni ċara tar-rabbja tal-poplu Tork diretta lejn il-Gvern ta' Erdogan u l-partit AKP tiegħu fis-setgħa;

I.   billi s-segwitu u l-implimentazzjoni ta’ aġenda pro-Iżlamika ħolqu diviżjonijiet u kunflitti fost il-gruppi soċjali, politiċi u ekonomiċi diversi fit-Turkija;

J.   billi l-protesti u l-parteċipazzjoni massiva juru li l-poplu qed jaffaċċja problemi multipliċi u profondi ħafna, peress li t-tkabbir ekonomiku fit-Turkija mhuwiex qed jiġi akkompanjat b’titjib fl-istandards tal-għajxien tal-poplu, filwaqt li ċ-ċittadini u l-ħaddiema Torok ma jgawdux minn drittijiet u libertajiet naturali u l-pagi u l-benefiċċji huma baxxi ħafna;

K. billi waħda mir-raġunijiet prinċipali għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tikkonċerna l-politika estera ta’ Erodgan fir-rigward tas-Sirja, peress li l-pożizzjoni favur intervent fuq il-gwerra ċivili fis-Sirja, permezz ta’ kooperazzjoni mal-forzi ta’ oppożizzjoni u anki fl-intern tal-fruntieri tal-pajjiż, ittrasferit fit-Turkija l-klima tal-pajjiż ġar;

L.  billi l-pulizija Torka ta’ kontra l-irvellijiet qed ikollha fil-mira tagħha l-partiti politiċi u ġie rrapportat attakk fl-uffiċċji tal-partit politiku TKP u ċ-Ċentru Kulturali ta’ Nazim Hikmet;

M. billi fl-11 ta’ Ġunju 2013 filgħodu l-pulizija Torka ta’ kontra l-irvellijiet marret lura fil-pjazza Taksim u użat il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma;

N. billi t-Turkija diġà ġiet ikkundannata tliet darbiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem talli kisret id-drittijiet ta’ dawk li kienu qed jipparteċipaw f’dimostrazzjonijiet u għat-trattament ħażin tad-detenuti;

O. billi t-Turkija, bħala kandidat għall-adeżjoni mal-UE, għandha l-obbligu li tirrispetta u tippromwovi d-demokrazija u li ssaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi u tal-bniedem; billi r-Rapport ta’ Progress tal-2012 dwar it-Turkija tal-Kummissjoni ħa att tal-allokazzjoni ta’ EUR 810 miljun mill-Istrument tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni lgħar-riforma ġudizzjarja u tal-pulizija;

P.  billi d-dritt demokratiku li tipprotesta qed ikun mhedded aktar u aktar hekk kif ir-rabbja tan-nies madwar id-dinja kollha kontra l-politiki neoliberali u antisoċjali tiżdied.

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza ta’ Stat tal-Gvern Tork kontra d-dimostranti u l-poplu tat-Turkija;

2.  Jikkundanna bil-qawwa li l-pulizija Torka ta’ kontra l-irvellijiet qed ikollha fil-mira tagħha l-partiti politiċi;

3.  Jitlob lill-Gvern Tork iwaaqaf immedjatament il-vjolenza kontra d-dimostranti u jitlob għar-rilaxx tad-dimostranti paċifiċi kollha detenuti bħalissa;

4.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mat-talbiet tad-dimostranti biex jiġu rispettati d-demokrazija u d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi u tal-bniedem; jemmen li d-drittijiet ċivili, id-drittijiet tan-nisa u d-dittijiet soċjali u ekonomiċi ma għandhomx jiġu mminati b’xi reliġjon;

5.  Jikkundanna t-tentattivi tal-mezzi prinċipali ta’ komunikazzjoni elettronika Torok li jsikktu l-avvenimenti;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ ebda tolleranza fir-rigward tal-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi u jitlob li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta indipendenti u imparzjali sabiex tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin u l-użu ta' forża minn uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, kumtati ta’ dimostranti u dawk kollha involuti;

7.  Jitlob lill-Gvern Tork jieqaf bil-forma awtoritarja attwali ta’ gvern u jibda djalogu mal-organizzazzjonijiet tad-dimostranti, sabiex tiġi evitata eskalazzjoni tal-vjolenza, li se tirriżilta f’vittmi oħra;

8.  Jitlob għar-rilaxx immedjat ta’ 10 000 priġunier politiku, li ħafna minnhom kienu attivisti tax-xellug, attivisti Kurdi, kif ukoll ġurnalisti, li qed jinżammu f’kundizzjonijiet li jmorru kontra l-istat tad-dritt;

9.  Jitlob lill-Gvern Tork jerġa’ jeżamina l-politiki soċjali, politiċi, kulturali u ekonomiċi tiegħu, li huma l-kawża ewlenija tar-rewwixta popolari, peress li l-inċident fil-Park Gezi huwa biss skuża li wasslet għas-sitwazzjoni;

10. Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-uffiċjali Torok li, minflok ikkontribwixxew sabiex tiġi normalizzata s-sitwazzjoni, ikomplu jxewxu u qed ikkaġunaw aktar diżordni;

11. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija qed ikomplu jaffaċċjaw multi, proċedura ta’ għeluq u ostakoli amministrattivi u li d-drittijiet tat-trejdjunjonisti u tal-ħaddiema mhumiex qed jiġu rispettati bis-sħiħ; jistieden lill-Gvern Tork jimplimenta immedjatament leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins, sabiex tiġi garantita l-konformità mal-acquis tal-UE u l-konvenzjonijiet tal-ILO, speċjalment fir-rigward tad-dritt għall-istrajkjar u d-dritt għan-negozjar kollettiv;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tat-Turkija.